Mogħdija tan-navigazzjoni

Kooperazzjoni man-negozju

Erasmus+ jgħin l-universitajiet u l-intrapriżi biex jaħdmu flimkien permezz ta’ diversi attivitajiet, inkluż it-tagħlim, it-taħriġ, it-traineeships u proġetti konġunti.

 
X'jinvolvi?

Peress li l-ekonomija Ewropea tiddependi fuq il-ħolqien u l-applikazzjoni tal-għarfien, ir-rabtiet b’saħħithom bejn is-settur tan-negozju u l-edukazzjoni għolja huma essenzjali. L-intrapriżi qed jinvolvu ruħhom dejjem aktar fil-programmi Ewropej tal-edukazzjoni u t-taħriġ, b’riżultati pożittivi għaż-żewġ naħat, li jwasslu għal sħubijiet dejjiema.

L-attivitajiet rilevanti ta' Erasmus+ għal kooperazzjoni man-negozju huma:

X’inhuma l-Alleanzi tal-Għarfien?

Il-kontribut tal-edukazzjoni għolja għall-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku, u l-attrazzjoni internazzjonali tagħha, jistgħu jissaħħu permezz ta' rabtiet bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Dawn jikkostitwixxu t-tliet naħat tat-“trijangolu tal-għarfien”, u jistimulaw l-iżvilupp ta’ ħiliet intraprenditorjali, kreattivi u innovattivi fid-dixxiplini kollha, u jippromwovu l-innovazzjoni fl-edukazzjoni għolja permezz ta’ ambjenti ta’ tagħlim aktar interattivi u skambju ta’ għarfien akbar.

X’inhuma l-għanijiet tal-Alleanzi tal-Għarfien?

L-għan tal-Alleanzi tal-Għarfien huwa li jsaħħu l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-Ewropa billi jrawmu l-innovazzjoni fl-edukazzjoni għolja permezz ta’ skambju ta’ għarfien ibbilanċjat mal-intrapriżi u l-ambjent soċjo-ekonomiku usa’. Dawn jimplimentaw sett koerenti u komprensiv ta’ attivitajiet transnazzjonali interkonnessi permezz ta’ sħubijiet strutturati, li jinvolvu mill-anqas sitt organizzazzjonijiet minn tal-inqas tliet Pajjiżi tal-Programm, li fosthom għandu jkun hemm minimu ta’ żewġ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u minimu ta’ żewġ intrapriżi.

L-Alleanzi tal-Għarfien se:

  • Jiżviluppaw approċċi innovattivi u multidixxiplinari għat-tagħlim;
  • Jistimulaw l-intraprenditorija u l-ħiliet intraprenditorjali tal-istudenti, tal-akkademiċi u tal-persunal tal-kumpaniji;
  • Jiffaċilitaw l-iskambju, il-fluss u l-ħolqien konġunt tal-għarfien.
Min jista’ jibbenefika?

L-organizzazzjonijiet parteċipanti jistgħu jkunu kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata, stabbilita f’Pajjiż tal-Programm. L-organizzazzjonijiet minn Pajjiżi Msieħba jistgħu jieħdu sehem fil-proġett bħala msieħba (għalkemm mhux bħala l-applikanti tal-koordinazzjoni), sakemm l-involviment tagħhom iwassal għal valur miżjud ċar għall-proġett.

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja stabbiliti f'Pajjiż tal-Programm għandu jkollhom Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja (ECHE) valida. L-ECHE mhix meħtieġa għal istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja parteċipanti f’Pajjiżi Msieħba, iżda jridu jaċċettaw il-prinċipji tal-ECHE.

X’inhu t-tul ta' żmien?

Il-proġetti għandhom idumu mhux inqas minn sentejn u mhux aktar minn 3 snin.

Vidjow

Vidjow ta' Wendy Broers, Lekċerer Anzjana fl-Università tax-Xjenzi Applikati ZUYD, il-Pajjiżi l-Baxxi, dwar l-Alleani tal-Għarfien bejn l-intrapriżi u l-edukazzjoni għolja għat-trawwim tal-innovazzjoni

Kif tapplika?

L-applikanti għandhom japplikaw billi jwieġbu għal sejħa annwali għal proposti. L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA).

 

How can we help?