Mogħdija tan-navigazzjoni

Il-komunikazzjoni dwar l-euro

Il-bdil għal munita ġdida jaffettwa ħafna aspetti mill-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadin. Għalhekk kull Stat Membru li qed iħejji għall-introduzzjoni ta’ l-euro għandu jikkomunika b’mod effettiv u f’waqtu, u l-esperjenza turi li dan huwa wkoll iċ-ċavetta biex il-bidla tirnexxi.

Madankollu l-komunikazzjoni ma tieqafx mal-mument li fih il-muniti u karti tal-flus ta’ l-euro jkunu jinsabu fil-bwiet taċ-ċittadini, peress illi s-suċċess tal-munita unika jiddependi wkoll mis-suċċess li jkollha l-ispjegazzjoni lill-pubbliku tal-benefiċċji tagħha u kif taħdem.

Qabel, matul u wara

Il-komunikazzjoni taqdi rwol prinċipali fil-bini tal-fiduċja tal-konsumaturi, u tikkomplementa l-miżuri meħuda sabiex tkun assigurata t-trasparenza u l-konverżjoni ġusta tal-prezzijiet qabel u matul il-bidla, bħall-ftehimiet dwar prezzijiet ġusti konklużi bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-impriżi, jew l-iskemi ta’ monitoraġġ tal-prezzijiet imfassla sabiex ikun assigurat li l-impriżi ma jieħdux vantaġġ min-nuqqas ta’ familjarità tal-konsumaturi mal-munita l-ġdida biex jagħmlu qligħ li ma jkunx ġust.

Il-kampanji ta’ informazzjoni dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro jridu jkunu mmirati sabiex jassiguraw li ċ-ċittadini jkunu kapaċi jagħrfu u jużaw il-munita l-ġdida b’kunfidenza sħiħa. Dan ikun jinvolvi li l-messaġġi u l-għodda jkunu mfassla b’mod li jintlaħqu minn kull ċittadin, inklużi dawk l-iktar li huma vulnerabbli, bħall-anzjani, persuni b’diżabbiltà u minoranzi lingwistiċi. Fl-aħħar mill-aħħar, bħal meta wieħed ikun qed jitgħallem lingwa ġdida, wieħed ikun irid ‘jaħseb’ fl-euro u jifhem il-valur mingħajr ma jkollu għalfejn joqgħod jikkonverti għal/mill-munita nazzjonali l-antika. Il-komunikazzjoni tgħin liċ-ċittadini jassimilaw din il-‘lingwa’ l-ġdida u jidentifikaw lilhom infushom mal-munita l-ġdida.

L-identifikazzjoni tfisser appoġġ, u l-appoġġ pubbliku huwa fattur importanti ieħor fis-suċċess tal-munita unika u l-qafas politiku tagħha, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħha. Huwa importanti li sabiex dak l-appoġġ jintrebaħ ikunu mfissra x’inhuma l-benefiċċji ta’ l-euro u kif l-UEM taħdem. Għalhekk ix-xogħol tal-komunikazzjoni ma jieqafx fl-aħħar tal-proċess tal-bidla, imma jrid ikompli sew wara li tiġi mibdula l-munita l-antika.

Kooperazzjoni flimkien

Fl-2004, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni fuq strateġija ta’ informazzjoni u komumikazzjoni dwar l-euro u l-UEM (COM(2004) 552 final), li tagħraf id-dritt li l-għajnuna pubblika tkun ikkonsolidata fil-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro, u li meta jasal il-waqt titħaffef it-tranżizzjoni fil-pajjiżi l-iktar ġodda ta’ l-UE.

Wieħed mill-prinċipji gwida ta’ l-istrateġija huwa d-deċentralizzazzjoni u s-sussidjarjetà: peress illi l-komunikazzjoni tkun iktar effettiva jekk issir fuq bażi lokali, l-Istati Membri għandhom rwol prinċipali fl-iddisinjar u l-implimentazzjoni tal-kampanja ta’ informazzjoni dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro f’pajjiżhom, imma jistgħu jserrħu rashom fuq għajnuna teknika u finanzjarja mill-Kummissjoni, li hija tipprovdi taħt dawk li jissejħu l-ftehimiet ta’ sħubija.

