Mogħdija tan-navigazzjoni

Il-politiki settorjali ta’ l-UE

Tul l-aħħar deċennji, il-ħtieġa biex ikunu stabbiliti l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd u regoli komuni tal-logħba għas-setturi tas-suq, inklużi regoli dwar l-interventi mill-gvernijiet, saret aktar ovvja.

Dan huwa minħabba d-diviżjoni inernazzjonali intensifikata tax-xogħol u l-fatt li kważi s-swieq ta’ l-oġġetti u tas-servizzi kollha issa huma internazzjonali, jew għandhom xi xorta ta’ tixrid internazzjonali. Fl-Ewropa, l-UE tiffissa r-regoli u ġġib l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd.

L-Unjoni Ewropea timplimenta l-politiki tul is-setturi kollha ta’ l-ekonomija. Uħud minn dawn il-politiki (il-politika agrikola komuni, il-politika dwar il-kompetizzjoni) imorru lura għal meta twaqqfet il-Komunità Ewropea. F’oqsma oħra, bħall-politika ambjentali jew il-Politika ta’ Koeżjoni, ir-rwol tal-Komunità Ewropea żviluppa maż-żmien hekk kif il-benefiċċji ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib u ta’ koordinazzjoni fost l-Istati Membri saru aktar ċari, it-tixrid internazzjonali sar aktar ovvju, jew id-diskrepanza fl-istandards ta’ l-għajxien minn pajjiż għall-ieħor kibret minħabba ċikli suċċessivi ta’ tkabbir. F’oqsma oħra, bħall-enerġija, il-parti l-kbira tar-responsabbiltà baqgħet f’idejn l-Istati Membri, u kien biss fl-2007 li l-Kunsill Ewropew adotta ‘politika ta’ l-enerġija għall-Ewropa’.

Ir-rwol tad-DĠ ECFIN

F’dawn l-oqsma settorjali kollha, id-DĠ ECFIN jappoġġja l-iżvilupp ta’ politiki li huma effettivi fl-infiq – jiġifieri li jilħqu l-miri tagħhom bl-inqas spiża għas-soċjetà filwaqt li jappoġġjaw żvilupp sostenibbli u jagħtu stimolu lit-tkabbir ekonomiku u lill-impjiegi.

Biex isir dan, aħna nipprovdu analiżijiet ekonomiċi bħala appoġġ għat-tfassil tal-politiki, u ninkoraġixxu lil Direttorati-Ġenerali oħra sabiex ifittxu għażliet politiċi li jagħtu r-riżultati intenzjonati billi jtejbu kif jaħdmu s-swieq, aktar milli billi jqiegħu ostakli mhux meħtieġa fi triqithom.

Dan ifisser li, bħala regola, nippreferu soluzzjonijiet li, pereżempju, jagħtu prezz lil attivitajiet dannużi bħat-tniġġiż, u jħalluha f’idejn il-parteċipanti ekonomiċi individwali biex ibiddlu mġibithom skond dan, aktar milli miżuri invażivi li jippreskrivu tekniki ta’ produzzjoni partikolari jew jirregolaw direttament it-tip ta’ oġġetti li jistgħu jiġu prodotti. Dan huwa minħabba li ntwera li strumenti ta’ politika aktar flessibbli u distakkati jagħtu l-istess riżultati jew riżultati aħjar minn metodi aktar invażivi.

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata 
  • Ċekken it-test 
  • Kabbar it-test