Mogħdija tan-navigazzjoni

Għaliex seħħet il-kriżi?

Għaliex seħħet il-kriżi?

Il-kriżi tad-dejn tal-Ewropa kienet inizjalment ikkawżata minn avvenimenti fis-settur bankarju Amerikan.

Meta t-tnaqqis fl-ekonomija tal-Istati Uniti ġiegħel lill-proprjetarji tad-djar b'dejn li ma kinux jifilħu għalih biex jonqsu milli jħallsu s-self ipotekarju tagħhom, il-banek mad-dinja kollha b'investimenti marbutin ma' dan is-self ipotekarju bdew jitilfu l-flus.

Lehman brothers, ir-raba' l-akbar bank ta' investiment Amerikan, falla taħt il-piż tal-investimenti ħżiena tiegħu, u b'hekk beżża' banek u investituri oħrajn li magħhom kien jinnegozja.

Il-biża' li aktar banek setgħu jfallu kkawża l-invesituri u l-banek biex jieħdu prekawzjonijiet estremi. Il-banek waqfu jsellfu lil xulxin u mbuttaw lil dawk dipendenti fuq self ta' din ix-xorta viċin ix-xifer.

Il-banek Ewropej li kienu investew b'mod qawwi fis-suq tas-self ipotekarju Amerikan intlaqtu ħażin ħafna. F’tentattiv biex uħud mill-banek ma jitħallewx ifallu, il-gvernijiet ta' bosta pajjiżi tal-UE bħall-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, l-Irlanda, id-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Belġju daħlu biex jagħmlu tajjeb għalihom. Iżda l-ispiża għas-salvataġġ tal-banek kienet għolja ħafna. Fl-Irlanda, kważi falliet il-gvern sakemm pajjiżi tal-UE oħrajn intervjenew b'assistenza finanzjarja.

Hekk kif l-Ewropa żżerżqet fir-reċessjoni fl-2009, problema li bdiet fil-banek bdiet taffettwa aktar u aktar il-gvernijiet, billi s-swieq kienu preokkupati li wħud mill-pajjiżi ma setgħux jaffordjaw li jagħmlu tajjeb għall-banek fl-inkwiet.

L-investituri bdew iħarsu aktar mill-viċin lejn il-finanzi tal-gvernijiet. Il-Greċja daħlet taħt skrutinju partikulari minħabba li l-ekonomija tagħha kienet f'qagħda ħażina ħafna u gvernijiet suċċessivi kienu akkumulaw djun kważi d-doppju tad-daqs tal-ekonomija.

It-theddida ta’ fallimenti tal-banek uriet li s-saħħa tal-finanzi tal-gvernijiet saret aktar importanti minn qatt qabel.

Gvernijiet li kienu draw jissellfu ammonti kbar ta' kull sena biex jiffinanzjaw il-baġits tagħhom u li kienu akkumulaw djun massivi fil-proċess, f'daqqa waħda sabu swieq li kienu anqas lesti li jkomplu jisilfuhom.

Dik li bdiet bħala kriżi bankarja saret kriżi ta' dejn sovran.

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata 
  • Ċekken it-test 
  • Kabbar it-test