Mogħdija tan-navigazzjoni

Ir-regoli tal-UEM

The rules of EMU

L-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa hija bbażata fuq sett ta’ regoli. Ħafna mir-regoli japplikaw għall-pajjiżi tal-UE kollha, iżda hemm regoli partikolari li japplikaw biss għall-pajjiżi li jużaw l-euro bħala l-munita tagħhom.

Ir-regoli fundamentali, li ntlaħaq qbil fuqhom l-ewwel fl-1992, huma stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li normalment jissejjaħ it-Trattat ta’ Lisbona:

Artikolu 119-3: Dawn l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri u ta' l-Unjoni għandhom jeżiġu li jiġu mħarsa dawn il-prinċipji gwida li ġejjin: prezzijiet stabbli, finanzi pubbliċi u kondizzjonijiet monetarji sodi u bilanċ tal-pagamenti sostenibbli.

Artikolu 121-1:  L-Istati Membri għandhom iqisu il-linji tal-politika ekonomika tagħhom bħala materja ta' interess komuni u għandhom jikkordinawhom fi ħdan il-Kunsill.

B’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li l-pajjiżi għandhom finanzi pubbliċi b’saħħithom, ir-regoli jistipulaw ukoll li l-ammont totali tad-dejn tal-gvern fi kwalnkwe pajjiż m’għandux jaqbeż is-60 % tal-PDG u li, fi kwalunkwe sena, il-bilanċ negattiv tal-baġit tal-gvern (l-ammont li l-gvern ikollu jissellef f’dik is-sena biex jimla kwalunkwe diskrepanza bejn id-dħul u n-nefqa tiegħu) m'għandux ikun aktar minn 3 % tal-PDG.

Dawn ir-regoli ġew żviluppati matul is-snin fi ftehim imsejjaħ il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST), li ġie adottat fl-1997 u rriformat fl-2005 u l-2011, jikkostitwixxi waħda mill-proċeduri li jintużaw fil-koordinament tal-politiki baġitarji nazzjonali. Il-PST jiżgura finanzi pubbliċi tal-UE b’saħħithom, u jappoġġa l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja taż-żona tal-euro. Id-defiċits iridu jkunu qrib il-bilanċ jew f’bilanċ favorevoli fuq terminu medju, biex b’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jindirizzaw aħjar iċ-ċaqliq ekonomiku ċikliku.

  • Il-parti preventiva tal-PST: Il-pajjiżi tal-UE jridu jippreżentaw programmi ta' stabbiltà jew ta' konverġenza annwali, li juru kif beħsiebhom jiksbu jew jissalvagwardjaw pożizzjonijiet fiskali b’saħħithom fuq terminu medju, filwaqt li jikkunsidraw l-impatt baġitarju li għad ikollu t-tixjiħ tal-popolazzjoni. Dawn il-programmi huma vvalutati mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, li jistgħu jindirizzaw rakkomandazzjonijiet politiċi, u twissijiet bikrija biex jipprevjenu l-okkorrenza ta’ defiċit eċċessiv jew kwistjoni makroekonomika oħra.
  • Il-parti korrettiva tal-PST: Jekk pajjiż tal-UE jikser il-livelli limitu tad-defiċit jew tad-dejn tat-Trattat, il-Kunsill jibda l-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv (EDP), li hija bbażata fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. L-EDP tikkonsisti f’diversi stadji, inkluż l-istabbiliment ta’ data tal-għeluq għall-korrezzjoni u, għall-pajjiżi taż-żona tal-euro, il-possibbiltà ta’ sanzjonijiet finanzjarji, biex tħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati jikkoreġu d-defiċit jew id-dejn.

Sorveljanza makroekonomika

Minbarra t-tisħiħ tar-regoli fiskali, l-UE introduċiet qafas ġdid għas-sorveljanza u l-korrezzjoni fil-ħin tal-iżbilanċi makroekonomiċi. L-għan huwa li jkunu indirizzati żviluppi riskjużi, pereżempju relatati ma’ bżieżaq tal-assi u kompetittività mdgħajfa, qabel isiru ta’ theddida għall-istabbiltà ta’ pajjiż tal-UE, għaż-żona tal-ewro u għall-UE kollha.

B’hekk, il-Kummissjoni twettaq monitoraġġ regolari għal żbilanċi makroekonomiċi potenzjali (f’oqsma bħall-kost lavorattiv, il-prezzijiet tad-djar jew il-qgħad). Il-pajjiżi tal-UE li juru tendenzi potenzjalment ta' tħassib jiġu analizzati b’attenzjoni Jekk jinstab żbilanċ, il-pajjiż ikkonċernat jintalab jieħu azzjoni biex jevita li s-sitwazzjoni tkompli sejra għall-agħar. Jekk żbilanċ ikun meqjus eċċessiv, il-pajjiż irid jieħu azzjoni biex jirranġa s-sitwazzjoni. Għall-pajjiżi taż-żona tal-euro, l-infurzar tar-regoli huwa appoġġat minn mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet.

Is-Semestru Ewropew

L-istruttura ekonomika ġdida tiżgura wkoll li impenji li pajjiżi tal-UE jagħmlu fi Brussell jiġu segwiti kif xieraq fil-livell nazzjonali, jew fi kliem ieħor, li l-kliem jissarraf f’azzjonijiet.

Strument ewlieni fis-sistema tal-governanza ekonomika tal-unjoni Ewropea huwa ssemestru Ewropew, li fl-2013 daħal fit-tielet sena tiegħu. Il-proċess tas-semestru jiżgura l-koordinazzjoni mill-qrib bejn il-politiki baġitarji tal-Istati membri.

