Mogħdija tan-navigazzjoni

Mistoqsijiet Frekwenti

Mistoqsijiet frekwenti

X’benefiċċji ġab l-euro?

L-euro ġab benefiċċji ċari. Dan wassal għal żieda fil-kummerċ, iktar investiment, stabbiltà tal-prezzijiet u perjodu twil ta’ ħolqien ta’ impjiegi. L-euro għamel l-ivvjaġġar aktar faċli u orħos għaċ-ċittadini u fetaħ opportunitajiet ġodda għan-negozji.

Id-disinn inizjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja ħalla lill-euro vulnerabbli għall-kriżi finanzjarja globali, iżda t-titjib li ilna nagħmlu sa mill-2010 jindirizza dawn in-nuqqasijiet b’mod deċiżiv u jipprovdi qafas sod għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi u ż-żamma ta’ finanzi pubbliċi sodi.

Kif jistgħu l-pajjiżi li jużaw l-euro jaġġustaw għax-xokkijiet ekonomiċi meta dawn ma jistgħux jiżvalutaw il-munita tagħhom?

L-ekonomiji jridu jkunu flessibbli biżżejjed sabiex jibqgħu kompetittivi f’ekonomija globali li qed tinbidel. Dan huwa speċjalment – iżda mhux biss – veru għall-pajjiżi li jużaw l-istess munita.

Il-bidliet fir-rata tal-kambju huma biss strument wieħed li jistgħu jgħinu lilll-pajjiżi jaġġustaw, iżda l-iżvalutazzjoni mhijiex kura mirakoluża. Barra minn hekk, jekk ekonomiji oħra wkoll jiżvalutaw il-munita tagħhom, allura ħadd ma jibbenefika mill-iżvalutazzjoni. F’xi każijiet, il-bidliet fir-rata tal-kambju jistgħu jipprovdu l-għajnuna fi żmien qasir, iżda l-iżvalutazzjoni ma tistax tkun kura fit-tul għall-problemi ekonomiċi sottostanti u ma twassalx biex il-prinċipji fundamentali ekonomiċi tal-pajjiż ikunu aktar b’saħħithom.

Huma disponibbli politiki oħra li jippermettu lill-pajjiżi biex jadattaw għal xokkijiet ekonomiċi u biex isostnu l-kompetittività, u dawn huma speċjalment importanti fiż-żona tal-euro. Il-preżenza ta' politiki fiskali sodi hi bidu tajjeb, peress li b'hekk il-gvernijiet ikollhom marġni ta’ manuvra sabiex jippermettu li l-baġits itaffu l-impatt tal-varjazzjonijiet fl-attività ekonomika. Fuq medda medja ta’ żmien, il-kompetittività u l-flessibilità jistgħu jkunu assigurati permezz ta’ politiki strutturali f’oqsma bħas-swieq tax-xogħol, l-ambjent tan-negozju, l-edukazzjoni u l-amministrazzjoni pubblika effiċjenti.

Issa għandna għodda effettiva fl-għamla tal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku sabiex jinkixfu l-iżbilanċi li jkunu qed jaffettwaw pajjiż tal-UE jew aktar pajjiżi u, fejn ikun meħtieġ, jiġu kkoreġuti, speċjalment fiż-żona tal-euro. Dan huwa titjib importanti ħafna mis-sitwazzjoni qabel il-kriżi.

Hemm riżultati u suċċessi konkreti relatati mas-Semestru Ewropew, l-approċċ ġdid ta’ governanza ekonomika tal-UE?

Matul l-aħħar ftit snin, is-Semestru Ewropew kien ta' suċċess u wassal għal riżultati konkreti f'diversi pajjiżi u oqsma politiċi.
Ħafna Stati Membri indirizzaw b'suċċess il-ħtieġa li jitjiebu l-finanzi pubbliċi, b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet politiċi mogħtija fis-Semestru Ewropew. Il-Bulgarija, il-Latvja u l-Estonja laħqu l-miri rispettivi tagħhom tad-defiċit tal-baġit, filwaqt li l-Ġermanja kellha surplus li jagħtiha aktar spazju għall-immanuvrar fil-politika ekonomika.

