Mogħdija tan-navigazzjoni

Ir-reazzjoni għall-kriżi tad-dejn

Responding to the debt crisis

Mill‑aħħar tal-2009 u kmieni fl-2010, uħud mill‑pajjiżi taż‑żona tal‑ewro bdew jiffaċċjaw problemi biex jiffinanzjaw id‑djun tagħhom. L‑inċertezzi tas‑suq wasslu biex operazzjonijiet ta’ self normali mill‑gvernijiet isiru jiswew ħafna u eventwalment impossibbli.

F’dak iż‑żmien, il‑pajjiżi tal‑UE aġixxew malajr billi stabbilixxew l‑hekk imsejħin miżuri “firewall” għal ħolqien tal‑fiduċja biex jgħinu sabiex jiġu ffinanzjati d‑djun tal‑pajjiżi li kienu qed jiffaċċjaw diffikultajiet temporanji huma u jissellfu mis‑swieq finanzjarji.

B'mod parallel l-UE bdiet taħdem wkoll biex jiġu solvuti l-kważi ewlenin tad-dgħufijiet tagħha. Ġie segwit approċċ b'żewġ mogħdijiet. Mekkaniżmi ta' assistenza temporanja ġew stabbiliti biex jagħmlu tajjeb għall-kriżi immedjata, u ngħata bidu għall-miżuri fit-tul biex jinħolqu faċilitajiet ta' appoġġ permanenti u biex tingħata għajnuna ħalli jiġu impeduti li jseħħu mill-ġdid kriżijiet futuri.

Rispons immedjat

Il-faċilitajiet finanzjarji għall-pajiżi taż-żona tal-euro li kienu qed jesperjenzaw problemi finanzjarji serji ġew stabbiliti b'veloċità konsiderevoli. Meta l-Ġreċja tilfet l-aċċess għal swieq finanzjarji li setgħet tħallashom, l-UE aġixxiet malajr biex tgħin billi poġġiet flimkien self bilaterali mill-gvernijiet Ewropej flimkien mal-Kummissjoni Ewropea. Imbagħad hi waqqfet żewġ fondi temporanji, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) u l-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) b'kapaċità totali ta' self ta' €500 biljun. Il-ħolqien ta' dawn l-istrumenti hu evidenza tal-voluntà taż-żona tal-euro u tal-pajjiżi tal-UE biex juru solidarjetà.

Billi dawn il‑mekkaniżmi ta’ għajnuna finanzjarja nħolqu bħala miżuri temporanji, il‑pajjiżi taż‑żona tal‑ewro fil‑ħarifa tal-2012 ħolqu mekkaniżmu ta’ għajnuna finanzjarja ġdid u permanenti -il‑Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES). Attwalment dan hu l‑bażi tal‑firewall Ewropew u parti integrali tal‑istrateġija komprensiva tal‑UE biex tiġi żgurata l‑istabbiltà finanzjarja taż‑żona tal‑ewro. Il‑kapaċità ta’ self tiegħu attwalment hu ta’ €500 biljun u assistenza finanzjarja kondizzjonali se tkun disponibbli għal dawk il‑pajjiżi li rratifikaw it‑trattat dwar l‑istabbiltà, il‑koordinazzjoni u l‑governanza. B’hekk il‑MES jikkomplementa s‑sorveljanza msaħħa billi jagħmilha possibbli li tiġi offruta assistenza finanzjarja kondizzjonali lill‑pajjiżi taż‑żona tal‑ewro meta tkun meħtieġa.

Dawn il‑faċilitajiet ta’ “firewall” mhux biss solvew id‑diffikultajiet immedjati li għaddew minnhom uħud mill‑pajjiżi huma u jħallsu lura d‑djun tagħhom, iżda saħħew ukoll il‑fiduċja tas‑swieq finanzjarji u għenu biex tiġi żgurata l‑istabbiltà finanzjarja taż‑żona tal‑ewro b’mod ġenerali.

L-għajnuna mill-UE hi wkoll disponibbli għall-pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro li jiffaċċjaw diffikultajiet serji jew problemi li jikkonċernaw il-finanzjament internazzjonali. Pajjiżi li jużaw il-fond ta' €50 biljun tal-Għajnuna għall-Bilanċi ta’ Pagament għandhom jaqblu wkoll li jwettqu riformi biex jirranġaw il-problemi ekonomiċi tagħhom.

Rispons fit-tul

L-UE introduċiet regoli iktar iebsin, biex iżomm kontroll iktar b’saħħtu fuq id-dejn pubbliku u d-defiċits, biex tiżgura li l-pajjiżi ma jonfqux aktar milli jifilħu. Trattat Fiskali ġdid kien ukoll iffirmat biex ikompli jsaħħaħ il-kunfidenza, billi jpoġġi limitu fuq id-defiċits strutturali annwali għal 0.5% tal-PGD. Din il-kriżi turi biċ-ċar li ekonomija mmexxijja bid-dejn mhix sostenibbli. Il-Kummissjoni Ewropea issa sa tkun ċerta li l-limiti fuq id-dejn u d-defiċits huma applikati u li l-baġits nazzjonali ma jpoġġux f’riskju ekonomiji Ewropej oħra.