L-għan tas-semestru Ewropew huwa:

  • li jiġu identifikati l-isfidi maġġuri ekonomiċi u soċjali għall-uE u għaż-żona tal-euro, li jirriflettu l-interdipendenza dejjem akbar bejn l-Istati membri;
  • li jiġi evalwat il-progress tal-politika, jintgħarfu minn kmieni l-isfidi tal-politika, permezz ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CsRs), jiġu ggwidati l-Istati membri biex jimplimentaw il-politiki tagħhom b’modi li jgħinu lill-uE taġġusta ruħha u tikber b’mod sostenibbli, waqt li tipprovdi impjiegi u livelli ta’ għajxien diċenti għal kulħadd.

Is-semestru Ewropew jibda meta l-Kummissjoni tadotta l-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir tagħha sabiex tistabbilixxi l-prijoritajiet tal-UE l-aktar importanti għassena sussegwenti biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-Parlament Ewropew għandu rwol importanti f’dan il-proċess permezz tal-hekk imsejjaħ “djalogu ekonomiku”. Biex jiżdied id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-Presidenti tal-istituzzjonijiet tal-UE biex jiddibattu xi okkażjoni speċifika jew xi pass mis-semestru Ewropew, kif indikat filgrafika ta’ hawn taħt.

The European Semesterjpeg(521 kB) Agħżel it-traduzzjonijiet mil-link ta' qabel 

Infurzar iktar strett

Barra minn hekk, l-infurzar jissaħħaħ permezz tal-użu usa’ tal-vot b’“maġġoranza kwalifikata inversa”. Dan ifisser li jekk il-Kummissjoni tagħmel rakkomandazzjoni jew proposta lill-Kunsill, titqies adottata sakemm ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri li tivvota kontriha.

X’inhuma l-kriterji għas-sħubija fiż-żona tal-euro?

Sabiex jadotta l-euro, pajjiż l-ewwel irid ikun membru tal-UE. Il-pajjiżi jridu jikkonformaw ukoll ma’ sett ta’ linji gwida (ara hawn taħt) li ġew stabbiliti fit-Trattat ta’ Maastricht tal-1992, il-ftehim li formalment ħoloq l-Unjoni Ekonomika u Monetarja nnifisha u wassal għall-ħolqien tal-euro. Dawn il-kriterji b’hekk huma magħrufin bħala l-kriterji ta’ Maastricht:

  1. Bilanċ negattiv tal-baġit: Il-bilanċ negattiv annwali tal-baġit ta’ pajjiż ma jridx ikun iktar minn 3 % tal-PDG tiegħu (id-daqs tal-ekonomija tiegħu).
  2. Dejn pubbliku: id-dejn totali akkumulat ta’ pajjiż ma jistax jaqbeż is-60 % tal-PDG (għalkemm jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet jekk id-dejn tal-pajjiż jitqies li jkun qed jonqos b’mod stabbli). Għalhekk, jekk il-PDG ta’ pajjiż ikun EUR 100 biljun, dak il-pajjiż ma jistax ikolllu dejn ta’ aktar minn EUR 60 biljun.
  3. Inflazzjoni: Ir-rata li biha jiżdiedu l-livelli tal-prezzijiet ġenerali fuq perjodu ta’ sena f’dak il-pajjiż għandha tkun inqas minn 1.5 punt perċentwali ’l fuq mit-tliet pajjiżi taż-żona tal-euro bl-aħjar riżultati fi żmien partikolari.
  4. Rati tal-imgħax: Mhux aktar minn 2 punti perċentwali ’l fuq mir-rata tat-tliet pajjiżi tal-UE bl-aħjar prestazzjoni f’termini ta’ stabbilità tal-prezzijiet.
  5. Ir-rati tal-kambju: Ir-rata tal-kambju (il-prezz li bih munita waħda tista’ tiġi skambjata b’oħra, jiġifieri EUR 1 kienet ugwali għal USD 1.07 meta ġiet introdotta fl-1999) tal-pajjiż trid tibqa’ fi ħdan ċertu marġni ta’ ċaqliq. Dan huwa maħsub biex jiddetermina jekk l-ekonomija hijiex stabbli biżżejjed jew le biex tadotta l-euro.

Minbarra l-kriterji ta’ Maastricht, l-Istati Membri jridu jiksbu konverġenza tal-liġijiet u r-regoli nazzjonali li jirregolaw il-banek ċentrali tagħhom. Dan sabiex tkun appoġġata l-implimentazzjoni effettiva tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, jiġi pprovdut qafas għal aktar impjiegi u tkabbir u jiġi evitat it-tfixkil.

Il-kriterji ta’ konverġenza ta’ Maastricht huma mfassla biex jiżguraw li l-ekonomija ta’ Stat Membru tkun ippreparata biżżejjed għall-adozzjoni tal-euro. Dawn huma l-punt ta’ riferiment għall-valutazzjoni tal-istabbilità, saħħa u sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi għall-kandidati taż-żona tal-euro.

Il-kriterji ta’ Maastricht jintużaw ukoll wara li pajjiż jadotta l-euro. Kull pajjiż għandu l-għan li jaderixxi ma’ dawn il-linji gwida kull sena wara l-adozzjoni. Dan huwa ppjanat sabiex iġib stabbilità u armonija għall-ekonomija taż-żona tal-euro.

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata 
  • Ċekken it-test 
  • Kabbar it-test