L-ewro u int

Id-deċiżjoni li nużaw l-ewro ma kinitx waħda sempliċi. L-introduzzjoni tiegħu kienet proċess twil f’ħafna pajjiżi.
Madankollu, kif tista’ taqra hawn, dan sewa ħafna minħabba l-benefiċċji li l-ewro jġib miegħu.

Kif daħal l-ewro?

Fl-imgħoddi, il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea ippruvaw kemm-il darba jimxu lejn unjoni ekonomika u munita waħda. Madankollu, ma kienx qabel l-1991, fil-belt ta’ Maastricht fl-Olanda, li l-mexxejja Ewropej iddeċidew li jagħmlu pjan sod biex idaħħlu munita waħda. Il-pajjiżi li ddeċidew li jdaħħlu l-ewro għaddew is-snin ta’ wara jippreparaw l-ekonomiji tagħhom – dawn il-preparazzjonijiet kienu magħrufin bħala ‘konverġenza ekonomika'.



KWIŻŻ DWAR L-EWRO
Ittestja l-għarfien tiegħek dwar l-ewro. Tista’ tasal sal-mistoqsija ta’ €500?

Fl-1 ta’ Jannar 1999, l-ewro sar ‘unità tal-kontijiet’. Dan kien ifisser li kien użat f’ħafna operazzjonijiet finanzjarji elettroniċi, iżda ma kienx għadu disponibbli bħala kontanti – karti tal-flus u muniti. Dan sar biex is-sistemi finanzjarji differenti kollha, banek u kumpaniji, ikollhom iż-żmien biex jadattaw għall-munita l-ġdida.

Imbagħad, fl-1 ta’ Jannar 2002, il-karti tal-flus u l-muniti ewro ħarġu fit-12-il pajjiż li kienu se jadottaw l-ewro. L-ATMs fil-banek bdew jagħtu l-ewro, u l-ħwienet bdew jagħtu l-bqija bl-ewro biss. Fi żmien qasir, il-muniti nazzjonali l-antiki kollha kienu nġabru mill-ħwienet u mill-banek u ma baqgħux jiċċirkolaw – iċ-ċittadini taż-żona ta’ l-ewro kellhom ewro biss fi bwiethom u fil-kartiera.

Is-Slovenja kienet l-ewwel mill-pajjiżi l-ġodda tal-UE li bdiet tuża l-ewro. Wara bdew jużawha Malta u Ċipru f'Jannar tal-2008, is-Slovakja fl-2009 u l-Estonja fl-2011.

Bħalissa ż-żona tal-ewro fiha 17-il pajjiż.

Munita waħda għal kulħadd

Il-ħafna muniti differenti fl-Ewropa kienu qed jagħmlu l-ħajja ogħla u iktar diffiċli għal ċaqliq bejn pajjiż u ieħor. It-tibdil tal-muniti jiswa' l-flus: għalhekk il-kummerċ u l-ivvjaġġar kienu jiswew iktar. Għadd ta' pajjiżi fl-Unjoni Ewropea ddeċidew li jbiddlu l-flus nazzjonali tagħhom f'munita waħda.

Din il-munita waħda – l-ewro – intużat l-ewwel darba fl-1999 bħala ‘munita virtwali’, waqt li l-muniti nazzjonali kienu għadhom jiċċirkolaw iżda bħala sotto-unitajiet ta’ l-ewro.

Imbagħad, fl-2002, il-bidla għall-munita l-ġdida saret b’mod komplet meta daħlu l-karti tal-flus u l-muniti ewro.

Illum, l-ewro huwa l-unika munita tal-pajjiżi kollha taż-żona ta’ l-ewro.

Dan ifisser li issa m’għandekx għalfejn tibdel il-flus meta taqsam il-fruntieri. B’hekk il-kummerċ huwa ħafna aktar faċli, u għandna għażla akbar meta mmorru nixtru.

Bl-istess mod, l-ivvjaġġar huwa ħafna aktar faċli u orħos għax m’għadx hemm bżonn li nibdlu l-flus meta nsiefru għall-vaganzi.

U fuq kollox, peress li ż-żona tal-ewro hija kbira, b'iktar minn 332 miljun persuna, għandha poter ekonomiku.
Dan ifisser li hemm aktar stabbiltà ekonomika – li tgħin biex jogħla l-livell tal-ħajja tagħna.

Min juża l-ewro?

Mhux il-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea jużaw l-ewro – uħud minnhom għadhom jużaw il-muniti nazzjonali tagħhom.