L-oqfsa fiskali (prinċipalment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-koerenza fiskali bejn l-objettivi baġitarji nazzjonali u l-politika fiskali fil-livell reġjonali) ġew imsaħħa b’mod deċiżiv f’pereżempju l-Bulgarija. Fl-istess ħin, l-isfidi strutturali għall-finanzi tal-gvern li ġejjin mit-tixjiħ demografiku ġew indirizzati f'ħafna Stati Membri, l-aktar permezz tal-iżgurar tas-sostenibbiltà fuq żmien medju sa twil tas-sistemi tal-pensjoni u f'xi Stati Membri, inkluża l-Ġermanja, tas-saħħa u l-kura fit-tul.
Fir-rigward tas-settur finanzjarju, għadd ta' Stati Membri (il-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, l-Italja, il-Latvja, l-Ungerija, il-Portugall, ir-Rumanija u r-Renju Unit) saħħew il-qafas superviżorju u regolatorju tagħhom u/jew ħadu passi sabiex jiżguraw l-istabbiltà tas-settur bankarju.

Ir-riformi fl-oqsma tal-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku jinkludu edukazzjoni primarja u sekondarja msaħħa f’ħafna Stati Membri, u b’hekk tiġi ffaċilitata t-trasformazzjoni lejn soċjetà bbażata fuq l-għarfien. Il-konnettività tal-enerġija u d-diversità fil-fornimenti tal-enerġija, l-aktar permezz ta' sorsi sostenibbli ta' enerġija, f'xi Stati Membri qed jitjiebu, filwaqt li xi Stati Membri qed jindirizzaw kwistjonijiet ta' kompetizzjoni, kif ukoll qed isaħħu l-kompetittività internazzjonali tagħhom. Il-piż regolatorju ttaffa f’xi Stati Membri.

Sabiex itejbu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol, ħafna Stati Membri qed isaħħu l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol, kif rakkomandat. Barra minn hekk, qed tissaħħaħ il-possibbiltà għall-ħaddiema aktar avvanzati fl-età li jibqgħu fis-suq tax-xogħol filwaqt li qed issir aktar attraenti għalihom li jagħmlu dan.
Minn dawn l-eżempji, huwa ċar li s-Semestru Ewropew qed iħalli r-riżultati, iżda l-effikaċja tal-proċess tiddependi b'mod kruċjali mill-kollaborazzjoni attiva tal-gvernijiet.

X’inhi r-relazzjoni bejn it-teħid ta' deċiżjonijiet u l-obbligu ta' rendikont Nazzjonali/tal-UE fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa?

Iċ-ċarezza u t-trasparenza huma importanti ħafna fir-rigward ta' liema livell (Ewropew jew nazzjonali) huwa responsabbli għal deċiżjoni. L-obbligu ta' rendikont għandu jinżamm fl-istess livell bħar-responsabbiltà għal deċiżjoni.

Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UEM tal-Kummissjoni jiddikjara li kull meta jiġu trasferiti responsabbiltajiet ġodda minn livell għall-ieħor, jeħtieġ li jiġi żgurat l-obbligu tar-rendikont f’dak il-livell.

Kif hija affettwata s-sovranità tal-parlamenti nazzjonali u l-Istati Membri mit-tibdiliet introdotti mir-regoli l-ġodda dwar il-governanza ekonomika tal-UE?

L-Istati Membri tal-UE, iżda b'mod speċjali dawk fiż-żona euro, qablu fuq qafas komuni għat-twettiq ta' politiki fiskali u ekonomiċi sodi, inklużi xi limiti massimi dwar x'inhu livell sikur tad-defiċit u d-dejn tal-baġit. Dan ġara peress li l-kriżi ekonomika wriet b'diqa li l-falliment fit-twettiq ta' politiki sodi mhux biss jagħmel ħsara lit-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fil-pajjiż ikkonċernat, iżda jista' jaffettwa wkoll pajjiżi oħra tal-euro.

Hemm qafas miftiehem b’mod komuni, iżda r-responsabbiltà għall-politika ekonomika u fiskali ma taqax fuq Brussell. Għall-kuntrarju, huma l-gvernijiet nazzjonali li jirrapportaw lill-parlamenti nazzjonali tagħhom li jiddeċiedu kemm għandhom jogħlew it-taxxi u fejn għandu jmur l-infiq pubbliku.

