Mogħdija tan-navigazzjoni

Għaliex infirxet il-kriżi?

Għaliex infirxet il-kriżi?

F’bosta pajjiżi, il-gvernijiet inqabdu mill-problemi tas-settur bankarju meta banek fl-inkwiet bdew iduru lejhom biex jgħinuhom. L-ispiża għolja ta’ salvataġġi tal-banek wasslet is-swieq finanzjarji sabiex jistaqsu jekk il-gvernijiet setgħux verament jaffordjaw li jappoġġaw is-settur bankarju. U hekk kif ir-reċessjoni bdiet tagħfas mal-Ewropa kollha, il-fokus fuq is-saħħa tal-finanzi tal-gvernijiet kixef beraħ il-fatt li għadd ta' gvernijiet fiż-żona tal-euro kienu ilhom snin jissellfu b'mod qawwi biex jiffinanzjaw il-baġits tagħhom, huma u jakkumulaw djun enormi fil-proċess.  Flus faċli kienu disponibbli billi l-investituri kienu għalqu għajn waħda għas-sinjali ta' twissija dwar is-saħħa tal-ekonomija u ma kinux qed jagħtu attenzjoni biżżejjed lir-riskji involuti huma u jisilfu aktar u aktar.

Parti mir-raġuni għaliex uħud mill-gvernijiet kienu saru dipendenti fuq id-dejn kienet li l-ekonomiji tagħhom kienu ilhom jitilfu l-kompetittività għal żmien twil, billi dawn naqsu milli jimxu pass pass mar-riformi f'pajjiżi oħrajn.

F’xi pajjiżi, il-gvernijiet kienu ħallew jiżviluppaw bżieżaq fil-proprjetà u żbilanċi ekonomiċi mhux b'saħħithom oħrajn.  Finalment, uħud mill-gvernijiet kienu injoraw ir-regoli maħsubin sabiex jiffunzjona l-euro u ma għamlux aktar biex jikkoordinaw il-politiki tal-ekonomija tagħhom minn mindu kienu qablu li jkollhom valuta komuni ma' politika monetarja unika.

F’għadd dejjem jikber ta’ pajjiżi żviluppa ċiklu vizzjuż. L-instabbiltà finanzjarja fgat it-tkabbir ekonomiku, li mbagħad ikkawżat dħul ta' taxxi aktar baxx u żiedet id-djun tal-gvernijiet. Djun ogħla mbagħad żiedu n-nefqa tas-self għall-gvernijiet u żiedu l-instabbiltà finanzjarja. Dan kollu qanqal mistoqsijiet dwar jekk l-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-euro kinitx adegwata fi żminijiet ta' kriżi.

Il-kriżi esponiet diversi nuqqasijiet fis-sistema tal-governanza ekonomika tal-UE

Wisq attenzjoni fuq l-iżbilanċi: il-monitoraġġ tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi ffoka wisq fuq l-iżbilanċi annwali tal-baġits u ma ffukax biżżejjed fuq il-livell tad-dejn tal-gvern. Madankollu, għadd ta’ pajjiżi li osservaw ir-regoli tal-UE billi żammew l-iżbilanċi annwali baxxi jew saħansitra kellhom surpluses, xorta sabu ruħhom f’diffikultajiet finanzjarji matul il-kriżi finanzjarja globali minħabba l-livelli għoljin ta’ dejn. Għaldaqstant, kien meħtieġ monitoraġġ iktar strett ta’ dan l-indikatur.

  • Nuqqas ta’ sorveljanza tal-kompetittività u tal-iżbilanċi makroekonomiċi: is-sorveljanza tal-ekonomiji tal-UE ma tatx biżżejjed attenzjoni għal żviluppi mhux sostenibbli fil-kompetittività u t-tkabbir tal-kreditu u dan wassal għal akkumulazzjoni ta’ dejn fis-settur privat, istituzzjonijiet finanzjarji mdgħajfa u inflazzjoni fis-swieq tad-djar.
  • Infurzar dgħajjef: għall-pajjiżi taż-żona tal-ewro li ma osservawx ir-regoli, l-infurzar ma kienx b’saħħtu biżżejjed; kien meħtieġ mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet iktar sodi u kredibbli.
  • Kapaċità tat-teħid tad-deċiżjonijiet batuta: ħafna drabi, dgħufijiet istituzzjonali fissru li kienu posposti deċiżjonijiet iebsin dwar żviluppi makroekonomiċi ta’ tħassib. Dan fisser ukoll li ma kinetx ikkunsidrata biżżejjed is-sitwazzjoni ekonomika mill-perspettiva taż-żona tal-ewro kollha kemm hi.
  • Finanzjament ta’ emerġenza: meta ħakmet il-kriżi ma kien hemm ebda mekkaniżmu li jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-pajjiżi taż-żona tal-ewro li f’daqqa waħda sabu ruħhom f’diffikultajiet finanzjarji. Kien hemm bżonn ta’ appoġġ finanzjarju mhux biss biex ikunu indirizzati problemi speċifiċi ta’ pajjiż iżda wkoll biex tkun ipprovduta protezzjoni ħalli jiġi evitat li l-problemi jinfirxu f’pajjiżi oħra li kienu f’riskju.

Konsegwentement, il-Ġreċja, u sussegwentement l-Irlanda, il-Portugall, Spanja u Ċipru, eventwalment ma setgħux jissellfu mis-swieq finanzjarji b’rati ta’ interessi raġonevoli. L-UE ntalbet tidħol fix-xena, fattur li wassal għall-ħolqien ta' mekkaniżmu għas-soluzzjoni ta' kriżijiet u salwagwardji finanzjarji jiġifieri, fondi kbar lesti biex jintużaw f'emerġenza mill-pajjiżi taż-żona tal-euro li jkunu jinsabu f'diffikultà finanzjarja.

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata 
  • Ċekken it-test 
  • Kabbar it-test