Dwar xiex inhi?

F'Ġunju 2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni dwar l-appoġġ lill-prevenzjoni mir-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti. Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi l-azzjonijiet f'seba' oqsma speċifiċi fejn il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE tista' twassal valur miżjud, notevolment fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ.

Il-Komunikazzjoni tikkontribwixxi għas-segwitu tad-Dikjrazzjoni ta' Pariġi dwar il-Promozzjoni taċ-ċittadinanza u tal-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni, li fl-2015 kienet adottata mill-Ministri tal-Edukazzjoni Ewropej u mill-Kummissarju Navracsics.

Id-Dikjarazzjoni ssejjaħ għall-mobilizzazzjoni tas-settur tal-edukazzjoni biex jippromwovi l-inklużjoni u l-valuri fundamentali. Hi tistabbilixxi lista konkreta ta' objettivi li għandhom jiġu segwiti fil-livell nazzjonali u lokali u tiddefinixxi erba' prijoritajiet ġenerali għal kooperazzjoni fil-livell tal-UE:

  • jiġi żgurat li ż-żgħażagħ jiksbu l-kompetenzi soċjali, ċiviċi u interkulturali billi jiġu promossi l-valuri demokratiċi u d-drittijiet fundamentali, l-inklużjoni soċjali u n-nondiskriminazzjoni, u ċ-ċittadinanza attiva;
  • jitrawwem il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu biex wieħed jifhem il-midja, b'mod partikolari fl-użu tal-Internet u tal-midja soċjali, biex it-tfal u ż-żgħażagħ jiżviluppaw reżistenza kontra d-diskriminazzjoni u l-indottrinazzjoni;
  • tittejjeb l-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ żvantaġġati billi jiġi żgurat li s-sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ tagħna jindirizzaw il-bżonnijiet tagħhom; u
  • jiġi promoss id-djalogu interkulturali permezz ta' kull tip ta' tagħlim, b'kooperazzjoni ma' politiki rilevanti oħrajn u mal-partijiet ikkonċernati.

Kif tinkiseb?

Is-segwitu tad-Dikjarazzjoni hu prijorità ewlenija tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri appoġġjata mill-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ (qafas strateġiku tal-ET 2020) u ż-żgħażagħ kif stabbilit fir-Rapport Konġunt tal-ET 2020 u r-Rapport Konġunt dwar iż-Żgħażagħ.

F'Mejju 2016, il-Kummissarju Tibor Navracsics ospita Colloquium fuq livell għoli dwar il-Promozzjoni tal-Inklużjoni u tal-Valuri Fundamentali permezz tal-Edukazzjoni - Mod għall-Prevenzjoni mir-Radikalizzazzjoni Vjolenti.

Barra minn hekk, Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Inklużjoni fid-Diversità biex tinkiseb Edukazzjoni ta' Kwalità Għolja għal Kulħadd ġew adottati fis-17 ta’ Frar 2017.

It-tagħlim mill-pari u l-iskambju ta' prattiki tajbin huma attivitajiet ewlenin taħt ET 2020 u l-kooperazzjoni mas-settur taż-żgħażagħ. Dan hu wkoll attività importanti fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi. Żewġ Gruppi ta' Ħidma speċifiċi ġew stabbiliti għal dan l-għan, li jinkludu l-partijiet ikkonċernati ewlenin:

Biex jappoġġja l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi, il-programm Erasmus+ jipprovdi finanzjament għal proġetti ta' kooperazzjoni transnazzjonali:

  • Fl-2016, Erasmus+ qed jagħmel aktar minn EUR 400 miljun disponibbli għal sħubija transnazzjonali biex jiġu żviluppati approċċi u prattiki innovattivi ta' politika fl-aktar livell bażiku. F'din l-allokazzjoni, qed tingħata prijorità lill-proġetti li jindirizzaw l-objettivi tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi;
  • Allokazzjoni speċifika ta' EUR 13-il miljun twarrbet biex tappoġġja d-disseminizzazzjoni u t-titjib tal-prattiki tajbin mil-livell bażiku;
  • Fl-2017, il-Kummissjoni qed tippjana biex tappoġġja aktar l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni permezz ta' azzjonijiet kemm regulari kif ukoll speċifiċi taħt il-programm ta' Erasmus+.

