X’inhi?

Permezz tal-programmi Erasmus+ u Orizzont 2020, l-UE tappoġġja skambji internazzjonali ta’ studenti, persunal akkademiku u riċerkaturi, kif ukoll kooperazzjoni strutturata bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-awtoritajiet pubbliċi f’pajjiżi differenti. L-għan huwa li jinħolqu opportunitajiet ġodda għal nies fl-edukazzjoni għolja biex jitgħallmu minn xulxin bejn il-fruntieri nazzjonali u biex jaħdmu flimkien fuq proġetti konġunti biex jiġu żviluppati taħriġ u tagħlim tajjeb, titwettaq riċerka eċċellenti u tiġi promossa l-innovazzjoni.

Għaliex hi meħtieġa?

L-edukazzjoni għolja u r-rabtiet tagħha mar-riċerka u l-innovazzjoni għandha rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-individwu u tas-soċjetà kif ukoll fil-provvediment ta' kapital uman b'ħiliet ta' livell għoli u ta' ċittadini artikolati li l-Ewropa teħtieġ biex toħloq l-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-prosperità.

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja huma sħab kruċjali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea biex jitmexxa 'l quddiem u jinżamm it-tkabbir. L-istrateġija Ewropa 2020 stipulat mira li sal-2020 40% taż-żgħażagħ Ewropej ikollhom kwalifika tal-edukazzjoni għolja.

L-awtoritajiet fl-Istati Membri se jibqgħu responsabbli għall-mod kif tiġi organizzata u kif titwassal l-edukazzjoni għolja fil-pajjiżi tagħhom. L-attivitajiet tal-UE huma maħsuba biex jagħtu dimensjoni internazzjonali addizzjonali għall-istudju, it-tagħlim, ir-riċerka jew it-tfassil tal-politika fl-edukazzjoni għolja.

X'qed tagħmel il-Kummissjoni?

Il-Kummissjoni Ewropea taħdem mill-qrib ma' min ifassal il-politika biex tappoġġja l-iżvilupp ta' politiki tal-edukazzjoni għolja fil-pajjiżi tal-UE f'konformità mal-istrateġija 2020 dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET2020). L-aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja, adottata mill-Kummissjoni f’Mejju 2017, tidentifika erba’ għanijiet ewlenin għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni għolja:

  1. L-indirizzar tal-ispariġġ fil-ħiliet futuri u l-promozzjoni tal-eċċellenza fl-iżvilupp tal-ħiliet
  2. Il-bini ta' sistemi ta' edukazzjoni għolja inklużivi u konnessi
  3. L-iżgurar li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jikkontribwixxu għall-innovazzjoni
  4. L-appoġġ ta' sistemi ta' edukazzjoni għolja effettivi u effiċjenti.

Biex tgħin fil-kisba ta’ kull wieħed minn dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet speċifiċi fil-livell tal-UE, prinċipalment appoġġjati minn taqsimiet differenti ta’ Erasmus+ u Orizzont 2020.

Biex ikun żgurat li dawn l-għanijiet jintlaħqu, il-Kummissjoni Ewropea qed tiżviluppa u tappoġġja wkoll għodod biex tippromwovi l-mobilità (bħall-ECTS u s-Suppliment tad-Diploma), iżżid ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki, u tipprovdi informazzjoni aħjar dwar l-edukazzjoni għolja fl-Ewropa.

Il-Kummissjoni tipprovdi wkoll appoġġ lill-Proċess ta' Bolonja, imfassal biex jippromwovi r-riforma fl-edukazzjoni għolja bil-ħsieb li jistabbilixxi Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja, u jippromwovi l-iskambju ta' prattiki ta' politika tajbin bejn pajjiżi differenti permezz tal-grupp ta' ħidma dwar l-edukazzjoni għolja ET2020.

X'sar s'issa?

L-aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja ġiet żviluppata fid-dawl tar-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika li ntemmet fl-2016.

Hija taġġorna u tieħu post l-Aġenda għall-Immodernizzar tas-Sistemi Ewropej ta’ Edukazzjoni Għolja, adottata mill-Kummissjoni fl-2011.

Hija tappoġġja l-implimentazzjoni tal-aġenda tal-UE għall-edukazzjoni għolja permezz ta' studji li jipprovdu evidenza ta' politika, skambji ta' prattiki tajbin u strumenti ta' nfiq bħall-Programm Erasmus+, Orizzont 2020 u l-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment.

Bħala parti mis-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni tagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) lill-Istati Membri individwali tal-UE, li jistgħu jkopru kwistjonijiet relatati mal-edukazzjoni għolja.