Mogħdija tan-navigazzjoni

Rikonoxximent ta’ ħiliet u kwalifiki

Dwar xiex inhi?

Meta jiċċaqalqu biex jibdew xogħol ġdid jew għal aktar tagħlim, kemm fi ħdan il-fruntieri jew lil hinn minnhom, l-istudenti u l-ħaddiema għandhom jaraw li l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom ikunu rikonoxxuti malajr u faċilment. Dan hu essenzjali biex ngħollu l-livelli tal-ħiliet u tiżdied l-impjegabilità.

L-Unjoni Ewropea żviluppat diversi strumenti biex tappoġġja t-trasparenza u r-rikonoxximent tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi biex ikun aktar faċli li wieħed jistudja u jaħdem kullimkien fl-Ewropa.

X'sar s'issa?

Sal-lum, ġew varati varjetà ta’ inizjattivi bil-għan li jissimplifikaw it-trasparenza u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki mal-Ewropa kollha. Dawn jinkludu:

  • Il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) li jgħin fit-tqabbil tas-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki, tal-oqfsa, u tal-livelli tagħhom sabiex jagħmlu l-kwalifiki aktar faċli biex jinqraw u jinftehmu fill-pajjiżi u s-sistemi kollha differenti fl-Ewropa.
  • Il-validazzjoni tat-tagħlim formali u mhux formali hi mod kif tiġi rikonoxxuta l-medda sħiħa tal-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi ta' individwu, irrispettivament jekk dawn ikunx ġew akkwistati f'sistema formali tal-edukazzjoni jew le. Jekk jiġu vvalidati (identifikati, iddokumentati, assessjati, u/jew iċċertifikati) dawn l-esperjenzi ta’ tagħlim jistgħu jsiru aktar viżibbli u jistgħu jintużaw għal aktar studju jew xogħol. Il-pajjiżi membri huma mistiedna jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa għall-validazzjoni sal-2018. Il-linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-arranġamenti fl-Istati Membri qed jiġu żviluppati. Inventarju Ewropew hu aġġornat b'mod regolari biex tingħata ħarsa ġenerali lejn prattiki tajbin fil-qasam tal-validazzjoni.
  • Europass, sett ta’ ħames dokumenti standardizzati u passaport tal-ħiliet disponibbli mingħajr ħlas f'26 lingwa, maħsub biex jippermetti lill-utenti jippreżentaw il-ħiliet, il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom mal-Ewropa kollha.
  • Sistemi ta' Kreditu, ECTS għall-edukazzjoni għolja u ECVET għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.
  • Arranġament dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja u fl-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali.
Konsultazzjoni pubblika

Il-Kummissjoni Ewropea wettqet stħarriġ onlajn dwar iż-"Żona Ewropea tal-Ħiliet u l-Kwalifiki" mis-17 ta' Diċembru 2013 sal-15 ta' April 2014. L-istħarriġ ikkollata l-opinjonijiet dwar l-ostakoli li qed jiffaċċjaw in-nies meta jressqu biex jiġu rikonoxxuti l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom fl-Ewropa kollha. Hu sab li jeżisti appoġġ qawwi għall-azzjoni biex jiġu simplifikati l-għodod Ewropej għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki, biex isiru aktar koerenti u eħfef għall-użu, u biex tiġi żgurata enfasi aktar qawwija fuq il-ħtieġa tat-tfal tal-iskola, l-istudenti, il-ħaddiema u dawk li jħaddmu.

 

How can we help?