Mogħdija tan-navigazzjoni

Għajnuna lill-pajjiżi f’diffikultà

Għajnuna lill-pajjiżi f’diffikultà

Il-pajjiżi Ewropej ingħaqdu għalenija biex joħolqu l-akbar fondi ta' għajnuna finanzjarja fid-dinja. Bil-ħidma tagħhom flimkien, il-Kummissjoni Ewropea, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew, għenu l-gvernijiet fil-bżonn biex ifasslu programmi ta’ għajnuna biex jistabbilizzaw l-ekonomiji fraġli u jindirizzaw il-problemi ekonomiċi profondi.

Ikseb aktar tagħrif

Il-Greċja

Meta l-investituri internazzjonali waqfu jsellfu l-gvern Grieg il-flus li fuqu kien sar dipendenti, il-Ministri tal-Finanzi taż-żona tal-euro u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) ingħaqdu. Fit-2 ta’ Mejju 2010, ġew allokati €110 biljun biex jgħinu lill-gvern Grieg fl-implimentazzjoni tar-riformi li għandhom jirkupraw mill-ġdid l-ekonomija tiegħu. Il-flus, li minnhom €80 biljun ġew mill-imsieħba tal-Greċja fiż-żona tal-euro, inħarġu mill-Kummissjoni Ewropea f’porzjonijiet bejn Mejju 2010 u Ġunju 2013, wara l-implimentazzjoni b’suċċess mill-Greċja tar-riformi imwiegħda.  

Fl-14 ta’ Marzu 2012, il-ministri tal-finanzi taż-żona tal-euro u l-FMI approvaw it-tieni rawnd ta’ għajnuna ekonomika għall-Greċja, b’valur ta’ €164.5 biljun. Din id-darba, il-pajjiżi taż-żona tal-euro intervjenew b’€144.7 permezz tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja, fond ta' salvataġġ li tnieda f’Awwissu 2010. Kien milħuq ftehim mal-investituri finanzjarji biex jitnaqqas il-piż tad-dejn li kien qed jifni lill-Ġreċja bi kważi €200 biljun.

Il-ħruġ tal-flus kien maqsum f’porzjonijiet li kellhom jitħallsu bejn Marzu 2012 u Diċembru 2014, b’mod parallel mat-tlestija ta’ riformi li huma kruċjali għall-qawmien mill-ġdid tal-ekonomija tal-Greċja.

F’Novembru 2012, il-ministri tal-finanzi taż-żona tal-euro u l-FMI ftehmu biex ikomplu jgħinu l-Greċja billi jnaqqsu l-ispiża tas-self tagħhom u jagħtu lill-pajjiż aktar żmien biex iħallsu lura.

L-Irlanda

Bejn Diċembru 2010 u Diċembru 2013 il-fondi ta’ salvataġġ tal-Ewropa, il-Fond Monetarju Internazzjonali, ir-Renju Unit, l-Isvezja u d-Danimarka, sellfu €85 biljun lill-Irlanda biex terġa’ tikseb il-finanzi nazzjonali u ssewwi l-ekonomija tagħha wara l-fallimenti tal-akbar banek tal-pajjiż.

Ir-riformi konsiderevoli tal-Irlanda biex takkwista mill-ġdid il-finanzi u tinvigora għal darb'oħra l-ekonomija tagħha ħallew il-frott. F'Jannar 2014, l-Irlanda saret l-ewwel pajjiż taż-żona tal-euro li rnexxielu joħroġ minn programm ta' għajnuna makroekonomika. Ma għadhiex dipendenti fuq l-għajnuna finanzjarja internazzjonali u l-ekonomija tagħha hi mistennija tikber b’4.6 % fl-2014, b’bilanċ favorevoli tal-kont kurrenti ta’ 5.5 %.

Il-Portugall

Meta l-investituri finanzjarji bdew jesiġu redditi dejjem aktar għoljin għal self lill-gvernijiet, il-Portugall sab lilu nnifsu f'qagħda li ma setax iħallas. Fis-17 ta’ Mejju 2011, il-ministri tal-finanzi Ewropej u l-Fond Monetarju Internazzjonali qablu li jsellfu €78 biljun lill-Portugall biex jiffinanzja d-defiċit tal-baġit tiegħu, inaqqas id-dejn tal-gvern, isewwi s-settur bankarju, u jiffinanzja r-riformi biex jiġi stimulat tkabbir ekonomiku u jinħolqu l-impjiegi. Il-Portugall diġà rċieva aktar minn €71 biljun, bil-bqija mistennija li jaslu sa nofs l-2014. Minkejja s-sitwazzjoni diffiċli tiegħu, ir-riformi tal-Portugall tejbu b’mod sinifikanti l-finanzi tal-pajjiż u l-ekonomija tiegħu. Il-gvern tal-Portugall kiseb bilanċ favorevoli fil-baġit tas-sena li għaddiet u l-ekonomija hi mistennija li terġa’ tibda tikber din is-sena.

Spanja

Il-bużżieqa mifqugħa tal-proprjetà ħalliet lis-settur bankarju Spanjol iżomm biljuni ta’ euro f’self li l-midjunin ma setgħux iħallsu lura. Il-pajjiżi taż-żona tal-euro użaw il-fondi ta’ għajnuna finanzjarja tagħhom, il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà biex jgħinu lil Spanja ssewwi s-settur bankarju mwiegħer tagħha, billi twarrbu €100 biljun f’self, li tħallsu bejn Lulju 2012 u Diċembru 2013. L-għajnuna Ewropea, u parir mill-Fond Monetarju Internazzjonali, ippermettew lil Spanja tiżgura li l-banek vijabbli tagħha kellhom biżżejjed flus biex jibdew jerġgħu jisilfu u biex jingħalqu banek li ma kellhom ebda futur.

Ċipru

Ferut minħabba r-reċessjoni gravi fil-Greċja u aċċident f'impjant ewlieni tal-enerġija, u vulnerabbli minħabba d-daqs akbar milli jmissu tas-settur bankarju tiegħu, Ċipru dar għall-għajnuna fuq l-imsieħba tiegħu taż-żona tal-euro. Fl-24 ta’ April 2012, il-gvernijiet taż-żona tal-euro u l-Fond Monetarju Internazzjonali qablu li jisilfu €10 biljun lil Ċipru biex jirristruttura s-settur bankarju, jibni mill-ġdid il-finanzi pubbliċi u jinvesti f'ekonomija aktar ibbilanċjata u b'saħħitha. Il-flus, li €9 biljun minnhom ġejjin mill-fond ta’ salvataġġ tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà taż-żona tal-euro, qed jinħarġu f’porzjonijiet, b’mod parallel mar-riformi, sal-2016.

Barra miż-żona tal-euro

L-UE tipprovdi wkoll għajnuna Finanzjarja lill-pajjiżi li ma jużawx l-euro permezz tal-programm tal-Għajnuna għall-Bilanċi ta’ Pagament li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu €50 biljun. B'kollox, €16-il biljun intefqu fuq tliet pajjiżi: l-Ungerijair-Rumanija, u l-Latvja, qabel ma adottat l-euro bħala l-munita tagħha. 

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata 
  • Ċekken it-test 
  • Kabbar it-test