Mogħdija tan-navigazzjoni

Tkabbir

It-tkabbir sar priorità ewlenija tal-UE fid-Disgħinijiet, wara l-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin u d-dħul tad-demokrazija fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

Hemm ħames pajjiżi li huma rikonoxxuti bħala kandidati: il-Kroazja, l-Islanda, l-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u t-Turkija. Il-pajjiżi Balkani tal-Punent l-oħrajn kollha [l-Albanija; il-Bosnija u Ħerżegovina, is-Serbja kif ukoll il-Kosovo (NU 1244)] ukoll ġew offruti mill-Kunsill Ewropew prospett għall-adeżjoni fl-UE għal żmien medju jew fit-tul.

Tkabbir fil-passat

S'issa l-Komunità oriġinali ta' sitt Stati Membri ġiet imkabbra b'suċċess sitt darbiet:

  • Fl-1 ta' Jannar 1973: Id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit;
  • Fl-1 ta' Jannar 1981: Il-Greċja;
  • Fl-1 ta' Jannar 1986: Spanja u l-Portugall;
  • Fl-1 ta' Jannar 1995: L-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja;
  • Fl-1 ta' Mejju 2004: Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakkja; kif ukoll
  • Fl-1 ta' Jannar 2007: Il-Bulgarija u r-Rumanija (tlestija tal-ħames mewġa ta' tkabbir li bdiet f'Mejju 2004).

Dati ta' applikazzjoni għall-isħubija fl-UE tal-pajjiżi kandidati

  • It-Turkija: 14 ta' April 1987;
  • Il-Kroazja: 21 ta' Frar 2003;
  • L-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja: 22 ta' Marzu 2004;
  • Il-Montenegro: 15 ta’ Diċembru 2008; u
  • L-Islanda: 16 ta' Lulju 2009.

Il-proċess ta' tkabbir: il-qagħda bħalissa

Fil-preżent hemm seba' pajjiżi li applikaw għal sħubija mal-UE u li għadhom mhumiex membri:

  • il-ħames pajjiżi rikonoxxuti bħala kandidati (il-Kroazja, l-Islanda, l-eks Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, il-Montenegro u t-Turkija); kif ukoll
  • l-Albanija u s-Serbja, li għadhom ma rċevewx l-istatus ta' pajjiż kandidat.

Il-ħames pajjiżi kandidati

It-Turkija kienet diġà rikonoxxuta bħala pajjiż kandidat fil-Kunsill Ewropew li kien sar f'Ħelsinki f'Diċembru 1999.

Il-Kroazja ħadet l-istatus ta' pajjiż kandidat fil-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2004. L-UE nediet in-negozjati tal-adeżjoni mal-Kroazja u t-Turkija waqt il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali fil-Lussemburgu fit-3 ta' Ottubru 2005.

L-eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ħadet l-istatus ta' pajjiż kandidat mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2005. F'Ottubru 2009, il-Kummissjoni kompliet billi rrakkomandat it-tnedija tan-negozjati ma' dan il-pajjiż. Madankollu, il-Kunsill għadu ma qabilx dwarhom.

L-Islanda kienet l-aħħar pajjiż li applika, fis-16 ta' Lulju 2009. Il-Kunsill Ewropew ta lill-Islanda l-istatus ta' pajjiż kandidat f'Ġunju 2010 u n-negozjati nfetħu formalment f'Lulju 2010.

Il-Montenegro applika fl-2008 u ngħata l-istatus ta' pajjiż kandidat mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2010. Madankollu n-negozjati mistennija jitniedu biss meta jkun hemm konforma sodisfaċenti ma' għadd ta' kundizzjonijiet ta' politika.

Applikazzjonijiet reċenti

L-Albanija u s-Serbja diġà applikaw għas-sħubija mal-UE fl-2009. Fl-Opinjoni dwar l-Albanija li ħarġet f'Novembru 2010, il-Kummissjoni ma rrakkomandatx li jingħata l-istatus ta' kandidat lil dan il-pajjiż u identifikat għadd ta' kundizzjonijiet ta' politika li għandhom jintleħqu qabel ma dan isir. Il-Kunsill talab l-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tas-Serbja, liema opinjoni għandha tasal sal-aħħar tal-2011.

Negozjati tal-adeżjoni

In-negozjati tal-adeżjoni isiru skont qafas ta' negozjar li jistipula l-metodu u l-prinċipji li jiggwidaw in-negozjati, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2004.

In-negozjati sostantivi jsiru waqt Konferenza Intergovernattiva bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha fuq naħa u l-pajjiż kandidat fuq in-naħa l-oħra.

Sabiex jiġi żgurat il-progress fin-negozjati, il-pajjiżi kandidati wkoll ikollhom jagħmlu progress biex jilħqu r-rekwiżiti għas-sħubija, l-aktar importanti l-kriterji ta' Kopenħagen, kif deskritti hawn taħt.

Eżami analitiku (skrining) tal-"acquis"

Biex isiru Stati Membri, il-pajjiżi kandidati jridu jaċċettaw l-acquis communautaire tal-Unjoni - li huwa l-ġabra ta' liġijiet u regolamenti tal-UE fis-seħħ fl-Unjoni. Bħalma ġara fin-negozjati tal-adeżjonijiet kollha tal-imgħoddi, jistgħu jiġu miftiehma arranġamenti speċifiċi. L-eżami analitiku, magħruf bħala 'skrining', jifforma l-ewwel fażi tan-negozjati tal-adeżjoni. Dan il-proċess, li jieħu bosta xhur, jippermetti lill-pajjiżi kandidati jiffamiljarizzaw ruħhom mal-acquis, u l-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jivvalutaw il-livell ta' tħejjija tal-pajjiż kandidat qabel in-negozjati. L-eżami u n-negozjati segwenti jiġu organizzati f'kapitli, kull wieħed ikopri qasam politiku speċifiku.

Valutazzjoni ekonomika tal-livell ta' tħejjija ta' pajjiż kandidat

Il-Kummissjoni hija responsabbli biex regolarment tivvaluta l-livell ta' tħejjija għall-adeżjoni tal-pajjiżi kandidati. Il-valutazzjoni ssir f'rapporti ta' progress ippubblikati annwalment, normalment fil-ħarifa. Fil-Kummissjoni, id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji huwa d-dipartiment inkarigat biex:

  • jivvaluta l-konformità mal-kriterji ekonomiċi tal-adeżjoni adottati mill-Kunsill Ewropew fl-1993 f'Kopenħagen u li, flimkien ma' kriterji oħra, huma magħrufin bħala l-kriterji ta' Kopenħagen (ara l-paġna web iddedikata għal dan); u
  • jissorvelja d-dehra ekonomika u fiskali fit-terminu medju tal-pajjiżi kandidati, primarjament permezz ta' proċedura annwali ta' sorveljanza ekonomika u fiskali bil-għan li tipprepara l-pajjiżi kandidati għal sħubija fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja eventwali.