Il-ħajja ta’ ewro

Il-muniti u l-karti ta’ l-ewro ma jservux għal dejjem. Għandhom ħajja limitata minn meta jiġu ddisinjati u prodotti, sa meta nużawhom u neħilsu minnhom. Hawnhekk se nispjegaw kif nimmaniġjaw dan iċ-ċiklu ta’ ħajja u min hu responsabbli.

L-ewro: munita waħda b’ħafna disinji

Allura x’tip ta’ muniti u karti ta’ l-ewro jeżistu, u min jagħmilhom?
Mela, il-Bank Ċentrali Ewropew, flimkien mal-Banek Ċentrali fil-pajjiżi taż-żona ewro, jiddeċiedi meta se jiġu stampati karti tal-flus ġodda.
L-awtoritajiet nazzjonali jieħdu ħsieb il-muniti.




MUNITI U PAJJIŻI
Minn liema pajjiż ġej kull disinn tal-muniti ewro? Aħseb u irreaġixxi malajr.

Karti tal-flus

Kif se tara, il-karti ta’ l-ewro kollha li għandhom l-istess valur għandhom l-istess disinn fil-pajjiżi kollha.

Għalhekk karta tal-flus ta’ €10 għandha l-istess disinn kemm jekk ġiet stampata fi Spanja, fl-Italja jew fis-Slovenja.

Id-disinji fuq il-karti ta’ l-ewro ntgħażlu waqt kompetizzjoni meta daħal l-ewro. Jekk tħares lejn id-disinji, tista’ tara li jirrappreżentaw stili ta’ arkitettura differenti fl-Ewropa matul iż-żminijiet – l-aktar ta’ pontijiet u twieqi.

Il-karti tal-flus fihom ukoll għadd ta’ karatteristiċi tas-sigurtà biex ma jkunux jistgħu jiġu kkupjati jew 'iffalsifikati'. Dawn il-karatteristiċi tas-sigurtà jinkludu, fost oħrajn, strixxa tal-metall u ologramm.


Il-Muniti

Il-muniti ta’ l-ewro mhumiex l-istess madwar l-Ewropa kollha.

In-naħa l-komuni tal-muniti ewro

Wiċċ wieħed tal-muniti ewro huwa l-istess fil-pajjiżi kollha – dan jissejjaħ il-wiċċ komuni. Il-wiċċ komuni tal-muniti ewro u taċ-ċenteżmi juri mapep differenti ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-wiċċ l-ieħor għandu disinn differenti skond il-pajjiż li ħariġha – dan jissejjaħ in-naħa nazzjonali.
Id-disinji fuq in-naħat nazzjonali huma differenti ħafna iżda s-soltu juru, fost temi oħrajn, xi aspett ta’ l-istorja, l-arti jew in-natura tal-pajjiż.

L-ewro: stampar

Karti tal-flus



PUZZLE TAL-KARTI TAL-FLUS
Għaqqad flimkien il-biċċiet tal-karti ta’ l-ewro.

Il-Bank Ċentrali Ewropew jiddeċiedi meta għandhom jiġu stampati aktar karti tal-flus.

L-awtoritajiet nazzjonali jieħdu ħsieb l-izzekkar tal-muniti. Il-karti ġodda ta’ l-ewro jridu jiġu stampati regolarment minħabba li jkun hemm dejjem aktar bżonn għal flus kontanti u biex jieħdu post il-karti tal-flus li jkunu mqattgħin jew mherrijin u li jkunu tneħħew miċ-ċirkolazzjoni. Kull bank nazzjonali fiż-żona ewro għandu parti fil-produzzjoni tal-karti tal-flus il-ġodda. Naturalment, il-karti ta’ l-ewro huma eżattament l-istess, ikun liema jkun il-bank li jipproduċihom, ħlief in-numri tas-serje tagħhom; il-muniti biss għandhom disinji nazzjonali.

F'Diċembru 2001, kien hemm kwazi 15-il biljun karta tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni b'valur ta' iktar minn €880 biljun.


Il-Muniti

Il-BĊE japprova l-kwantitajiet ta' muniti li kull pajjiżi fiż-żona tal-ewro jista' jipproduċi għall-bżonnijiet tiegħu. Hija r-responsabblità ta' kull pajjiż biex jipproduċi l-muniti tiegħu bid-disinn nazzjonali fuq naħa minnhom.

Biex isiru l-muniti ewro, biċċa metall tonda u lixxa tiġi stampata minn folja tal-metall. Din il-biċċa metall lixxa imbagħad tissaħħan biex irattbuha u l-muniti ta’ 1, 2, u 5 ċenteżmi jinksew bir-ram. Il-biċċiet tal-metall jitqiegħdu bejn żewġ stampi bil-forma mnaqqxa li jistampaw id-disinn tal-munita ta’ l-ewro fuq il-wiċċ il-lixx. Għall-muniti ta’ l-ewro u taż-żewġ ewro, li huma magħmulin minn żewġ metalli b’kulur differenti, dawn iż-żewġ metalli jitwaħħlu flimkien fl-istess ħin meta d-disinn jiġi stampat fuq wiċċ il-munita. Il-muniti issa jkunu lesti għall-użu. Il-produzzjoni tal-muniti tissejjaħ ‘izzekkar’.

X’jiġri mill-karti tal-flus u l-muniti l-qodma?

Il-karti tal-flus u l-muniti ma jibqgħux għal dejjem. Tista’ tiġrilhom il-ħsara, jitherrew, jew jintilfu. B’hekk, il-karti tal-flus u l-muniti bil-ħsara u mherrijin iridu jinstabu u jinbidlu.

Il-karti tal-flus jitherrew ħafna aktar malajr mill-muniti għaliex huma magħmulin minn materjal aktar artab, mhux minn metalli ibsin. Tipikament, il-karti tal-flus jservu biss minn sena u nofs sa sentejn.

Il-karti tal-flus bil-ħsara u mherrijin jingħataw lura lill-banek ċentrali nazzjonali f’kull pajjiż ta’ l-UE minn organizzazzjonijiet li jaħdmu ħafna bil-flus kontanti, pereżempju l-banek. L-ammonti u d-denominazzjonijiet ta’ dawn il-karti tal-flus jiġu kkomunikati lill-Bank Ċentrali Ewropew li jirranġa biex jiġu stampati karti oħrajn minflokhom skond kemm ikun hemm bżonn. Il-muniti jdumu ħafna aktar, tipikament għexieren ta’ snin.

Meta jinstabu muniti bil-ħsara dawn jingħataw lura lill-bank ċentrali nazzjonali jew liz-zekek nazzjonali fejn jiġu ttrattati f’magni speċjali li jimmarkawhom li għandhom il-ħsara. B’dan il-mod ma jistgħux jerġgħu jintużaw, u jinbiegħu bħala metall għar-ruttam. Bl-approvazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-banek nazzjonali joħorġu muniti ġodda jekk ikun hemm bżonn.