Mogħdija tan-navigazzjoni

L-Unjoni Ekonomika u Monetarja

L-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU) tirrappreżenta pass ewlieni fl-integrazzjoni ta’ l-ekonomiji ta’ l-UE. Tinvolvi l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u fiskali, politika monetarja komuni, u munita komuni, l-euro. Filwaqt li s-28 Stat Membru ta’ l-UE lkoll jieħdu sehem fl-unjoni ekonomika, uħud mill-pajjiżi mxew pass ulterjuri fl-integrazzjoni u adottaw l-euro. Flimkien, dawn il-pajjiżi jiffurmaw iż-żona ta’ l-euro.

Id-deċiżjoni li tkun iffurmata Unjoni Ekonomika u Monetarja ttieħdet mill-Kunsill Ewropew fil-belt Olandiża ta’ Maastrich, f’Diċembru 1991, u aktar tard kienet inkluża fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (it-Trattat ta’ Maastricht). L-Unjoni Ekonomika u Monetarja tieħu lill-UE pass ulterjuri fil-proċess ta’ integrazzjoni ekonomika tagħha, li beda fl-1957 meta twaqqfet. L-integrazzjoni ekonomika ġġib il-benefiċċji ta’ daqs akbar, aktar effiċjenza interna u solidità lill-ekonomija ta’ l-UE kollha u lill-ekonomiji ta’ l-Istati Membri individwali. Min-naħa tagħha, din toffri opportunitajiet għal stabbiltà ekonomika, aktar tkabbir u aktar impjiegi – riżultati tal-benefiċċju diretti għaċ-ċittadini ta’ l-UE. F’termini prattiċi, l-EMU tfisser:

  • Il-koordinazzjoni tat-tfassil tal-politiki ekonomiċi bejn l-Istati Membri
  • Il-koordinazzjoni tal-politiki fiskali, prinċipalment permezz tal-limiti fuq id-dejn u d-defiċit governattivi
  • Politika monetarja indipendenti ġestita mill-Bank Ċentrali Ewropew (ECB)
  • Il-munita unika u ż-żona ta’ l-euro

Il-governanza ekonomika taħt l-EMU

Fl-EMU mhemm l-ebda istituzzjoni waħdanija responsabbli għall-politika ekonomika. Minflok, ir-responsabbiltà hija maqsuma bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ l-UE. Il-parteċipanti ewlenin fl-EMU huma:

  • Il-Kunsill Ewropew – jiffissa l-orjentazzjonijiet politiċi ewlenin
  • Il-Kunsill ta’ l-UE (il-‘Kunsill’) – jikkoordina t-tfassi tal-politiki ekonomiċi ta’ l-UE u jiddeċiedi jekk Stat Membru jistax jadotta l-euro
  • L-'Eurogroup' – jikkoordina l-politiki ta’ interess komuni għall-Istati Membri taż-żona ta’ l-euro
  • L-Istati Membri – jiffissaw il-baġits nazzjonali tagħhom fil-limiti miftiehma għad-defiċit u għad-dejn, u jiddeterminaw l-politiki strutturali tagħhom li jinvolvu x-xogħol, il-pensjonijiet u s-swieq kapitali
  • Il-Kummissjoni Ewropea – timmonitorja r-rendiment u l-konformità
  • Il-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) – jiffissa l-politika monetarja, bl-istabbiltà tal-prezzijiet bħala l-għan primarju.
  • Il-Parlament Ewropew - jaqsam il-kompitu tal-formulazzjoni tal-leġiżlazzjoni mal-Kunsill, u jissuġġetta l-governanza ekonomika għall-iskrutinju demokratiku b’mod partikolari permezz ta’ Djalogu Ekonomiku ġdid.

Xi tfisser ‘integrazzjoni ekonomika’?

Ġeneralment, unjoni ekonomika u monetarja hija pass avvanzat fil-proċess ta’ integrazzjoni ekonomika. Il-gradi ta’ integrazzjoni ekonomika jistgħu jinqasmu f’sitt skaluni:

  1. Żona ta’ kummerċ preferenzjali (b’ tariffi doganali mnaqqsa bejn ċerti pajjiżi)
  2. Żona ta’ kummerċ ħieles (bl-ebda tariffa interna fuq uħud mill-prodotti jew fuq il-prodotti kollha bejn il-pajjiżi parteċipanti)
  3. Unjoni doganali (bl-istess tariffi doganali esterni għall-pajjiżi terzi u politika kummerċjali komuni)
  4. Suq uniku (b’regolamenti komuni dwar il-prodotti u bil-moviment ħieles tal-merkanzija, tal-kapital, tal-ħaddiema u tas-servizzi)
  5. Unjoni ekonomika u monetarja (suq uniku b’munita u b’politika monetarja komuni)
  6. Integrazzjoni ekonomika kompluta (dawn kollha li ssemmew aktar ’il fuq flimkien ma’ politiki fiskali u politiki ekonomiċi oħra armonizzati).

Meta fl-1958 l-Unjoni Ewropea twaqqfet bħala l-Komunità Ekonomika Ewropea, l-għan kien li tinbena unjoni doganali u suq komuni għall-agrikoltura. Sussegwentement, dan is-suq komuni limitat kien estiż biex ikopri anki l-oġġetti u s-servizzi fis-suq uniku, li fil-biċċa l-kbira kien ikkompletat sa l-1993. Illum, l-Unjoni Ewropea qiegħda fil-ħames skaluna ta’ dan il-mudell. L-integrazzjoni ekonomika progressiva ma bdietx bid-deċiżjoni li tinħoloq l-euro: hija proċess twil, parti mill-istorja ta’ l-UE, u hija waħda mill-kisbiet ewlenin tagħha.

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata 
  • Ċekken it-test 
  • Kabbar it-test