Dwar xiex inhi?

Il-lingwi tas-sinjali huma parti importanti mid-diversità multilingwi tal-Ewropa. Ibbażati fuq iċ-ċaqliq tal-idejn, dawn huma rikki daqs il-lingwi mitkellma f’termini ta’ struttura, sintassi, grammatika, u lessiku. B’mod ġenerali, kull lingwa mitkellma fl-Unjoni Ewropea (UE) għandha lingwa kontroparti tas-sinjali.

In-nuqqas ta' ċifri affidabbli jagħmilha diffiċli li nkunu nafu bl-eżatt kemm hawn nies fl-UE li jużaw lingwa tas-sinjali.

Huwa stmat li persuna f'kull 1,000 tuża l-lingwa tas-sinjali bħala l-ewwel lingwa - i.e. madwar 500,000 ruħ fl-UE. Oħrajn jistgħu jużaw il-lingwa tas-sinjali bħala t-tieni jew it-tielet lingwa, pereżempju l-familja u l-ħbieb ta’ persuni torox jew persuni b’impediment fis-smigħ.

Għaliex hu meħtieġ?

Biex tiżgura l-inklużjoni ta’ persuni neqsin mis-smigħ fis-soċjetà Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea tipprova tiżgura li dawn:

  • ikunu jistgħu jużaw il-lingwa tas-sinjali bħala mezz uffiċjali ta’ komunikazzjoni f’pajjiżhom stess
  • ikollhom aċċess għall-edukazzjoni
  • ikollhom aċċess għall-impjiegi

X'sar s'issa?

Biex it-torox ikunu jistgħu jaħdmu u jitgħallmu fil-lingwa li jippreferu, il-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament Ewropew, tippromwovi l-lingwi tas-sinjali u tappoġġja azzjoni li tagħtihom status uffiċċjali.

L-inizjattivi jinkludu:

  • Dicta-Sign, proġett ta’ tliett snin riċerka ffinanzjat mill-UE biex jagħmel il-komunikazzjoni onlajn iktar aċċessibbli għal utenti torox tal-lingwa tas-sinjali,
  • SignSpeak, initiative innovattiva li ttejjeb il-komunikazzjoni bejn dawk li jużaw s-sinjali u dawk li jitkellmu permezz ta' teknoloġija tal-interpretazzjoni tal-lingwa tas-sinjali.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja azzjoni biex tippromwovi l-inklużjoni fis-soċjetà ta' dawk neqsin mis-smigħ u dawk li jużaw is-sinjali, billi taħdem ma' gruppi u organizzazzjonijiet rilevanti u permezz tal-programm Erasmus+.

 

Aktar informazzjoni