Il-bidliet jiżguraw li l-parlamenti nazzjonali jkunu informati aħjar dwar l-adegwatezza tal-abbozzi tal-pjanijiet tal-baġit, mingħajr ma jaffettwaw ir-rwol tagħhom. Huma se jinżammu infurmati fl-istadji kollha tal-proċess il-ġdid tal-monitoraġġ baġitarju u tal-valutazzjonijiet magħmula bħala parti mil-leġiżlazzjoni l-ġdida.

Għalhekk, m'hemm l-ebda trasferiment ta’ sovranità lil hinn mill-Istati Membri. M'hemm l-ebda regoli addizzjonali, u l-ebda trasferiment ta’ responsabbiltà dwar l-adozzjoni ta’ baġits. Ir-rwol il-ġdid tal-Kummissjoni huwa wieħed ta’ informazzjoni u monitoraġġ u dan jagħti informazzjoni addizzjonali lill-parlamenti nazzjonali sabiex tiġi inkluża fid-dibattiti tagħhom dwar il-baġit.

Il-pariri min-naħa tal-UE għall-pajjiżi milquta minn kriżijiet jinjoraw it-tkabbir ekonomiku?

Le. Barra milli tirrakkomanda li l-gvernijiet itejbu l-qagħda finanzjarja tagħhom, l-UE titlob lill-pajjiżi biex jimplimentaw riformi ekonomiċi li se jżidu t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività. Ħafna drabi, il-pajjiżi fi kriżi ekonomika jkun jeħtiġilhom jirranġaw is-sistemi bankarji tagħhom sabiex il-kumpaniji u l-familji jkunu jistgħu jissellfu biex jinvestu.

Sabiex iżidu d-dħul għall-baġit nazzjonali, ħafna pajjiżi jistgħu jtejbu l-mod kif il-baġit huwa amministrat u l-mod li bih jgħollu t-taxxi.

U tinsiex: Dawn il-pajjiżi jirċievu wkoll l-assistenza finanzjarja.

L-UE għandha wkoll strateġija komuni biex toħloq l-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli, imsejħa Ewropa 2020

L-UE saħħet ukoll b’mod sinifikanti l-kapaċità ta’ self lill-bank tal-iżvilupp tagħha, il-Bank Ewropew tal-Investiment.

Għaliex il-Kummissjoni tenfasizza l-importanza tal-konsolidazzjoni fiskali minkejja li xi kultant din tista’ tippreġudika t-tkabbir ekonomiku?

L-ewwel prijorità tagħna hi li nerġgħu lura għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u li noħolqu l-impjiegi għaċ-ċittadini tagħna. Dan ifisser it-tnaqqis tad-dejn pubbliku, li għadu għoli wisq fl-UE u fiż-żona tal-euro.

L-azzjoni bikrija u mgħaġġla fuq id-defiċits tagħna ħalliet il-frott. It-tkabbir ekonomiku qiegħed bil-mod jerġa' lura u dan jippermettilna nnaqqsu l-pass tal-konsolidazzjoni fiskali. Issa l-enfasi mxiet fuq il-ksib tal-bilanċ ġust bejn l-infiq u t-tassazzjoni. Huwa importanti li meta jkollna bżonn inżidu d-dħul niżguraw li nagħmlu dan bl-aktar mod li jgħin it-tkabbir ekonomiku: bl-eliminazzjoni ta' eżenzjonijiet mhux meħtieġa, u billi nimxu mit-taxxi fuq id-dħul għat-taxxi fuq il-konsum, it-tniġġis u l-proprjetà.

Hija essenzjali strateġija kredibbli għat-tnaqqis ta' dejn għoli sabiex tinbena mill-ġdid il-fiduċja u l-ekonomiji tagħna jsiru aktar kompetittivi.

Dan ma jikkonċernax biss id-dejn pubbliku: Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija wera li jeħtieġ ukoll li niffukaw fuq it-tnaqqis tad-djun privati għoljin, fejn il-progress kien bil-mod.

