Mogħdija tan-navigazzjoni

L-euro fid-dinja

Minbarra r-rwol tagħha bħala l-munita taż-żona ta’ l-euro, l-euro għandha preżenza internazzjonali qawwija. Il-muniti huma l-mezzi li permezz tagħhom il-ġid jinħażen, jiġi protett u skambjat bejn il-pajjiżi, l-organizzazzjonijiet u l-individwi. Munita globali, bħall-euro, tagħmel dan fuq skala globali. Mill-introduzzjoni tagħha fl-1999, stabbiliet ruħha b’mod sod bħala munita internazzjonali ewlenija, it-tieni biss wara d-dollaru Amerikan.

Fiż-żona ta’ l-euro, il-munita unika, l-euro, hija l-mezz li permezz tiegħu il-gvernijiet, il-kumpaniji u l-individwi jagħmlu u jirċievu l-pagamenti għal oġġetti u servizzi. Tintuża wkoll biex taħżen u toħloq il-ġid għall-ġejjieni bħala tifdil u investimenti. Madankollu, id-daqs, l-istabbiltà u s-saħħa ta’ l-ekonomija taż-żona ta’ l-euro – it-tieni l-akbar ekonomija fid-dinja wara ta’ l-Istati Uniti – jagħmlu l-euro dejjem aktar attraenti lilhinn mill-fruntieri tagħha wkoll.

Is-setturi pubbliċi u privati fil-pajjiżi terzi jakkwistaw u jużaw l-euro għal bosta skopijiet, inkluż għall-kummerċ jew bħala riservi tal-muniti. Għal din ir-raġuni, illum, l-euro hija t-tieni l-aktar munita internazzjonali importanti wara d-dollaru ta’ l-Istati Uniti.

L-użu mifrux ta’ l-euro fis-sistema finanzjarja u monetarja internazzjonali juri l-preżenza globali tagħha:

  • L-euro qed tintuża dejjem aktar sabiex jinħareġ id-dejn governattiv u korporattiv mad-dinja kollha. Fi tmiem l-2006, is-sehem ta’ l-euro fis-swieq internazzjonali tad-dejn kien ta’ madwar terz, filwaqt li d-dollaru ta’ l-Istat Uniti kien ilaħħaq ma’ l-44%.
  • Il-banek globali jagħmlu self sinifikanti denominat fl-euro madwar id-dinja.
  • L-euro hija t-tieni munita li tiġi negozjata bl-aktar mod attiv fis-swieq tal-kambju barranin; hija kontroparti f’madwar 40% mit-tranżazzjonijiet ta’ kuljum.
  • L-euro tintuża b’mod estensiv għall-ħruġ tal-fatturi u għall-pagamenti fil-kummerċ internazzjonali, mhux biss bejn iż-żona ta’ l-euro u pajjiżi terzi imma anki, sa ċertu punti, bejn il-pajjiżi terzi.
  • L-euro tintuża b’mod wiesa’, flimkien mad-dollaru ta’ l-Istati Uniti, bħala munita ta’ riserva importanti li wieħed ikollu f’każ ta’ emerġenzi monetarji. Fi tmiem l-2006, aktar minn kwart tal-holdings tal-kambju barrani globali kienu f’euro, meta paragunati mat-18% fl-1999. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma fost dawk li l-aktar li żiedu r-riservi tagħhom fil-euro, minn 18% fl-1999 għal madwar 30% fl-2006.
  • Diversi pajjiżi jiġġestixxu l-muniti tagħhom billi jorbtuhom ma’ l-euro, li tagħmilha ta’ munita ankra jew ta’ munita ta’ referenza.


L-istatus ta’ l-euro bħala munita globali, flimkien mad-daqs u mal-piż ekonomiku taż-żona ta’ l-euro, qed iwasslu biex organizzazzjonijiet ekonomiċi interanzzjonali, bħall-IMF u l-G8, qed iqisu l-ekonomija taż-żona ta’ l-euro dejjem aktar bħala entità waħda. Dan jagħti lill-Unjoni Ewropea leħen aktar b’saħħtu fid-dinja.

Biex tibbenefika minn din il-pożizzjoni aktar b’saħħitha, u biex tagħti kontribut aktar effettiv għall-istabbiltà finanzjarja internazzjonali, iż-żona ta’ l-euro qiegħda dejjem aktar titkellem b’leħen wieħed f’fora ekonomiċi importanti. Dan isir permezz ta’ koordinazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri taż-żona ta’ l-euro, kif ukoll mal-Bank Ċentrali Ewropew u mal-Kummissjoni Ewropea matul il-laqgħat ekonomiċi interanzzjonali.

Numru ta’ pajjiżi terzi u ta’ reġjuni huma saħanistra marbuta aktar mill-qrib ma’ l-euro. Is-sistema monetarja stabbli wara l-euro tagħmilha munita ‘ankra’ attraenti għalihom, partikolarment għal dawk li għandhom arranġamenti istituzzjonali speċjali ma’ l-UE, bħal ftehimiet preferenzjali ta’ kummerċ. Billi jorbtu l-munita tagħhom ma’ l-euro jġibu aktar ċertezza u stabbiltà lill-ekonomiji nazzjonali tagħhom.

L-euro tintuża b’mod wiesa’ wkoll fil-pajjiżi terzi u fir-reġjuni qrib iż-żona ta’ l-euro, pereżempju fix-Xlokk ta’ l-Ewropa, filwaqt li wħud mill-pajjiżi l-oħra – Andorra, Monako, San Marino u l-Belt tal-Vatikan – jużaw l-euro bħala l-munita uffiċjali tagħhom minħabba ftehimiet monetarji speċifiċi ma’ l-UE, u jistgħu joħorġu l-muniti ta’ l-euro tagħhom f’ċerti limiti kwantitativi.