Mogħdija tan-navigazzjoni

Il-Mobilità u l-Kooperazzjoni Transkonfinali

X'inhi?

Il-“mobilità tat-tagħlim” tikkonsisti fil-fatt li wieħed imur barra pajjiżu biex jistudja jew jitħarreġ. Il-ministri tal-UE qablu li jirduppjaw il-proporzjon ta’ studenti fl-edukazzjoni għolja li jtemmu perjodu ta’ studju jew taħriġ barra minn pajjiżhom għal 20% sal-2020 u l-appoġġ għall-mobilità huwa l-fokus prinċipali tal-programm tal-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ Erasmus+.

Għaliex hi meħtieġa?

Li wieħed imur barra pajjiżu biex jistudja jew jitħarreġ jgħin lin-nies jiżviluppaw il-ħiliet professjonali, soċjali u interkulturali tagħhom filwaqt li jżid il-kapaċità tagħhom li jsibu impjieg.

Ir-rikonoxximent tal-kwalifikazzjonijiet akkademiċi miksuba barra l-pajjiż, madankollu, xorta għadu diffiċli; il-portabilità tal-għotjiet u s-self hija ristretta u l-ostakli jfixklu l-moviment ħieles tar-riċerkaturi fl-UE.

L-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ kooperazzjoni transkonfinali se jgħin ukoll biex titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni għolja.

X'sar s'issa?

Iż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (Proċess ta' Bolonja) ġabet magħha tibdiliet kbar li jagħmluha aktar faċli li tistudja u titħarreġ barra pajjiżek: l-istruttura ta' baċellerat-master-dottorat u l-avvanzi fl-assigurazzjoni tal-kwalità ffaċilitat il-mobilità tal-istudenti u l-istaff u saħħet l-istituzzjonijiet u lis-sistemi.

B'mod parallel mal-istabbiliment tal-mira ta' mobilità ta' 20%, fl-2011 il-ministri ta' edukazzjoni tal-UE adottaw Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-mobilità tat-tagħlim, li fiha impenjaw lilhom infushom biex joħolqu ambjent aktar pożittiv għall-mobilità tat-tagħlim. Din ir-Rakkomandazzjoni tfittex li ttejjeb il-provvediment tal-informazzjoni u l-gwida dwar il-mobilità, iżżid ir-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi, u ttejjeb il-portabilità tal-appoġġ għall-istudenti.

L-użu ta' għodod Ewropej għall-mobilità u l-assigurazzjoni tal-kwalità bħall-ECTS, is-Suppliment tad-Diploma u r-Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità jiffaċilita l-fiduċja reċiproka, ir-rikonoxximent akkademiku u l-mobilità.

Il-programm Erasmus+ jipprovdi appoġġ dirett lil min jixtieq jistudja jew jitħarreġ barra pajjiżu u lil proġetti li jappoġġjaw il-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja.

 

How can we help?