Mogħdija tan-navigazzjoni

Għaliex l-euro?

L-euro nħolqot għaliex munita waħda toffri bosta vantaġġi u benefiċċji fuq is-sitwazzjoni preċedenti fejn kull Stat Membru kellu l-munita tiegħu. Mhux biss jiġu eliminati r-riskji ta’ varjazzjonijiet u l-ispejjeż tal-kambju u jissaħħaħ is-suq uniku, imma l-euro tfisser ukoll kooperazzjoni aktar mill-qrib fost l-Istati Membri għal munita u għal ekonomija stabbli li huma ta’ benefiċċju għalina lkoll.

Meta fl-1957 twaqqfet l-UE, l-Istati Membri konċentraw fuq li jibnu ‘suq komuni’ għall-kummerċ. Madankollu, maż-żmien deher ċar li kienet meħtieġa kooperazzjoni ekonomika u monetarja aktar mill-qrib sabiex jiżviluppa u jirnexxi aktar is-suq intern u sabiex l-ekonomija Ewropea kollha tkun tista’ trendi aktar, billi ġġib aktar impjiegi u aktar prosperità għall-Ewropej. Fl-1991, l-Istati Membri approvaw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (it-Trattat ta’ Maastricht), fejn ġie deċiż li l-Ewropa jkollha munita b’saħħitha u stabbli għas-seklu 21.

Il-benefiċċji ta’ l-euro huma diversi u jinħassu fuq skali differenti, minn individwi u negozji għal ekonomiji sħaħ. Dawn jinkludu:

  • Aktar għażla u prezzijiet aktar stabbli għall-konsumaturi u għaċ-ċittadini
  • Aktar sigurtà u aktar opportunitajiet għan-negozji u għas-swieq
  • Titjib fl-istabbiltà ekonomika u fit-tkabbir
  • Swieq finanzjarji aktar integrati
  • Preżenza aktar b’saħħitha ta’ l-UE fl-ekonomija globali
  • Sinjal tanġibbli ta’ identità Ewropea

Ħafna minn dawn il-benefiċċji huma marbutin ma’ xulxin. Pereżempju, l-istabbiltà ekonomika hija tajba għall-ekonomija ta’ l-Istat Membru peress li l-gvern ikun jista’ jippjana għall-ġejjieni. Imma l-istabbiltà ekonomika tibbenefika wkoll lin-negozji minħabba li tnaqqas l-inċertezza u tinkoraġixxi lill-kumpaniji biex jinvestu. Dan, min-naħa tiegħu, ikun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini li jaraw aktar impjiegi u impjiegi ta’ kwalità aħjar.

Minn fejn ġejjin dwn il-benefiċċji ta’ l-euro?


Il-munita unika ġġib punti tajba u opportunitajiet li ġejjin mill-integrazzjoni u mill-iskala ta’ l-ekonomija taż-żona ta’ l-euro, fejn jagħmlu s-suq uniku aktar effiċjenti.

Qabel l-euro, il-ħtieġa li jkun hemm kambju tal-muniti kienet tfisser aktar spejjeż u riskji u nuqqas ta’ transparenza fit-tranżazzjonijiet transkonfinali. Bil-munita unika, in-negozju fiż-żona ta’ l-euro huwa aktar effettiv fl-infiq u inqas riskjuż.

Sadanittant, il-fatt li wieħed jista’ jipparaguna l-prezzijiet faċilment jinkoraġixxi l-kummerċ u l-investiment transkonfinali ta’ kull tip, minn konsumaturi individwali li qed ifittxu l-prodott li jiswa l-inqas, għan-negozji li jixtru s-servizz ta’ l-aqwa valur, għall-investituri istituzzjonali l-kbar li jistgħu jinvestu b’mod aktar effiċjenti fiż-żona ta’ l-euro kollha mingħajr ir-riskji ta’ rati tal-kambju li jvarjaw. Fiż-żona ta’ l-euro, issa hemm suq integrat wieħed kbir li juża l-istess munita.

Il-benefiċċji mad-dinja kollha


L-iskala tal-munita unika u taż-żona ta’ l-euro ġġib ukoll opportunitajiet ġodda fl-ekonomija globali. Munita unika tagħmel liż-żona ta’ l-euro reġjun attraenti fejn il-pajjiżi terzi jistgħu jagħmlu n-negozju, biex b’hekk tingħata spinta lill-kummerċ u lill-investiment. Ġestjoni ekonomika prudenti tagħmel mill-euro munita ta’ riserva attraenti għall-pajjiżi terzi, u tagħti liż-żona ta’ l-euro leħen aktar b’saħħtu fl-ekonomija globali.

L-iskala u ġestjoni attenta jġibu wkoll stabbiltà ekonomika liż-żona ta’ l-euro, fejn jagħmluha akar flessibbli għal dawk li jissejħu ‘xokkijiet’ ekonomiċi esterni, jiġifieri bidliet ekonomiċi f’daqqa li jistgħu jinqalgħu barra miż-żona ta’ l-euro u jiddisturbaw l-ekonomiji nazzjonali, bħal żjiediet fil-prezzijiet taż-żejt madwar id-dinja kollha jew turbulenza fis-swieq globali tal-muniti. Id-daqs u s-saħħa taż-żona ta’ l-euro jfissru li din tista’ tassorbi aħjar xokkijiet esterni ta’ din ix-xorta mingħajr telf fl-impjiegi u inqas tkabbir.

Ir-realizzazzjoni tal-benefigrat


L-euro ma ġġibx stabbiltà ekonomika u tkabbir waħidha. Dan jinkiseb l-ewwelnett permezz ta’ ġestjoni soda ta’ l-ekonomija taż-żona ta’ l-euro skond ir-regoli tat-Trattat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir (SGP), l-element l-aktar vitali ta’ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU). It-tieninett, bħala l-mekkaniżmu ewlieni biex jittejbu l-benefiċċji tas-suq uniku, il-politika kummerċja u l-kooperazzjoni politika, l-euro hija parti integrali mill-istrutturi ekonomiċi, soċjali u politiċi ta’ l-Unjoni Ewropea tal-lum.