Il-ftehimiet ta’ sħubija huma sħubija ta’ ħidma volontarja miftehma bejn il-Kummissjoni u dawk il-pajjiżi ta’ l-UE li huma viċin li jintroduċu l-euro u li adottaw strateġija ta’ komunikazzjoni dwar l-euro. Taħt is-sħubija, il-Kummissjoni tikkofinanzja attivitajiet speċifiċi ta’ l-istrateġija, bħal surveys pubbliċi, mailings diretti, kampanji ta’ reklamar, pubblikazzjonijiet, websajts, konferenzi, jew hotlines ta’ l-euro, u tipprovdi għajnuna u gwida teknika. L-ewwel ftehimiet ta’ sħubija kienu ffirmati f-Novembru 2005 ma’ l-Estonja, il-Litwanja, u s-Slovenja. Ċipru u Malta segwew f’Mejju 2006, u s-Slovakja mistennija tkun il-pajjiż li jmiss biex tikkonkludi ftehim sa l-aħħar ta’ l-2007.

Firxa sħiħa ta’ attivitajiet

Min-naħa tagħha l-Kummissjoni twettaq numru ta’ attivitajiet, b-żewġ għanijiet ġenerali: wieħed huwa li żżid l-għarfien pubbliku u l-appoġġ għall-euro f’dawk il-pajjiżi fejn huwa diġà l-munita uffiċjali, u l-ieħor huwa li tgħin lill-membri ta’ l-UE li se jadottaw l-euro fil-futur bit-tħejjijiet tagħhom għal dan il-għan.

  • B’mod regolari tissorvelja l-istat ta’ l-opinjoni pubblika permezz tas-surveys tal-Eurobarometer, li jsiru darba fis-sena fiż-żona ta’ l-euro, u darbtejn fis-sena fil-pajjiżi l-ġodda ta’ l-UE. Ir-riżużltati jiġu ppubblikati fil-websajt Europa.
  • Tgħin fit-twaqqif ta’ programmi ta’ ‘ġemellaġġ’ bejn pajjiżi taż-żona ta’ l-euro u pajjiżi li mhumiex fiż-żona ta’ l-euro biex ikunu trasferiti l-kompetenzi dwar tħejjijiet prattiċi. Mill-2005 ’l hawn kienu żviluppati sa 10 programmi ta’ ġemellaġġ.
  • Fl-2006 ħolqot netwerk ta’ kelliema indipendenti dwar affarijiet relatati ma’ l-euro f’10 mill-Istati Membri l-iktar ġodda – il-Euro Team – li jaġixxu bħala ambaxxaturi lokali ta’ l-euro fil-pajjiżi rispettivi tagħhom mingħajr ebda rabta istituzzjonarja jew finanzjarja mal-Kummissjoni.
  • Sabiex tlaħħaq ma’ domanda dejjem tiżdied għal kelliema speċjalizzati dwar kwistjonijiet relatati ma’ l-UEM, hija waqqfet tim ta’ uffiċjali ta’ l-UE li jaħdmu ġewwa Brussel li jistgħu jagħtu preżentazzjonijiet lil gruppi ta’ studenti, viżitaturi u udjenzi speċjalizzati.
  • Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tiżviluppa l-prodotti tagħha stess, bħal pubblikazzjonijiet u websajts, u torganizza konferenzi, seminars u wirjiet ambulanti, kemm għall-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro kif ukoll għall-pajjiżi li mhumiex fiż-żona ta’ l-euro.

L-attivitajiet tal-Kummissjoni, minn sħubiji sa pubblikazzjoni magħmula f’post ċentrali, jaqgħu taħt il-baġit tal-PRINCE, il-programm ta' informazzjoni taċ-ċittadin Ewropew, li t-twelid tiegħu jmur lura għall-1996, sabiex ikun assigurat li l-fondi jkunu msaħħa għall-prijoritajiet prinċipali ta’ komunikazzjoni bħall-euro. Il-Kummissjoni tirrapporta darbtejn fis-sena lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet iffinanzjati mill-parti tal-baġit tal-PRINCE allokat għall-euro u l-UEM.