B'appoġġ għas-segwitu tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi, it-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza hu wkoll prijorità ewlenija u jistrieħ fuq l-azzjonijiet segwenti:

Mill-2013 ’l hawn, il-Kummissjoni implimentat programm konġunt mal-Kunsill tal-Ewropa, “Id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fl-Azzjoni”. Il-programm għandu l-għan li jiġbor u jiddissemina informazzjoni dwar l-edukazzjoni taċ-ċittadinanza u li jiżviluppa għodod prattiċi, bħal kurrikuli u materjal edukattiv biex jappoġġja lill-pajjiżi parteċipanti fit-trawwim taċ-ċittadinanza u l-edukazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. Mill-2016 'l quddiem, il-programm se jkun rinforzat aktar biex jappoġġja wkoll l-ippilotjar tal-Qafas ta' Referenza tal-Kompetenzi għal Kultura Demokratika mniedi mill-Kunsill tal-Ewropa f'April 2016.

Il-fokus fuq l-inklużjoni soċjali u ċ-ċittadinanza permezz ta' tagħlim formali u nonformali jinkludi wkoll li tingħata attenzjoni speċjali lil studenti minn gruppi vulnerabbli, li jinkludu dawk bi sfond ta' migranti, bi sfond soċjoekonomiku żvantaġġjat, ir-Rom, l-LGBTI u studenti bi ħtiġijiet speċjali.

Xi jmiss?

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni għandu l-mandat biex jipprepara kemm il-qafas ta' politika dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni u tal-valuri fundamentali permezz tal-edukazzjoni, kif ukoll kompendju onlajn ta' prattiki tajba, sa Ġunju 2018.

Sal-aħħar tal-2016, il-Grupp ta' Ħidma dwar iż-Żgħażagħ se jiżviluppa għodod speċifiċi li se jipprovdu gwida lill-ħaddiema żgħażagħ u lill-organizzazzjoni taż-żgħażagħ, adattabbli għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istati Membri differenti. Hu se jipprovdi eżempji dwar kif jiġu identifikati u tittieħed azzjoni dwar sinjali bikrija ta' radikalizzazzjoni u dwar iż-żieda tar-reżiljenza taż-żgħażagħ, kif jingħataw għajnuna biex isiru letterati fil-midja u jaħsbu b'mod kritiku, u kif jiġu solvuti l-konflitti mingħajr vjolenza.

Il-Kummissjoni qed tappoġġja wkoll l-azzjonijiet li ġejjin:

  • l-espansjoni tal-Għodod Ewropej għall-Iskejjel, pjattaforma ġdida onlajn għall-iskejjel u l-għalliema li toffri eżempji ta' prattika tajba u riżorsi dwar kif jiġu introdotti approċċi kollaborattivi fl-iskejjel biex titjieb l-inklużjoni u jintlaħaq is-suċċess minn kulħadd;
  • l-espansjoni tal-pjattaforma onlajn ta' eTwinning, li tikkonnettja kemm lill-għalliema u l-klassijiet fl-Ewropa kollha, kif ukoll il-korsijiet ta' taħriġ għall-għalliema dwar l-edukazzjoni taċ-ċittadinanza permezz ta' Erasmus+;
  • it-twaqqif ta' netwerk biex jiġu faċilitati l-kuntatti diretti ma’ mudelli pożittivi ta’ mġiba fl-iskejjel, fost iż-żgħażagħ, fil-klabbs sportivi u fil-ħabsijiet;
  • l-ippilotjar u t-tnedija tal-Inizjattiva tal-Iskambju Virtwali ta' Erasmus+ il-ġdida li se tagħmilha possibbli għaż-żgħażagħ sabiex jiskambjaw l-opinjonijiet u l-ideat permezz ta' konferenzi strutturati u faċli fuq il-web bl-għan li jissaħħu l-għarfien u t-tolleranza interkulturali;
  • l-inċentivi għal istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja sabiex jagħtu kredits għall-volontarjat u għall-iżvilupp tal-kurrikuli li jikkombinaw il-kontenut akkademiku mal-impenn ċiviku;
  • it-tisħiħ tas-Servizz Volontarju Ewropew fejn se tingħata prijorità li tappoġġja proġetti li jippromwovu l-valuri komuni, il-litteriżmu biex wieħed jifhem il-midja u l-ħsieb kritiku;
  • l-appoġġ imsaħħaħ għal proġetti taż-żgħażagħ fil-livell bażiku f’Erasmus+ bl-involviment ta’ atturi ġodda – bħalma huma l-muniċipalitajiet – li jippermetti ż-żieda fl-iskala tal-inizjattivi lokali fis-sħubijiet transfruntieri usa';
  • il-promozzjoni ta’ proġetti li rnexxew u innovattivi permezz ta' Premju Ewropew għall-Inklużjoni Soċjali fl-Isport.