Mogħdija tan-navigazzjoni

L-analiżi tar-riformi stutturali u tal-politiki ta’ l-UE

Kemm l-Istati Membri kif ukoll l-UE jimplimentaw politiki u riformi b’appoġġ għall-Istrateġija ta’ Liżbona. Id-DĠ ECFIN għandu rwol ewlieni fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-politiki u ta’ dawn ir-riformi, bħala kontribut għad-djalogu ekonomiku Ewropew u b’attenzjoni ffokata fuq it-titjib ta’ ħidmiet l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

L-inkoraġġiment ta’ akar tkabbir u aktar impjiegi hija prijorità strateġika kemm għall-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-Istati Membri, u hija parti mill-Istrateġija ta’ Liżbona. B’appoġġ għal din il-prijorità strateġika, l-Unjoni Ewropea timplimenta politiki komuni fis-setturi kollha ta’ l-ekonomija ta’ l-UE filwaqt li l-Istati Membri jimplimentaw ir-riformi strutturali nazzjonali tagħhom. L-effetti ta’ dawn il-politiki u ta’ dawn ir-riformi jinfluwenzaw lill-Unjoni Ewropea kollha minħabba rabtiet ekonomiċi mill-qrib u dejjem akbar bejn l-Istati Membri.

Biex ikun żgurat li dawn l-‘influwenzi’ jkunu kemm jista’ jkun ta’ ġid, u sabiex l-Ewropa tkun ippreparata għall-isfidi li għandha quddiemha, il-Kummissjoni Ewropea tanalizza b’ċerta metikolożità dawn il-politiki kollha. Id-DĠ ECFIN huwa partikolarment involut f’din il-ħidma biex tittejjeb ir-raġuni ekonomika fundamentali tar-riformi strutturali u tal-politiki importanti ta’ l-UE. Jiffoka wkoll attenzjoni speċjali sabiex ħidmet l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tittejjeb kontinwament.

Il-politiki komuni ta’ l-UE li jaqsmu s-setturi kollha ta’ l-ekonomija jinkludu l-Politika Agrikola Komuni u l-Politika dwar il-Kompetizzjoni, li jmorru lura sa minn meta twaqqfu l-Komunitajiet Ewropej, kif ukoll il-politiki li żviluppaw maż-żmien, bħall-politika dwar is-suq intern, il-politika ambjentali u l-Politika ta’ Koeżjoni.

Hija r-responabbiltà tal-Kummissjoni Ewropea li tiżgura li dawn ir-riformi strutturali nazzjonali u ta’ l-UE jiġu analizzati b’mod xieraq. Dawn l-analiżijiet iwasslu għal proposti għal titjib, sabiex ikun jista’ jinkiseb l-akbar impatt ta’ ġid possibbli fuq l-impjiegi u fuq it-tkabbir. Dan irid isir b’aktar urġenza llum peress li l-Ewropa qed tiffaċċja l-isfida tal-bidla fil-klima, tal-popolazzjonijiet li qed jixjieħu u tal-globalizzazzjoni.

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata 
  • Ċekken it-test 
  • Kabbar it-test