Mogħdija tan-navigazzjoni

Istituzzjonijiet u fora internazzjonali

Il-Kummissjoni Ewropea tirrappreżenta lill-Unjoni Ewropea f'għadd ta' organizzazzjonijiet u fora internazzjonali sabiex tappoġġa l-prijoritajiet politiċi tal-EMU u l-UE. Ir-rwol dejjem aktar importanti tal-ewro fid-dinja jfisser li ż-żona ewro teħtieġ rappreżentanza internazzjonali aktar b'saħħitha u effettiva.

Il-Kummissjoni Ewropea tieħu sehem f'għadd ta' organizzazzjonijiet u fora internazzjonali, bħal:

  • G7/8, G20;
  • Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), il-Bank Dinji; u
  • l-Organizzazzjoni għal Kooperazzjoni Ekonomika u Żvilupp (OECD)

G7/G8

Il-laqgħat tal-G7 jiġbru l-Ministri tal-Finanzi u l-Governaturi tal-banek ċentrali tal-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Ġappun, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti biex jiddiskutu kwistjonijiet ta' ekonomija globali. Il-G8 hija laqgħa annwali tal-mexxejja politiċi tal-pajjiżi tal-G7 flimkien mar-Russja. Il-laqgħat tal-G8 oriġinarjament kienu maħsubin bħala forum fejn jiġu diskussi kwistjonijiet ekonomiċi dinjin, iżda l-aġenda twessgħet sew u nbidlet minn waħda prinċiparjament dwar il-makroekonomija u affarijiet kummerċjali għal għadd ta' kwistjonijiet dwar is-sigurà, l-ambjent u l-iżvilupp. Ir-rwol ġdid tal-G20 ġab miegħu bosta tibdil fl-aġenda tal-G8, b'fokus akbar fuq affarijiet politiċi u kwistjonijiet globali (pereż. it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp). L-UE hija membru sħiħ tal-G8 u hija rappreżentata mill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni Ewropea.

G20

G20 huwa forum informali li jippromwovi diskussjoni miftuħa u kostruttiva bejn pajjiżi avvanzati u dawk li qed jiżviluppaw dwar kwistjonijiet ewlenin relatati mal-istabilità ekonomika dinjija. Il-G20 inħoloq bħala rispons kemm għall-kriżijiet finanzjarji lejn l-aħħar tas-snin 90, kif ukoll għar-rikonoxximent dejjem jikber li l-pajjiżi ewlenin li qed jiżviluppaw ma kinux inklużi kif xieraq fil-qalba tad-diskussjonijiet ekonomiċi globali u l-fora governattiva. L-UE hija membru sħiħ tal-G20. Fil-livell tal-mexxejja, l-UE hija rappreżentata mill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni Ewropea. Fil-livell ministerjali, l-UE hija rappreżentata mill-presidenza rotatorja tal-UE, il-Kummissjoni, u l-ECB.

L-istituzzjonijiet ta' Bretton Woods

L-Unjoni Ewropea hija rappreżentata fl-IMF u l-Bank Dinji permezz tal-Istati Membri tagħha. Il-Kummissjoni Ewropea tipparteċipa bħala osservatur fil-Kumitat Monetarju u Finanzjarju Internazzjonali tal-IMF u fil-Kumitat ta' Żvilupp tal-Bank Dinji.

L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku

Il-Konvenzjoni fundatriċi tal-OECD speċifikament tagħti lill-Kummissjoni Ewropea d-dritt tieħu sehem fil-ħidma tal-Organizzazzjoni, u li tgawdi d-drittijiet tas-sħubija, ħlief id-dritt tal-vot. Il-Kummissarju inkarigat bl-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jattendi l-parti ekonomika tal-laqgħat ministerjali tal-OECD.

Banek Multilaterali ta’ Żvilupp

L-Unjoni Ewropea mhijiex rappreżentata formalment f'bosta banek ta' żvilupp reġjonali (il-Bank Afrikan ta' Żvilupp, Bank Asjatiku tal-Iżvilupp u l-Bank Inter-Amerikan għall-Iżvilupp), għalkemm xi pajjiżi tal-UE huma membri. Madankollu, hija rappreżentata fil-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD) fejn hija azzjonista.

Ir-rappreżentanza esterna taz-zona ewro

Minħabba l-influwenza dinjija tal-ewro, iż-żona tal-ewro għandha responsabbiltà miżjudafejn tidħol l-istabilità tal-ekonomija globali. Għaldaqstant huwa importanti għaż-żona tal-ewro li tippreżenta opinjoni unika meta tikkontribwixxi għall-governanza internazzjonali. Il-Kummissjoni ilha titkellem favur koordinazzjoni aħjar biex tiżgura rappreżentanza esterna effettiva taż-żona tal-ewro fl-istituzzjonijiet u fora ekonomiċi u finanzjari internazzjonali. Il-Kummissjoni, kif ukoll il-parti l-kbira tal-imsieħba tal-UE u internazzjonali tagħha, tikkonsidra li għaż-żmien fit-tul, rappreżentazzjoni unifikata jew unika tkun l-aħjar mod għaż-żona ewro biex tieħu sehem li jkun jaqbel mal-piż ekonomiku tagħha fl-isfera ekonomika u finanzjarja internazzjonali.

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata 
  • Ċekken it-test 
  • Kabbar it-test