Il-baġit tal-UE huwa fond tat-tkabbir ekonomiku ta' triljun euro u jista' jgħin lill-Istati Membri sabiex iżommu l-investimenti prinċipali bbilanċjati anke fl-istess waqt li jaqtgħu mill-infiq fis-settur pubbliku li jrid jitnaqqas.

L-Ewropa qed turi solidarjetà mal-Istati Membri fil-bżonn?

Iva. Matul l-aħħar ftit snin il-gvernijiet Ewropej warrbu €700 biljuni f'fondi immirati sabiex jgħinu lill-pajjiżi fi kriżi. S’issa kien hemm €356 biljun disponibbli għall-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall, Spanja u Ċipru.

L-Ewropa qed tippjana wkoll għall-futur. Bħala parti mill-inizjattiva tagħha “Pjan ta’ Azzjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja profonda u ġenwina”, il-Kummissjoni Ewropea fasslet diversi ideat biex tiżdied is-solidarjetà fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro, bħall-bonds b'appoġġ konġunt, fond komuni ta' tifdija tad-dejn, u baġit limitat u kondiviż. Ara l-istqarrija għall-istampa u l-memo.

Il-programmi ta’ assistenza finanzjarja tal-UE huma imposti fuq il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn?

Il-programmi tal-aġġustament ekonomiku mhumiex imposti fuq l-Istati Membri f'diffikultà. Il-pajjiżi fil-bżonn jitolbu għall-għajnuna u jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, il-BĊE u l-FMI (l-hekk imsejħa ‘Trojka’) biex jidentifikaw liema problemi ekonomiċi jeħtieġ li jissolvew. Il-gvernijiet jipproponu riformi biex jindirizzaw il-problemi tagħhom u t-Trojka tevalwa jekk huwiex probabbli li dawn ikunu effettivi. Ladarba jiġu miftiehma l-politiki effettivi, il-gvernijiet, bl-approvazzjoni tal-parlamenti nazzjonali tagħhom meta meħtieġ, jimpenjaw ruħhom biex jimplimentaw ir-riformi u jirċievu assistenza finanzjarja.

Il-kontributuri f’xi pajjiżi qed iħallsu biex jissolvew il-problemi ta’ oħrajn?

L-assistenza finanzjarja mogħtija lill-Istati Membri f'diffikultà fiż-żona tal-euro mhijiex rigal iżda self li jrid jitħallas kollu kemm hu bl-interessi. Dawk li jħallsu t-taxxa fi Stati Membri oħra qed juru solidarjetà, iżda mhumiex iħallsu għall-iżbalji tal-gvernijiet ta' pajjiżi oħrajn.

Barra minn hekk, is-self jiġi b’kundizzjonijiet stretti u programmi effettivi ta’ politika. Dawn huma ddisinjati biex jiżguraw li l-ekonomiji li qed jirċievu l-għajnuna jieħdu l-passi adatti biex jirranġaw il-finanzi tagħhom u jsewwu l-ekonomiji tagħhom. Hija s-solidarjetà bi bdil mas-solidità. Dan l-approċċ huwa fl-interess ta’ kulħadd.

Il-kondiviżjoni ta' munita wasslet għal tisħiħ tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri fiż-żona tal-euro. Hekk kif muri mill-kriżi finanzjarja, dan ifisser li diffikultà finanzjarja fi Stat Membru wieħed jista’ jkollha impatt serju fuq Stati Membri oħra, jew saħansitra ż-żona tal-euro bħala entità sħiħa. L-għajnuna sabiex il-finanzi ta’ Stat Membru wieħed jiġu stabilizzati għalhekk tgħin sabiex jiġu stabbilizzati wkoll il-finanzi ta’ pajjiżi oħra fiż-żona tal-euro.

L-assistenza finanzjarja tingħata bħala l-aħħar għażla kontra kull riskju ta’ kontaġju u biex tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro bħala entità sħiħa.

Jekk il-pajjiżi jafu li oħrajn se jgħinuhom meta l-affarijiet imorru ħażin, mhux se japprofittaw mill-isforzi ta’ oħrajn (il-problema tal-'periklu morali’)?

Ir-riskju ta’ periklu morali huwa limitat minħabba kundizzjonijiet stretti li jitqiegħdu fuq l-assistenza.

