Mogħdija tan-navigazzjoni

Sistema Ewropea ta’ Trasferiment u Akkumulazzjoni ta’ Krediti (ECTS)

X'inhi?

Is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS) hi għodda li tgħin tfassal, tiddeskrivi, u twassal programmi ta’ studju u tagħti kwalifiki tal-edukazzjoni għolja. L-użu tal-ECTS, flimkien ma’ oqfsa ta’ kwalifiki bbażati fuq ir-riżultati, tagħmel il-programmi ta’ studju u l-kwalifiki aktar trasparenti u tiffaċilita r-rikonoxximent tal-kwalifiki.

Għaliex hemm bżonnha?

Billi l-edukazzjoni għolja ssir komparabbli madwar l-Ewropa, l-ECTS tagħmel it-tagħlim fl-edukazzjoni għolja aktar trasparenti u tiffaċilita r-rikonoxximent tal-istudji kollha. Tgħin fit-tfassil tal-kurrikulu u tiżgura l-kwalità u tippermetti t-trasferiment ta’ esperjenzi ta’ tagħlim bejn istituzzjonijiet differenti, aktar mobilità għall-istudenti u rotot aktar flessibbli biex dawn jiksbu l-lawrji.

L-ECTS hi relatata mill-qrib mal-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa. B’mod partikolari, hi għodda ċentrali fil-Proċess ta’ Bolonja li għandu l-għan li jagħmel is-sistemi nazzjonali aktar kompatibbli.

L-istituzzjonijiet parteċipanti jippubblikaw il-katalgi tal-korsijiet tagħhom fuq l-internet, inklużi deskrizzjonijiet dettaljati ħafna tal-programmi ta’ studju, il-moduli, ir-regolamenti universitarji u s-servizzi tal-istudenti.

Id-deskrizzjonijiet tal-kors jinkludu “riżultati tat-tagħlim” (jiġifieri dak li l-istudenti huma mistennija li jkunu jafu, jifhmu u jkunu kapaċi jagħmlu) u l-ammont ta’ xogħol (jiġifieri l-ħin li l-istudenti jkollhom bżonn iqattgħu biex jinkisbu dawn ir-riżultati). Kull riżultat tat-tagħlim hu espress f’termini ta’ krediti, bl-ammont ta' xogħol li jvarja bejn 1,500 u 1,800 siegħa għal sena akkademika, u ġeneralment kreditu wieħed jikkorrispondi għal 25-30 siegħa ta’ xogħol.

Serje ta’ dokumenti jgħinu fl-akkumulazzjoni u t-trasferiment ta’ krediti

 

How can we help?