Mogħdija tan-navigazzjoni

Kwistjonijiet ekonomiċi tal-politika tal-iżvilupp tal-UE

L-UE hija l-aktar donatur dinji importanti tal-għajnuna għall-iżvilupp u hija impenjata biex tkompli żżid il-kontribuzzjonijiet tagħha. Iżda l-għajnuna biss mhix se tkun biżżejjed biex il-faqar jitnaqqas b'mod sostenut. Il-politiki jridu jidħlu fis-seħħ biex jintgħelbu n-nuqqasijiet fit-tmexxija, ir-reġimi tal-kummerċ u l-pożizzjoni ġeografika, u biex isir l-aħjar użu mill-opportunitajiet li jfeġġu mill-globalizzazzjoni.

Bħala l-akbar donatriċi tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA), l-UE qed tmexxi d-dibattitu dwar il-finanzjament għall-iżvilupp. L-UE impenjat ruħha li tilħaq sehem tal-ODA għad-Dħul Gross Nazzjonali li jammonta għal 0.7% sal-2015. Fil-ħarifa ta' kull sena, il-Kummissjoni tippreżenta Rapport ta' Responsabbiltà dwar l-implimentazzjoni tal-impenji tal-UE fil-finanzjament tal-iżilupp magħmul fil-kuntest tal-Kunsens ta’ Monterrey u d-Dikjarazzjoni ta’ Doha. Mill-2011, dan ir-rapport jinkludi wkoll tagħrif dwar l-implimentazzjoni tal-impenji tal-UE fuq il-bidu mgħaġġel għall-finanzjament minħabba l-klima

Żvilupp u Kooperazzjoni tal-EuropAid

Sorsi innovattivi ta' finanzjament

Fid-dinja, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma minn ta' quddiem net fil-finanzjament innovattiv għal oqsma bħas-settur finanzjarju, it-tibdil klimatiku jew l-iżvilupp. Il-Kummissjoni regolarment infurmat id-dibattitu fl-UE billi ħejjiet valutazzjonijiet tal-potenzjal ta' sorsi innovattivi għall-finanzjament.

Ħelsien mid-dejn

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jipparteċipaw fl-inizjattiva għall-ħelsien mid-dejn għal dawk il-pajjiżi fqar b'ħafna dejn (HIPCs) L-għan ewlieni ta' din l-inizjattiva hu li jressaq il-piż tad-djun ta' dawn il-pajjiżi lejn livelli sostenibbli, skont prestazzjoni sodisfaċenti tal-politika, sabiex ikun żgurat li l-isforzi tal-aġġustament u r-riforma ma jkunux ipperikolati minn dejn għoli kontinwu u piżijiet ta' servizzi tad-djun. Għalkemm l-inizjattiva HIPC ntemmet fl-2006, il-pajjiżi li kienu eleġibbli xorta jistgħu jibbenefikaw minnha. L-Unjoni Ewropea kkontribwiet €1.6 biljuin għall-inizjattiva HIPC. L-Istati Membri tal-UE kkontribwew ukoll fl-Inizjattiva Multilaterali tas-Serħan mid-Dejn (MDRI) biex jikkanċellaw kompletament id-djun ta' HIPCs eleġibbli mal-Bank Dinji, l-IMF u l-Bank ta' Żvilupp Afrikan.

Il-globalizzazzjoni u l-iżvilupp

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ipparteċipaw fil-globalizzazzjoni f'livelli li jvarjaw. L-Ażja u l-Amerka Latina żiedu l-ishma tagħhom fil-kummerċ dinji u l-flussi ta' kapital b'mod drammatiku mill-1980 'l hawn, filwaqt li l-ishma tal-pajjiż tal-Afrika 'l isfel mis-Saħara niżlu. Ostakli ta' tariffi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw naqsu, għalkemm l-ostakli li mhumiex tariffi għadhom għoljin. Il-flussi tad-dħul tal-FDI għadhom konċentrati biss fuq ftit swieq emerġenti, notevolment l-Ażja tal-Lvant u l-Amerka Latina. L-ibgħit ta' flus u l-għajnuna għall-iżvilupp huma sorsi importanti ta' finanzjament estern f'bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li l-ħruġ mis-servizzi tad-djun naqas. Xejra ġdida hija ż-żieda fil-flussi min-Nofsinhar għan-Nofsinhar.

Appoġġ għall-kummerċ effettiv

Il-kitba empirika ġeneralment tappoġġa l-opinjoni li l-globalizzazzjoni tkun assoċjata ma' aktar tkabbir. Madankollu, turi wkoll li l-kummerċ huwa neċessarju iżda mhux kundizzjoni biżżejjed għat-tkabbir u l-iżvilupp. Il-politiki ekonomiċi u soċjali, l-istituzzjonijiet u l-ġeografija, u l-investiment pubbliku u privat huma fatturi oħra importanti fid-deċiżjoni dwar jekk pajjiż ikunx jista' jibbenefika bis-sħiħ minn opportunitajiet tal-kummerċ. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Unjoni Ewropea tqiegħed importanza kbira ħafna fuq l-iżgurar li l-pajjiżi li jkunu qed jieħdu l-għajnuna tal-UE jkollhom pjanijiet ta' żvilupp ta' livell għoli u jkunu qed itejbu l-istituzzjonijiet u s-sistemi ta' governanza tagħhom. Filwaqt li jirrispettaw il-pussess tal-pajjiż, l-esperti fid-dipartimenti varji u Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni jgħinu jiddefinixxu u jimplimentaw strateġiji tal-pajjiż u tar-reġjun għall-forniment tal-għajnuna Komunitarja.

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata 
  • Ċekken it-test 
  • Kabbar it-test