Mogħdija tan-navigazzjoni

Valutazzjoni ta’ l-impatt ekonomiku

Il-linji politiċi kollha għandhom ċertu għan ċentrali li jimmiraw li jiksbu. Madankollu, spiss jista’ wkoll ikollhom effetti mhux intenzjonali fuq linji politiċi oħrajn. Jekk dawn jiġu injorati jista’ jirriżulta li jkun hemm ineffiċjenzi u inkonsistenzi fil-linji politiċi; fl-agħar każijiet, dan jista’ jqanqal żviluppi li fuq medda twila ta’ żmien ma jkunux sostenibbli. Il-valutazzjonijiet ta’ l-impatt jippruvaw jidentifikaw u jikkwantifikaw kemm l-impatti intenzjonali kif ukoll dawk mhux intenzjonali tal-proposti ta’ linji politiċi b’enfasi speċjali fuq l-identifikazzjoni ta’ transazzjonijiet potenzjali.

Bl-impenn li d-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECFIN) għandu li jassigura li l-proposti ta’ linji politiċi tal-Kummissjoni jkollhom bażi analitika soda, id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECFIN) minn dejjem kien difensur ħerqan tal-valutazzjoni ta’ l-impatt.

L-iskop tal-valutazzjoni ta’ l-impatt huwa li tappoġġja l-iżvilupp ta’ linji politiċi aħjar billi taqsam il-proċess f’numru ta’ stadji differenti. Kwalunkwe proposta li tkun ippjanata tajjeb trid tibda minn għarfien sod tal-kwistjoni li trid tindirizza. Fuq dawn il-linji, il-valutazzjoni ta’ l-impatt tiżviluppa l-proposta billi tfisser l-għanijiet ċari tagħhom u l-għażliet ta’ linji politiċi possibbli biex jinkisbu dawk l-għanijiet. Hija mbagħad tidentifika l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ kull għażla, u tanalizza l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali probabbli tagħhom.

Il-kontribuzzjoni tad-DĠ ECFIN


Id-DĠ ECFIN kellu parti ewlenija fl-abbozzar tal-linji gwida tal-valutazzjoni ta’ l-impatt tal-Kummissjoni. Dawn joffru pariri dettaljati lill-persunal tal-Kummissjoni responsabbli mill-iżvilupp tal-proposti ta’ linji politiċi. Barra minn hekk huwa jieħu sehem f’valutazzjonijiet ta’ l-impatt għal firxa wiesgħa ta’ linji politiċi.

B’żieda ma’ dan, id-DĠ ECFIN jappoġġja l-ħidma tal-Bord tal-Valutazzjoni ta’ l-Impatt. Dan jevalwa l-kwalità ta’ l-abbozzi finali tar-Rapporti tal-Valutazzjoni ta’ l-Impatt u jagħmel rakkomandazzjonijiet lid-Direttorati Ġenerali biex itejbu l-kwalità tagħhom. Il-membri tal-Bord huma Diretturi mid-Direttorati Ġenerali ta’ l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, ta’ l-Intrapriża, u ta’ l-Ambjent; id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea jippresiedi fuq il-bord.

Il-valutazzjoni ta’ l-impatt hija għodda importanti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi, u mhux is-sostituzzjoni tagħha. Hija tinforma lil min jieħu d-deċiżjonijet dwar x’impatti jista’ jkollhom il-proposti, imma tħalli f’idejhom biex jieħdu d-deċiżjonijiet. Rapport tal-Valutazzjoni ta’ l-Impatt jakkompanja kull proposta tal-Kummissjoni, u jagħti r-raġunijiet għaliex il-Kummissjoni temmen li l-azzjoni li qed tipproponi hija l-aħjar approċċ.

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata 
  • Ċekken it-test 
  • Kabbar it-test