Dwar il-flus
Il-flus mhux dejjem kienu jiġu mill-magni tal-flus fil-banek. Il-flus għandhom storja twila u żviluppaw fuq medda ta’ eluf ta’ snin. Hekk kif żviluppat is-soċjetà tagħna, żviluppa fl-istess ħin il-bżonn tagħna għal suriet aktar sofistikati ta’ flus, kif se niddeskrivu hawnhekk.
- X’inhuma l-flus?
- L-istorja tal-flus
- L-ewwel muniti Ewropej
- Muniti waħidhom fl-istorja
- Muniti tas-seklu 20 fl-Ewropa
X’inhuma l-flus?
L-istorja tal-flus turina li l-flus huma mezz ta’ skambju għall-kummerċ. Jistgħu jkunu mezz ta’ skambju għaliex għandhom valur ċar li kulħadd jafda.
Il-flus huma wkoll mod biex jiġi maħżun il-valur għall-ġejjieni. Għalhekk, pereżempju, nistgħu nfaddlu flusna biex nixtru xi ħaġa li tiswa ħafna flus fil-futur.
Fl-aħħarnett, il-flus huma wkoll unità ta’ rendikont. Il-flus nistgħu ngħodduhom faċilment u jippermettu li nagħtu valur ċar lill-affarijiet.

U l-karti tal-flus?
Sa żminijiet reċenti, il-flus kienu bbażati biss fuq muniti. Dan kien għaliex munita kellha piż preċiż ta’ metall, bħad-deheb u l-fidda, li kellu valur magħruf. Dan it-tip ta’ flus huwa magħruf bħala 'flus specie' u l-valur tiegħu huwa garantit mill-metall prezzjuż li jkun fih.
Hekk kif il-kummerċ żdied, kien hemm bżonn ta’ aktar u aktar flus bħala mezz ta’ skambju. Għalhekk, il-banek u l-gvernijiet bdew jistampaw il-karti tal-flus.
Il-karti tal-flus m’għandhomx il-valur li jirrappreżentaw.
Minflok, min joħroġ il-karti tal-flus jiggarantixxi l-valur tagħhom. Dawn huma magħrufa bħala ‘flus fiat’.
L-istorja tal-flus
Skambju
VJAĠĠATUR TAŻ-ŻMIEN
Spiċċajt fi Żmien il-Ħaġar! Ivvjaġġa matul iż-żminijiet perikolużi u iġbor il-muniti t-tajbin biex iġġibhom lura fil-preżent.
Ħafna eluf ta’ snin ilu, l-antenati tagħna Ewropej kienu jgħixu bħala kaċċaturi u bdiewa.

Mannara tal-ġebel minn
Żmien il-ĦaġarIl-metalli kienu għadhom ma ġewx skoperti, b’hekk kienu jikkaċċjaw u jaħdmu l-għelieqi b’għodod tal-ġebel – dan iż-żmien kien magħruf bħala Żmien il-Ħaġar. L-irġiel u n-nisa ta’ Żmien il-Ħaġar ma kellhomx il-karti tal-flus u l-muniti li nużaw illum. Minflok, kienu jpartu l-affarijiet bejniethom: pereżempju, kaċċatur seta’ jpartat il-ġild ta’ l-annimali ma’ bidwi għall-qamħ, jew sajjied seta’ jpartat l-arzell dekorattiv ma’ mannara tal-ġebel illustrat ma’ kaċċatur. Dan l-iskambju huwa magħruf bħala tpartit. Karatteristika importanti tat-tpartit hija li dan jinvolvi skambju ta’ affarijiet li jkollhom valur.
Mezz ta’ skambju
Meta l-antenati tagħna tgħallmu kif jaħdmu l-metall, l-iskambji saru aktar faċli.

Fidda
Dan għaliex il-metalli, bħad-deheb, il-fidda, il-landa u l-ħadid, kienu prezzjużi għal kulħadd. B’hekk, bidwi seta’ jpartat il-baqar tiegħu għal ċertu ammont ta’ piż f’fidda, imbagħad il-bidwi seta’ juża ftit mill-fidda tiegħu biex iħallas it-taxxi. B’dan il-mod, metalli prezzjużi u oġġetti oħrajn saru ‘miżura tal-valur’, ‘mezz ta’ skambju’ u mod biex ‘jinħażen il-valur' sakemm ikun hemm bżonnu.
L-ewwel muniti
Madwar 2600 sena ilu, issawru l-ewwel muniti fl-Asja Minuri. 
Munita tal-Greċja l-antika
Il-Griegi l-antiki malajr adottaw din l-idea l-ġdida u bdew jipproduċu muniti tal-fidda u tal-bronż, pereżempju d-drakma tal-fidda. Dawn il-muniti bikrijin kien fihom piż speċifikat ta’ metall ta’ ċertu valur. U biex jiggarantixxu dan il-piż, il-muniti kienu stampati b’siġill mir-re jew mill-belt jew mill-pajjiż li kien ħariġhom.
Il-muniti kienu konvenjenti għaliex tista’ tgħoddhom minflok tiżinhom. Minħabba li dawn il-muniti l-ġodda kienu ‘mezz ta’ skambju’ fdat u effiċjenti, għenu ħafna biex jiżdied il-kummerċ fid-dinja antika.
L-ewwel muniti Ewropej
Biex jiggarantixxu l-valur tal-muniti, ir-rejiet u l-gvernijiet kienu jikkontrollaw strettament il-produzzjoni tagħhom.

