Mogħdija tan-navigazzjoni

L-attivitajiet tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni għolja

X’inhu kopert?

Il-gvernijiet nazzjonali huma responsabbli għas-sistemi tagħhom tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-universitajiet jorganizzaw l-kurrikuli individwali tagħhom stess. Madankollu, l-isfidi li qed taffaċċja l-edukazzjoni għolja huma simili mal-Ewropa kollha u hemm vantaġġi ċari jekk ikun hemm ħidma flimkien.

Għalxiex huma meħtieġa?

L-edukazzjoni għolja u r-rabtiet tagħha mar-riċerka u l-innovazzjoni għandhom rwol kruċjali fl-iżvilupp tal-individwu u tas-soċjetà kif ukoll fil-provvediment ta' kapital uman b'ħiliet ta' livell għoli u ta' ċittadini artikolati li l-Ewropa teħtieġ biex toħloq l-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-prosperità.

L-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja huma sħab kruċjali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Unjoni Ewropea biex immexxu 'l quddiem u nżommu t-tkabbir. L-istrateġija Ewropa 2020 stipulat mira li sal-2020 40% taż-żgħażagħ Ewropej ikollhom kwalifika tal-edukazzjoni għolja.

X'qed tagħmel il-Kummissjoni?

Il-Kummissjoni Ewropea taħdem mill-qrib ma' min ifassal il-politika biex tappoġġja l-iżvilupp ta' politiki tal-edukazzjoni għolja fil-pajjiżi tal-UE f'konformità mal-istrateġija 2020 dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET2020). L-aġenda tal-immodernizzar għall-edukazzjoni għolja tiffissa ħames prijoritajiet prinċipali għall-edukazzjoni għolja fl-EU:

  1. żieda fin-numru ta' gradwati tal-edukazzjoni għolja;
  2. titjib fil-kwalità u r-rilevanza ta' kif wieħed jgħallem u jitgħallem;
  3. promozzjoni tal-mobilità tal-istudenti u l-istaff u l-kooperazzjoni transkonfinali;
  4. tisħiħ tat-"trijangolu tal-għarfien" li jorbot l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni.
  5. il-ħolqien ta' mekkaniżmi effettivi ta' governanza u finanzjament għall-edukazzjoni għolja.

Sabiex ikun żgurat li dawn l-għanijiet jintlaħqu, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda wkoll tiżviluppa u tappoġġja għodod biex tippromwovi l-mobilità (bħall-ECTS u s-Suppliment tad-Diploma), iżżid ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki, u tipprovdi informazzjoni aħjar dwar l-edukazzjoni għolja fl-Ewropa.

Il-Kummissjoni tipprovdi wkoll appoġġ lill-Proċess ta' Bolonja, imfassal biex jippromwovi r-riforma fl-edukazzjoni għolja bil-ħsieb li jistabbilixxi Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja, u jippromwovi l-iskambju ta' prattiki ta' politika tajbin bejn pajjiżi differenti permezz tal-grupp ta' ħidma dwar l-edukazzjoni għolja ET2020.

Fl-aħħar nett, flimkien mal-immaniġġjar tal-programm Erasmus+, li jipprovdi varjetà ta' opportunitajiet għall-istudenti tal-edukazzjoni għolja, il-Kummissjoni hija responsabbli għall-appoġġ ta' inizjattivi ta' kooperazzjoni internazzjonali fl-edukazzjoni għolja ma' pajjiżi barra l-UE.

X'sar s'issa?

Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat serje ta' dokumenti ta' politika, inkluża Aġenda għall-Immodernizzar tas-Sistemi Ewropej ta' Edukazzjoni Għolja, li ġiet approvata mill-Ministri tal-Edukazzjoni u l-Parlament Ewropew. Hi tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Aġenda tal-Immodernizzar permezz ta' studji li jipprovdu evidenza ta' politika, skambji ta' prattiki tajbin u strumenti ta' nfiq bħall-Programm Erasmus+ u l-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment.