Mogħdija tan-navigazzjoni

Is-swieq tal-prodotti

Swieq tal-prodotti li jaħdmu sew għandhom rwol fundamentali sabiex iwasslu għal livell ogħla ta’ tkabbir ekonomiku u għal impjiegi aħjar meħtieġa sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ l-għajxien u tal-ħidma għaċ-ċittadini ta’ l-UE.

Is-swieq tal-prodotti jkopru l-oġġetti u s-servizzi li l-persuni u n-negozji jbigħu u jixtru; pereżempju, l-ikel mis-supermarkits, il-provvisti ta’ kartolerija għal uffiċċju governattiv, jew il-ħażniet ta’ sperparts tal-karozzi għal garaxx. Swieq tal-prodotti li jaħdmu sew jiżguraw li l-konsumaturi ta’ l-UE jibbenefikaw minn prezzijiet aktar baxxi u minn għażla akbar ta’ oġġetti u ta’ servizzi billi jiggarantixxu żjieda fil-kompetizzjoni, li twassal biex il-kumpaniji jnaqqsu l-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħhom, iżidu l-produzzjoni tagħhom u jraħħsu l-prezzijiet tagħhom. Jiffavorixxu wkoll id-dħul ta’ kumpaniji ġodda bi prodotti jew b’marki ġodda xi jġibu fis-suq, u jagħtu spinta lill-inċentivi biex id-ditti kollha jġeddu u joħolqu oġġetti jew servizzi ġodda.

Kompetizzjoni aktar b’saħħitha tagħmel ukoll allokazzjoni tar-riżorsi aktar effiċjenti u żżid l-inċentivi biex il-kumpaniji jtejbu l-kompetittività u l-produttività tagħhom. Barra minn hekk, hija ta’ ġid għalihom għaliex tinkoraġġixxi għażla akbar ta’ fornituri u ta’ distributuri u billi tiżgura li dawn jistgħu jixtru l-materja prima tagħhom bi prezzijiet aktar baxxi.

Swieq integrati aħjar jagħtu lill-kumpaniji aċċess għal suq sostanzjalment akbar mis-suq domestiku tagħhom. Dan jipprovdihom b’aktar opportunitajiet għall-espansjoni. Swieq tal-prodotti aktar kompetittivi u integrati aħjar jistgħu anki jgħinu biex tiżdied il-veloċità ta’ l-aġġustament u tal-flessibbiltà għax-xokkijiet ekonomiċi, biex b’hekk jiġi limitat l-impatt ta’ xokkijiet bħal dawn fuq it-tkabbir u fuq l-impjiegi.

Edukazzjoni u ħiliet aħjar, investiment aħjar fir-riċerka u l-iżvilupp (R&D) u inċentivi aħjar għall-innovazzjoni huma oqsma ewlenin ta’ l-Aġenda ta’ Liżbona għat-tkabbir u għall-impjiegi, u huma kritiċi sabiex jiżdiedu l-prodottività u l-kompetittività ta’ l-ekonomija ta’ l-UE. F’dawn l-oqsma, ħidmet id-DĠ ECFIN għandha l-għan li tintegra aħjar l-politiki dwar l-edukazzjoni, l-R&D u l-innovazzjoni f’qafas ekonomiku aktar ġenerali.

Ir-rwol tad-DĠ ECFIN


Id-DĠ ECFIN huwa involut fl-analiżi u fil-monitoraġġ ħidmet is-swieq tal-prodotti fi tliet oqsma indipendenti:

  • Il-kompetizzjoni
  • L-integrazzjoni tas-swieq
  • L-investiment fl-R&D u fl-innovazzjoni.

Din il-ħidma għandha l-għan li tifhem l-iżviluppi fil-produttività u fil-kompetittività u tidentifika l-problemi f’ħidmet is-swieq.

Il-promozzjoni tal-kompetittività u tat-tkabbir tal-produttività tinsab fuqnett ta’ l-aġenda tal-Kummissjoni peress li hija fundamentali sabiex ikun żgurat li l-ekonomija ta’ l-UE tilqa’ b’mod adegwat l-isfidi ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u ta’ dinja dejjem aktar globalizzata fejn il-progress teknoloġiku qed jaċċelera kontinwament.

Id-DĠ ECFIN jimmonitorja mill-qrib ir-rendiment tal-kompetittività ta’ l-ekonomija ta’ l-UE u ta’ l-Istati Membri differenti, janalizza r-rendiment tagħhom f’termini ta’ produttuvità, ta’ innovazzjoni, ta’ prezzijiet u ta’ spejjeż, ta’ investiment kummerċjali u barrani dirett, u jinvestiga liema riformi għandhom impatt ewlieni.

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata 
  • Ċekken it-test 
  • Kabbar it-test