Mogħdija tan-navigazzjoni

L-edukazzjoni u t-taħriġ għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi

X'inhuma?

L-edukazzjoni u t-taħriġ huma kruċjali mil-lat ekonomiku u l-progress soċjali, u l-allinjament tal-ħiliet mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol għandu rwol ewlieni f’dan. Bl-istess mod, taħt l-istrateġija Ewropa 2020 biex tirreaġixxi għall-kriżi ekonomika, l-UE tistabbilixxi miri biex in-numru ta' dawk li jabbandunaw l-iskola qabel iż-żmien jinżel taħt l-10% u żżid l-ammont ta' gradwati mill-edukazzjoni terzjarja għal tal-inqas 40% sal-2020.

Għaliex huma meħtieġa?

F'ekonomija dejjem aktar globalizzata u bbażata fuq l-għarfien, l-Ewropa teħtieġ forza tax-xogħol b'livell tajjeb ta' ħiliet biex tikkompeti f'termini ta' produttività, kwalità u innovazzjoni.

Madankollu, evidenza riċenti turi li 20% tal-popolazzjoni b'età tax-xogħol fl-UE għandhom livell baxx ta' ħiliet fil-qari u l-ktiba u l-matematika. Dan flimkien mad-differenza dejjem tikber bejn il-ħiliet miksuba min-nies u dak li hu mitlub mis-suq tax-xogħol. Dawn il-fatturi jikkontribwixxu għall-qgħad u jillimitaw it-tkabbir ekonomiku.

L-edukazzjoni u t-taħriġ isaħħu wkoll l-iżvilupp personali u ċ-ċittadinanza attiva u jippromwovu l-ekwità, l-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni.

Kif jaħdem dan kollu?

Filwaqt li r-responsabbiltà għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ hija f'idejn l-Istati Membri, l-UE għandha rwol ewlieni fl-appoġġ u l-għajnuna mogħtija lill-isforzi biex dawn is-sistemi ta' edukazzjoni jitjiebu u jiġu mmodernizzati.

L-għanijiet, l-istrumenti u l-arranġamenti għal ħidma konġunta fil-livell tal-UE huma deskritti fil-qafas strateġiku, li nirreferu għalih bħala ET 2020. Dan il-qafas huwa validu sal-2020.

Fi ħdan dan il-qafas, l-oqsma prijoritarji huma identifikati biex jiġu ppjanati attivitajiet f'"ċikli ta' ħidma" ta' tliet snin kull wieħed.

Isir monitoraġġ tal-progress bl-għajnuna ta' indikaturi u bi tqabbil ma' sett ta' punti ta' referenza, imfassla biex jilkkontribwixxu għat-tfassil ta' politika bbażata fuq l-evidenza u l-identifikazzjoni tal-isfidi.

Skont l-Istrateġija Ewropa 2020, il-pajjiżi tal-UE jingħataw gwida speċifika dwar ir-riformi ta' prijorità kull sena ("Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż")

X'tinvolvi?

Sabiex tiżgura l-implimentazzjoni b'suċċess ta' ET2020, l-UE tħalli f'idejn il-Gruppi ta' Ħidma magħmula minn esperti nnominati mill-pajjiżi membri u partijiet interessati oħrajn. Dan ix-xogħol hu parti minn kooperazzjoni usa', magħrufa bħala l-Metodu Miftuħ ta' Kooperazzjoni, li għandu l-għan li jippromwovi t-tagħlim reċiproku, l-iskambju ta' prattiki tajbin, it-trawwim ta' riformi nazzjonali u l-iżvilupp ta' għodda fil-livell tal-UE.

L-UE jwettaq ukoll analiżi tal-pajjiż biex tappoġġja lill-pajjiżi membri fl-iżvilupp tal-politika tagħhom tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Dawn jindirizzaw l-isfidi li huma identifikati fil-livell tal-UE, f’dak nazzjonali, u f’dak reġjonali, u għandhom l-għan li jappoġġjaw it-tagħlim reċiproku, l-iskambju tal-aħjar prattiki, l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-investmenti u l-valutazzjoni tal-progress.

L-UE tippromwovi wkoll għadd ta’ attivitajiet ta' konsultazzjoni u kooperazzjoni li jinvolvu partijiet interessati bħal dawk li jipprovdu t-tagħlim, is-soċjetà ċivili, in-negozji, u organizzazzjonijiet ta’ msieħba soċjali. Il- Forum dwar l-Edukazzjoni, it-Taħriġ u ż-Żgħażagħ huwa pjattaforma annwali għall-iskambu ta' opinjonijiet bejn il-partijiet interessati varji fl-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Fil-perjodu 2014-2020, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jużaw l-opportunitajiet disponibbli permezz tal-programm Erasmus+ u l-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment biex itejbu l-prestazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ tagħhom.