L-ewwel nett, Stat Membru li jitlob għal assistenza finanzjarja jirċievi self, mhux għotjiet, u għandu jħallas lura dan is-self bl-imgħax. Ir-rata tal-imgħax hija stabbilita b’mod li tipprovdi kemm eżenzjoni effettiva kif ukoll inċentiv sabiex ikun hemm ritorn għal finanzjament tas-suq kemm jista’ jkun malajr.

It-tieni, qabel ma jirċievi self, kwalunkwe Stat Membru li qed ifittex l-għajnuna jkollu jaqbel li jwettaq riformi effettivi li se jerġgħu jistabbilixxu mill-ġdid is-saħħa finanzjarja tiegħu u jsewwu l-ekonomija tiegħu.

It-tielet, l-impenn għal dawn ir-riformi hu mmonitorjat mill-qrib minn min qed jislef. Is-self jitħallas f’porzjonijiet, li jfisser li l-assistenza finanzjarja tista’ tiġi sospiża jew itterminata jekk il-pajjiż benefiċjarju jonqos milli jirrispetta t-termini tal-ftehim.

Fl-aħħar nett, xi wħud argumentaw li l-eżistenza ta’ fondi ta’ assistenza finanzjarja tista’ tħajjar pajjiżi oħra biex ifittxu l-għajnuna, jekk din tingħata qisu mhu xejn. Il-gvernijiet, madankollu, għandhom it-tendenza li ma jiħdux gost jinvolvu esperti esterni fil-formulazzjoni tal-politiki tagħhom u għalhekk għandhom tendenza li jħarsu lejn l-għajnuna minn barra bħala l-aħħar alternattiva, fatt li jnaqqas ir-riskju ta’ periklu morali.

X’sar biex jittejjeb il-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa?

Mill-2010, iż-żona tal-euro ħadet għadd ta’ miżuri biex issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika baġitarja u ekonomika.

Ir-regoli fiskali taż-żona tal-euro ġew imsaħħa. Issa hemm aktar enfasi fuq l-azzjoni preventiva fi żminijiet tajbin, bħal pereżempju li jinżamm kontroll fuq l-ispiża u s-sorveljanza minn korpi nazzjonali indipendenti tal-politiki baġitarji tal-gvernijiet.

Ġew introdotti wkoll regoli ġodda biex jidentifikaw u jikkoreġu l-iżbilanċi makroekonomiċi, bħall-bużżieqa tal-proprjetà jew tnaqqis persistenti fil-kompetittività, li jistgħu jiddestabbilizzaw ekonomija u jkollhom effetti diretti għall-bqija taż-żona tal-euro.

Il-kriżi finanzjarja enfasizzat il-ħtieġa ta’ regolamentazzjoni u superviżjoni aħjar tas-settur bankarju. Għalhekk, mill-2010 'l hawn, il-Kummissjoni pproponiet kważi 30 sett ta’ regoli li jiżguraw li l-istituzzjonijiet, il-prodotti u s-swieq finanzjarji kollha jkunu rregolati u ssorveljati kif xieraq.

Il-kriżi żiedet dimensjoni addizzjonali. Enfasizzat iċ-ċirku vizzjuż potenzjali bejn il-banek u d-dejn sovran, li hija r-raġuni għalfejn ħadna passi deċiżivi lejn il-ħolqien ta’ “Unjoni Bankarja” reali.

Finalment, twaqqaf firewall finanzjarju b'saħħtu - il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà - sabiex jipprovdi assistenza finanzjarja ta' emerġenza lill-Istati Membri f'diffikultà. Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri kkonċernati jaqblu li jwettqu riformi li jippromwovu t-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi.

Sar biżżejjed biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tar-regoli taż-żona tal-euro?

Diġà ttieħdet azzjoni deċiżiva biex iż-żona tal-euro tkun unjoni monetarja aktar robusta u kredibbli, iżda hemm aktar x’jista’ jsir. Il-Kummissjoni Ewropea fasslet numru ta’ proposti fil-"Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina” (ippubblikat f’Novembru 2012). Fil-Pjan ta' azzjoni, aħna stipulajna passi inkrementali li jridu jittieħdu fuq żmien qasir, medju u twil. Ara l-istqarrija għall-istampa u l-memo.