Denarius li juri lil
Ġuno Moneta
F’Ruma l-antika, il-produzzjoni tal-muniti kienet issir fit-tempju ta’ Ġuno Moneta – li huwa minn fejn ġejja il-kelma 'munita'.
Aktar ’il quddiem, hekk kif l-Imperu Ruman kiber, infetħu zekek oħrajn u l-istess muniti Rumani kienu aċċettati għall-iskambju madwar l-Ewropa kollha, mill-Gżejjer Brittanniċi sat-Turkija – l-ewwel munita pan-Ewropea.
Wara, meta l-Imperu Ruman sfaxxa u bdew jiffurmaw in-nazzjonijiet ta’ l-Ewropa, kull pajjiż kellu l-kontroll tal-munita tiegħu.

Tempju RumanKien minn dawn in-nazzjonijiet Ewropej li writna l-ħafna muniti li kienu jeżistu qabel l-ewro. Ta’ spiss dawn kienu msemmija għal unitajiet ta’ miżura, bħal-lira Taljana u l-markka Finlandiża, għaliex il-muniti oriġinarjament kien fihom ammont stabbilit ta’ deheb u fidda.
Meta jkollok ħafna muniti hemm il-problema li r-rata tal-kambju bejn il-muniti tista’ tvarja ħafna, skond is-suċċess ta’ l-ekonimiji individwali – dan jagħmel il-kummerċ bejn il-pajjiżi riskjuż, u b’hekk ma jiġix inkoraġġit.
Muniti waħidhom fl-istorja
Qabel l-ewro, ġew ippruvati l-unjonijiet monetarji b’muniti waħidhom fl-Ewropa.
L-Unjoni Monetarja Latina kienet tgħaqqad lil Franza, il-Belġju, l-Iżvizzera, il-Greċja u l-Bulgarija fl-1867, b’muniti tad-deheb u l-fidda, u Unjoni Monetarja Skandinava ġiet stabbilita fl-1875. Waħda mir-raġunijiet għala dawn l-unjonijiet fallew kienet li l-prezz tad-deheb kien ivarja meta mqabbel mal-fidda – u dan kien jiddestabilizza l-muniti.

100-Reichsmark Ġermaniża antika
karta tal-flusUnjoni monetarja li rnexxiet kienet dik tal-Federazzjoni Ġermaniża. L-unjoni doganali twaqqfet fl-1834 u r-rati tal-kambju tal-munita ġew stabbiliti.
Imbagħad inħolqot munita waħda, ir-Reichsmark, il-munita li ġiet qabel il-Mark Ġermaniż. L-unjoni monetarja Ġermaniża rnexxiet minn banda minħabba li kellha regoli ċari dwar kif kellhom jiġu prodotti l-muniti.
Muniti tas-seklu 20 fl-Ewropa
Qabel ma daħal l-ewro, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej kellhom il-muniti u l-karti tal-flus tagħhom – il-munita tagħhom.

Għas-safar u l-kummerċ kien ikun hemm bżonn li tibdel il-flus meta tibdel il-pajjiż. Fil-Ġermanja kont tħallas bil-Mark Ġermaniż, jekk titlaq mill-Ġermanja u tmur Franza kien ikollok tibdel il-Marki Ġermaniżi tiegħek ma’ Franki Franċiżi, eċċ.
L-ismijiet tal-muniti l-qodma ta’ l-Ewropa ta’ spiss kienu juru xi ħaġa dwar l-oriġini tagħhom:
- Ix- schilling, użat fl-Awstrija, kien imsemmi għal marka fuq lasta li kienet tintuża għall-għadd.
- It- tolar użat fis-Slovenja, ġej minn munita medjevali, it-thaler, li kienet izzekkata għall-ewwel darba fir-Repubblika Ċeka fl-1518 – l-isem 'thaler' huwa l-oriġini tal-kelma 'dollaru' fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika.
- L-isem tad-drakma Griega jfisser ‘id mimlija’ u jirreferi għal sitt biċċiet tal-metall li kienu jintużatw bħala munita qabel daħlet id-drakma fil-Greċja l-antika.
- Il- frank, li bil-Franċiż ifisser ‘ħieles’, kien izzekkat għall-ewwel darba fis-seklu 14 biex jitħallas il-prezz tal-fidwa għar-Re Franċiż Ġwanni t-Twajjeb.