Fil-biċċa l-kbira, dan huwa għaliex l-ekonomiji tagħhom għadhom mhumiex lesti li jadottaw l-ewro, iżda żewġ pajjiżi (id-Danimarka u r-Renju Unit) iddeċidew li għalissa se jżommu l-munita nazzjonali tagħhom.
Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-pajjiżi qed jippreparaw biex idaħħlu l-ewro u jissieħbu fiż-żona ewro fil-ġejjieni.
Pereżempju, is-Slovenja ngħaqdet mal-ewro fl-2007, Ċipru u Malta fl-2008, is-Slovakja fl-2009 u l-Estonja fl-2011.

Il-mappa turi l-pajjiżi li qegħdin fiż-żona ewro. In-nies f’dawn il-pajjiżi jużaw l-ewro fil-ħajja ta’ kuljum.

Kif jaħdem l-ewro?

Biex il-flus iżommu l-valur tagħhom, l-ekonomija tal-pajjiż trid tkun immaniġġjata sew.

Bl-istess mod, biex l-ewro jimxi sew u jgħin biex joħloq il-ġid u x-xogħol fl-Unjoni Ewropea, l-ekonomija taż-żona ewro trid tkun immaniġġjata sew.

Dan isir permezz ta’ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU). Il-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea huma parti mill-EMU.



Il-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell, il-Belġju

Fl-EMU, kull pajjiż fiż-żona ewro jmexxi l-ekonomija tiegħu filwaqt li jimxi skond ċerti regoli biex ikun żgur li l-ewro jibqa’ b’saħħtu u li l-ekonomija taż-żona ewro timxi sew.
Dawn ir-regoli jillimitaw l-ammont ta’ flus li pajjiż ikun jista’ jissellef.
Billi jillimitaw l-ammont ta’ dejn li pajjiż ikollu, ir-regoli ta’ l-EMU jassiguraw li pajjiż ikollu ekonomija sostenibbli – fi kliem ieħor, li jkun jista’ jħallas dejnu, u l-pensjonijiet tiegħu, fil-ġejjieni. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill (fejn jiltaqgħu il-Ministri tal-pajjiżi tal-UE), jiċċekkjaw li kull pajjiż iżomm mar-regoli.


Il-Bank Ċentrali Ewropew fi Frankfurt, il-Ġermanja

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), ibbażat fi Frankfurt fil-Ġermanja, jagħti kontribut kbir lill-istabbiltà ekonomika taż-żona ewro.

Il-BĊE biss għandu d-dritt li joħroġ il-karti tal-flus u huwa responsabbli mill-politika monetarja.
Dan ifisser li l-BĊE iżomm l-inflazzjoni tal-prezzijiet baxxa u stabbli. L-inflazzjoni tal-prezzijiet tfisser kemm jogħlew il-prezzijiet fil-ħwienet u band’oħra kull sena. Inflazzjoni tal-prezzijiet baxxa hija tajba għall-konsumaturi u għan-negozju.

L-ewro kif jgħinna?



OGĦDOS U GĦODD
Taf tgħodd? U taf togħdos? Ħa naraw...



Inflazzjoni baxxa u stabbli
tagħmel il-ħajja aktar faċli għan-negozji.
Hija aktar faċli għall-kumpaniji li jagħmlu l-kummerċ ma’ pajjiżi barranin. U huwa aktar faċli għalihom li jissellfu l-flus biex jagħmlu investimenti fil-kumpaniji tagħhom għall-ġejjieni. Dan kollu jgħin it-tkabbir ekonomiku u joħloq aktar xogħol.

Naqsmu l-valuri tagħna


L-ewro m’għandux valur biss bħala flus.
Għandu wkoll valur simboliku b’saħħtu għall-Ewropa u għall-Ewropej.


Ħafna mix-xogħol tajjeb li tagħmel l-UE mhux dejjem ovvju – ta’ spiss huwa moħbi f’dokumenti legali u paġni ta’ rapporti. Iżda l-ewro tista’ żżommu f’idejk – huwa reali ħafna.


L-ewro huwa l-aktar simbolu mifrux ta’ dak li tfisser l-Ewropa – l-għaqda fid-diversità:


B’hekk, l-ewro huwa simbolu ta’ kuljum ta’ l-integrazzjoni ekonomika ta’ l-Ewropa f’suq wieħed, u tal-progress ta’ l-integrazzjoni Ewropea totali.