L-akbar prijorità issa hu li titlesta l-Unjoni Bankarja u b’hekk niżguraw superviżjoni u riżoluzzjoni xierqa tal-banek skont regoli komuni sabiex l-iżbalji tal-passat ma jerġgħux jirrepetu ruħhom. Dan huwa pass essenzjali lejn l-iżgurar tal-fiduċja fis-sistema bankarja u l-għoti ta' aċċess ta' kreditu affordabbli lill-familji u lill-SMEs.

Huwa neċessarju għall-pajjiżi kollha li jużaw l-euro li jsegwu politika ekonomika waħda?

Le. Dak li huwa neċessarju hu li għandna mekkaniżmi stabbiliti li jiżguraw li l-politiki ekonomiċi u fiskali nazzjonali jqisu l-effetti tagħhom fuq pajjiżi oħra li jikkondividu l-euro bħala l-munita tagħhom. Dan huwa l-għan tagħna ta’ governanza ekonomika msaħħa.

Għall-futur tal-euro hu indispensabbli li jkun hemm integrazzjoni aktar profonda fiż-żona tal-euro, iżda nixtiequ nagħmlu dan permezz ta' proċeduri u istituzzjonijiet demokratiċi stabbiliti tal-Unjoni Ewropea sabiex il-proċess ikun kemm jista’ jkun inklużiv tal-pajjiżi kollha tal-UE, inklużi dawk li ma jużawx l-euro.

Kien hemm nuqqasijiet fir-regoli oriġinali taż-żona tal-euro?

Wara t-tnedija tagħha fl-1999, iż-żona tal-euro kellha unjoni monetarja kompleta b'rati tal-interess iffissati għall-blokk kollu mill-Bank Ċentrali Ewropew, iżda ma kellhiex unjoni ekonomika komprensiva, peress li l-gvernijiet nazzjonali kienu responsabbli għall-politiki ekonomiċi u fiskali biss bi grad limitat ta' koordinazzjoni. Il-kriżi żvelat li dan l-arranġament kellu xi nuqqasijiet.

Għalkemm kien hemm il-ħsieb li l-politiki għandhom jikkonverġu maż-żmien, fil-prattika, xi politiki nazzjonali kkontribwixxew għall-iżvilupp ta’ żbilanċi makroekonomiċi. Barra minn hekk, ir-regoli li kienu ġew stabbiliti biex jiżguraw politiki baġitarji sodi kienu dgħajfa wisq u kienu jinkisru ta’ spiss.

Is-superviżjoni finanzjarja wkoll baqgħet maqsuma skont linji nazzjonali minkejja li s-settur finanzjarju beda jsir aktar “Ewropew”, peress li ċerti banek żviluppaw jew kisbu operazzjonijiet kbar f’pajjiżi oħra.

Meta l-kriżi kixfet dawn in-nuqqasijiet, l-investituri poġġew dubbji fuq it-tfassil tas-sistema. Minn dak iż-żmien l-UE aġixxiet b’mod deċiżiv biex issaħħaħ is-sisien tal-euro u tindirizza dawn il-kwistjonijiet.

Setgħu n-nuqqasijiet tar-regoli oriġinali taż-żona tal-euro jkunu prevedibbli?

Ir-rapporti kollha li nkitbu dwar il-munita unika (bħar-Rapport Wernerpdf u r-Rapport Delorspdf) enfasizzaw il-ħtieġa li tissaħħaħ il-koordinazzjoni ekonomika u li jkun hemm regoli fuq il-baġits nazzjonali. Mill-bidu nett, dawn il-kwistjonijiet ġew ikkunsidrati fit-tfassil tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Madankollu, il-gvernijiet Ewropej ma kinux lesti li jaqsmu r-responsabbiltà tagħhom għad-deċiżjonijiet ta’ politika ekonomika, u dan irriżulta f’kostruzzjoni aktar gradwali, tal-unjoni ekonomika. Barra minn hekk, ir-regoli fuq il-baġits mhux dejjem ġew segwiti mill-Istati Membri kollha.

L-euro bbenefika biss xi pajjiżi filwaqt li kien ta' detriment għal oħrajn?

