Mogħdija tan-navigazzjoni

Il-politika tal-UE fil-qasam tat-tagħlim għall-adulti

X'inhu?

It-tagħlim għall-adulti huwa komponent vitali tal-politika tat-tagħlim tul il-ħajja tal-Kummissjoni Ewropea.

Hu essenzjali għall-impjegabbiltà u l-kompetittività, l-inklużjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva, u l-iżvilupp personali. L-isfida hija li nipprovdu opportunitajiet ta’ tagħlim għall-adulti kollha, matul ħajjithom kollha, speċjalment lill-gruppi żvantaġġati li l-iktar għandhom bżonnhom.

It-tagħlim għall-adulti jinkludi t-tagħlim formali, mhux formali u informali; jista' jsir biex jittejbu l-ħiliet bażiċi, jinkisbu kwalifiki ġodda, jinkiseb livell ogħla tal-ħiliet jew jingħataw ħiliet ġodda għall-impjiegi, għat-tkabbir personali, jew purament għall-gost.

Id-domanda għat-tagħlim għall-adulti qed tiżdied u l-Kummissjoni hija impenjata biex tgħin lill-pajjiżi kollha tal-UE joħolqu sistemi tat-tagħlim għall-adulti kkaratterizzati mill-flessibbiltà, kwalità għolja, tagħlim eċċellenti, u l-involvment sħiħ tal-awtoritajiet lokali, min iħaddem, l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili, u l-organizzazzjonijiet kulturali.

Oqsma ta’ Prijorità

L-Aġenda Ewropea Mġedda għat-tagħlim għall-adulti (2011) tiddeskrivi viżjoni dwar kif għandu jiġi żviluppat it-tagħlim għall-adulti fl-Ewropa sal-2020. Prijoritajiet speċifiċi għall-perjodu 2015–2020 huma:

  • Il-governanza: l-iżgurar tal-koerenza tat-tagħlim għall-adulti ma’ oqsma oħra ta’ politika, it-titjib tal-koordinazzjoni, l-effettività u r-rilevanza skont il-ħtiġijiet tas-soċjetà, tal-ekonomija u tal-ambjent; iż-żieda, fejn xieraq, kemm tal-investiment privat kif ukoll dak pubbliku.
  • L-għoti u l-użu: iż-żieda b’mod sinifikanti tal-għoti ta’ opportunitajiet għat-tagħlim ta’ kwalità għolja għall-adulti, speċjalment għal-litteriżmu, għan-numeriżmu u għall-ħiliet diġitali, u ż-żieda tal-użu ta’ dawn l-opportunitajiet permezz ta' strateġiji effettivi ta' komunikazzjoni, gwida u motivazzjoni mmirati lejn il-gruppi li huma l-iktar fil-bżonn
  • Il-flessibbiltà u l-aċċess: it-twessigħ tal-aċċess permezz ta' żieda fid-disponibbiltà ta' tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u l-użu effettiv tal-ICT; id-dħul fis-seħħ ta' proċeduri biex jiġu identifikati u jiġu vvalutati l-ħiliet ta’ adulti bi kwalifiki baxxi, u biex jingħataw biżżejjed opportunitajiet għal ċans ieħor ta’ tagħlim li jwassal għal kwalifika rikonoxxuta tal-QEK għal dawk mingħajr kwalifiki tal-livell 4.
  • Il-kwalità: it-titjib tal-assigurazzjoni tal-kwalità, inklużi l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-impatt, it-titjib fl-edukazzjoni inizjali u kontinwa tal-edukaturi tal-adulti u l-ġbir tad-dejta neċessarja dwar il-ħtiġijiet sabiex l-edukazzjoni li tingħata tkun immirata u mfassla b’mod effettiv.

Grupp ta' Ħidma dwar it-Tagħlim għall-Adulti ta' ET 2020, li ħadem mill-2014 sal-2015, ipproduċa gwida ta' politika, abbażi tal-aqwa prattika fl-Ewropa, dwar dawn is-suġġetti:

Il-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim għall-Adulti fl-Ewropa (EPALE) hija spazju mulitlingwi onlajn għall-iskambju, il-wiri, u l-promozzjoni tal-metodi tal-aħjar prattika fl-edukazzjoni għall-adulti. L-individwi involuti fl-organizzazzjoni u l-għoti tal-edukazzjoni għall-adulti għandhom aċċess onlajn għall-pjattaforma tat-tagħlim għall-adulti għall-iskambju tal-aħħar żviluppi u t-tagħlim minn xulxin.

EPALE tinkludi wkol librerija ta' riżorsi, kalendarju ta' korsijiet u avvenimenti ta' interess għall-professjonisti tal-edukazzjoni għall-adulti, kif ukoll għodda għat-tiftix tal-imsieħba, li dalwaqt se titlesta minn gruppi kollaborattivi.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Grupp ta' Ħidma dwar it-Tagħlim għall-Adulti ta' ET 2020 se jipproduċi gwida ta' politika dwar it-tagħlim għall-adulti fuq il-post tax-xogħol mill-2016 sal-2018.

 

How can we help?