Mogħdija tan-navigazzjoni

It-tkabbir

Growth

Reċessjoni profonda

Fl-2009, l-Ewropa daħlet fl-aktar reċessjoni profonda sa mill-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija. Il-PDG naqas b’4 % u l-produzzjoni industrijali naqset b’20 % għal-livelli tad-disgħinijiet. Wara sentejn ta’ tkabbir, l-UE reġgħet daħlet f'reċessjoni fl-2012. Fl-2013, il-qgħad laħaq it-12 % bħala medja fiż-żona tal-euro. F’xi pajjiżi, ir-rati tal-qgħad, speċjalment dawk fost iż-żgħażagħ, għolew għal livelli ferm ogħla.

Ir-reċessjoni poġġiet lil ħafna gvernijiet Ewropej f’pożizzjoni diffiċli bejn dħul fiskali li qed jonqos u spejjeż li dejjem qed jogħlew għal miżuri ta' appoġġ ekonomiku, inkluż għas-settur finanzjarju.

Irkupru fraġli

L-ekonomija tal-Ewropa issa qed turi l-ewwel sinjali ta’ rkupru. It-tkabbir b’saħħtu u sostenibbli huwa essenzjali biex il-persuni jkollhom xogħol u biex jitjiebu l-istandards tal-għajxien tagħhom u huwa l-ogħla prijorità tal-UE. Iżda l-irkupru jibqa’ fraġli peress li ħafna familji, kumpaniji u gvernijiet għadhom qed iġorru l-piżijiet ta’ djun kbar li jeħtieġ li jitnaqqsu. Għalhekk huwa essenzjali li jiġu appoġġati politiki li jippromwovu finanzi pubbliċi u tkabbir ekonomiku sostenibbli fuq terminu twil.

Għaliex jeħtiġilna l-istrateġija tat-tkabbir ekonomiku ta’ Ewropa 2020

Id-dgħufijiet strutturali fl-ekonomija tal-Ewropa li nkixfu bil-kriżi jistgħu jiġu indirizzati biss billi nkomplu għaddejjin bir-riformi strutturali:  riformi li huma bbażati fuq sforzi nazzjonali, iżda li huma mibnijin fuq assi Ewropej bħas-suq uniku, il-politika kummerċjali komuni u l-politiki oħrajn fuq livell tal-UE. Jekk nixtiequ nsostnu l-mudell tal-ekonomija soċjali tas-suq Ewropew fil-klima ta' sfida attwali, mela allura l-Ewropa se jkun jeħtiġilha wkoll li tkun aktar kompetittiva.

Biex timmaniġġja dawn il-kwistjonijiet, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri nedew fl-2010 strateġija għat-tkabbir sostenibbli għall-għaxar snin li ġejjin: l-istrateġija Ewropa 2020. L-istrateġija tittratta kemm l-isfidi fuq perjodu qasir ta’ żmien marbutin mal-kriżi kif ukoll il-ħtieġa għar-riformi strutturali permezz ta’ miżuri li jsaħħu t-tkabbir meħtieġa biex l-ekonomija Ewropea tkun tiflaħ għall-ġejjieni.

Ewropa 2020

Għanijiet u inizjattivi ewlenin

L-UE stabbilixxiet 5 għanijiet ambizzjużi – dwar l-impjiegi, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-klima/l-enerġija – li għandhom jintlaħqu sal-2020. F'termini konkreti dawn huma:

  1. l-iżgurar ta’ 75% ta’ impjiegi lil dawk bejn l-20–64 sena;
  2. l-investiment ta’ 3% tal-PGD tal-UE fir-riċerka u l-iżvilupp;
  3. il-limitazzjoni tal-emissjonijiet tal-gass b’effett serra b’20% jew anki b’30% meta mqabblin mal-livelli tal-1990, il-ħolqien ta’ 20% tal-ħtiġijiet ta’ enerġija tagħna minn sorsi rinnovabbli u ż-żieda b’20% tal-effiċjenza f’użu tal-enerġija;
  4. it-tnaqqis tar-rati ta’ dawk li ma jkomplux bil-formazzjoni edukattiva tagħhom għal 10% b'tal-anqas b’40% ta’ dawk fl-età bejn 30–40 jispiċċaw l-edukazzjoni terzjarja;
  5. l-għadd ta' persuni fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali jonqos b’20 miljun.

Kull pajjiż tal-UE adotta l-miri nazzjonali tiegħu f’kull wieħed minn dawn l-oqsma, u l-mexxejja tal-UE qablu bejniethom dwar għadd ta’ azzjonijiet konkreti fil-livelli tal-UE u nazzjonali.

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-istabbiliment tal-prijoritajiet urġenti

Il-Kummissjoni Ewropea identifikat għadd ta’ prijoritajiet politiċi li hija tirrakkomanda li għandhom jiġu adottati mill-gvernijiet fl-2014.

L-ewwel nett, il-gvernijiet jeħtieġ li jtejbu l-finanzi tagħhom u għandhom isibu modi kif inaqqsu l-impatti negattivi potenzjali. Pereżempju, meta jkunu jridu jfaddlu, il-gvernijiet għandhom jippruvaw jevitaw li jnaqqsu l-ispejjeż fl-edukazzjoni, fir-riċerka u fuq proġetti ta’ investiment li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir.

Il-gvernijiet għandhom jippruvaw ukoll jadottaw is-sistemi tat-tassazzjoni tagħhom b’mod li jippromwovi t-tkabbir. Pereżempju, dawn għandhom inaqqsu l-piż fiskali fuq ix-xogħol lejn sorsi bħall-proprjetà, il-konsum u t-tniġġis.

It-tiswija u r-riforma tas-settur bankarju sabiex dan ikun jista’ jaqdi l-ekonomija reali wkoll huma vitali, kif ukoll il-programmi li jgħinu lil dawk qiegħda jsibu x-xogħol u l-bidliet li jagħmluha aktar faċli għall-kumpaniji li jimpjegaw ħaddiema ġodda.

Il-modernizzazzjoni tas-servizzi governattivi biex jitnaqqsu l-ispejjeż u l-burokrazija tgħin lill-ekonomija f’għadd ta’ modi.

Aqra l-lista sħiħa ta’ rakkomandazzjonijiet hawnhekk.

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata 
  • Ċekken it-test 
  • Kabbar it-test