Is-suċċess ekonomiku riċenti ta’ xi pajjiżi jikkoinċidi mal-adozzjoni tagħhom tal-euro, iżda dawk il-pajjiżi li kellhom l-akbar suċċess huma dawk li implimentaw riformi essenzjali li ppermettewlhom li jadattaw għal bidliet fl-ekonomija globali. Bl-istess mod, dawk il-pajjiżi li sofrew f’dawn l-aħħar snin huma dawk li ma wettqux riforma. It-tipi ta’ tibdiliet li jeħtieġ li jwettqu llum l-ekonomiji f’diffikultà ikunu l-istess kemm jekk jużaw l-euro bħala l-munita tagħhom kif ukoll jekk le.

X’se jkun il-futur tal-euro jekk il-gvernijiet ma jaqblux dwar miżuri ulterjuri?

L-Unjoni Ewropea wriet mingħajr ebda dubju li hemm impenn deċiżiv lejn l-euro. Ittieħdu passi importanti biex jissaħħu l-istrutturi li jirfdu l-munita, sabiex jiġi żgurat li tkun ta' benefiċċju għall-membri kollha tagħha fil-forma ta’ stabbiltà finanzjarja u tkabbir ekonomiku u ħolqien tal-impjiegi bilanċjati u sostenibbli. Din il-ħidma għadha mhijiex lesta iżda se tkompli fis-snin li ġejjin. Il-Kummissjoni stabbiliet b’mod ċar ħafna x’taħseb li hija t-triq adegwata 'l quddiem fil-“Pjan ta’ azzjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja profonda u ġenwina".

Kif jaħdem il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES)?

L-għan tal-MES huwa li jipprovdi appoġġ ta’ stabbiltà permezz ta’ għadd ta’ strumenti ta’ assistenza finanzjarja lill-Istati Membri taż-żona tal-euro li qegħdin jesperjenzaw, problemi finanzjarji serji jew huma mhedda minnhom. Il-MES jista’ jiġbor fondi fis-suq. L-istrumenti tiegħu jinkludu:

  • il-forniment ta' self lil pajjiżi b’diffikultajiet finanzjarji;
  • ix-xiri ta' bonds ta' Stat Membru tal-MES fis-swieq tad-dejn primarji u sekondarji;
  • il-forniment ta' assistenza finanzjarja prekawzjonarja fil-forma ta' linja ta' kreditu;
  • il-finanzjament ta' rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji permezz ta’ self lill-gvernijiet

L-assistenza finanzjarja kollha lill-Istati Membri ssir b'kundizzjonijiet xierqa. Il-MES se juża strateġija xierqa ta’ finanzjament biex jiżgura aċċess għal sorsi wiesa' ta’ finanzjament u sabiex ikun jista’ jestendi pakketti ta’ assistenza finanzjarja lill-Istati Membri fil-kundizzjonijiet kollha tas-suq.

Min jirregola l-MES? Kif jittieħdu d-deċiżjonijiet?

Il-MES għandu Bord ta’ Gvernaturi li hu magħmul mill-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri taż-żona tal-euro (bħala membri bid-dritt tal-vot), filwaqt li l-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-President tal-BĊE jistgħu jipparteċipaw bħala osservaturi.

L-aktar deċiżjonijiet importanti meħuda mill-Bord tal-Gvernaturi jeħtieġu kunsens reċiproku. Dawn jinkludu deċiżjonijiet biex jingħata appoġġ ta’ stabbiltà lil Membru tal-MES, l-għażla ta’ strumenti u l-kondizzjonijiet u t-termini ta’ appoġġ bħal dan.

Il-Bord tal-Gvernaturi jaħtar Direttur Maniġerjali responsabbli għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-MES. Id-Direttur Maniġerjali jippresiedi l-Bord tad-Diretturi, kif ukoll il-Bord ta’ Ġestjoni, li jassistih(a) fit-twettiq tal-attivitajiet kurrenti tal-MES. Il-mandat tad-Direttur Maniġerjali huwa ta’ 5 snin. Hu/Hi jista'/tista' jinħatar/tinħatar mill-ġdid darba biss.

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata 
  • Ċekken it-test 
  • Kabbar it-test