L-iżgurar ta’ finanzi pubbliċi sodi

L-euro toffri ħafna benefiċċji potenzjali, imma biss jekk il-pajjiżi parteċipanti jkollhom politiki ekonomiċi sodi. Dan huwa l-għala s-sħubija fl-euro, mill-bidu nett, tiġi b’obbligu qawwi li jiġu evitati defiċits kbar u eċċessivi filwaqt li d-dejn pubbliku jinżamm f’livelli sostenibbli. Dan l-impenn għal politiki fiskali sodi huwa mmonitorjat permezz ta’ qafas magħruf bħala l-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir.

Dan il-patt issaħħaħ konsiderevolment b’riżultat tal-kriżi ekonomika. Il-gvernijiet issa jridu jibagħtu l-abbozz tal-pjanijiet tal-baġit tagħhom għall-iskrutinju tal-Kummissjoni u l-pajjiżi l-oħra taż-żona tal-euro. Hemm mekkaniżmi rigorużi ta’ sorveljanza fis-seħħ biex jikkontrollaw li l-pajjiżi verament se jilħqu l-miri baġitarji li l-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro ntrabtu li jiksbu, u jekk ikun hemm bżonn jistgħu jiġu imposti s-sanzjonijiet.

L-iżgurar tal-kompetittività u l-promozzjoni tat-tkabbir

Finanzi pubbliċi sodi mhumiex l-unika element kruċjali għal ekonomija b’saħħitha fiż-żona tal-euro. Il-kriżi żvelat ukoll il-bżonn għal approċċ ġdid għar-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji u għall-monitoraġġ mill-qrib tal-iżviluppi tas-suq finanzjarju. Strumenti ta’ sorveljanza ġodda ġew stabbiliti wkoll biex jiżguraw li l-pajjiżi taż-żona tal-euro jadottaw politiki ekonomiċi li jiżguraw il-kompetittività u jippromwovu t-tkabbir kif ukoll l-impjiegi. Il-prevenzjoni hija aħjar mill-kura, u dawn l-istrumenti ġodda ta’ sorveljanza għandhom l-għan ukoll li ma jtellfux mill-iżvilupp tas-swieq immobiljari.

… u min-naħa makroekonomika

Minbarra t-tisħiħ tar-regoli fiskali, l-UE introduċiet qafas ġdid għas-sorveljanza u l-korrezzjoni fil-ħin tal-iżbilanċi makroekonomiċi. L-għan huwa li jkunu indirizzati żviluppi riskjużi, pereżempju relatati ma’ bżieżaq tal-assi u kompetittività mdgħajfa, qabel isiru ta’ theddida għall-istabbiltà ta’ pajjiż tal-UE, għaż-żona tal-ewro u għall-UE kollha.

Għalhekk, il-Kummissjoni timmonitorja regolarment għal żbilanċi makroekonomiċi potenzjali (f'oqsma bħal spejjeż lavorattivi, prezzijiet tad-djar jew qgħad). Il-pajjiżi tal-UE li juru tendenzi li jistgħu jkunu ta' tħassib jiġu analizzati fil-fond. Jekk jinstab żbilanċ, il-pajjiż ikkonċernat jintalab jieħu azzjoni biex jimpedixxi milli s-sitwazzjoni tiggrava. Jekk żbilanċ jitqies eċċessiv, il-pajjiż irid jieħu azzjoni biex jikkoreġi s-sitwazzjoni. Għall-pajjiżi taż-żona tal-euro, l-infurzar tar-regoli huwa appoġġat minn mekkaniżmu ta' sanzjonijiet.

… fuq in-naħa tat-tkabbir

Ewropa 2020 hija l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir għal dan id-deċennju biex issir ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva. Dawn it-tliet prijoritajiet ta’ infurzar reċiproċi għandhom jgħinu lill-pajjiżi tal-UE jipprovdu livelli għoljin ta’ impjieg, produttività u koeżjoni soċjali.

Sabiex jitkejjel il-progress lejn dawn l-għanijiet, l-UE stabbilixxiet ħames miri ambizzjużi — għall-impjieg, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-klima/l-enerġija li għandhom jintlaħqu sal-2020. Kull pajjiż adotta l-miri nazzjonali tiegħu għal kull wieħed minn dawn l-oqsma. Din l-istrateġija sserraħ fuq azzjonijiet fil-livelli tal-UE u nazzjonali, kif ukoll fuq Fondi Strutturali.

… dwar ir-riformi ekonomiċi

Is-Semestru Ewropew huwa ċiklu annwali ta' koordinament tal-politika fuq livell tal-UE (l-ewwel nofs tas-sena) li matulu, il-pajjiżi tal-UE jkollhom iċ-ċans li jirrevedu l-politiki ekonomiċi u fiskali ta' xulxin qabel dawn jiġu implimentati. Fi tmiem iċ-ċiklu, l-UE tindirizza rakkomandazzjonijiet speċifiċi tar-riforma għal kull pajjiż. L-implimentazzjoni tiġi mmonitorjata tul is-sena kollha. Barra minn hekk, il-pajjiżi taż-żona tal-euro jridu jippubblikaw l-abbozz tal-baġits tagħhom għas-sena ta' wara sal-15 ta' Ottubru sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tivvaluta l-baġit tagħhom kontra rekwiżiti li jkun sar ftehim fuqhom.

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata 
  • Ċekken it-test 
  • Kabbar it-test