Mogħdija tan-navigazzjoni

Il-karti tal-flus u l-muniti ta’ l-ewro

L-introduzzjoni ta’ l-ewro – l-ewwel bħala ‘flus kontabbli’ fl-1999 u aktar tard bħala karti tal-flus u muniti effettivi fl-2002 – hija waħda mill-akbar kisbiet ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-karti tal-flus u l-muniti ta’ l-ewro issa huma parti integrali minn ħajjet in-nies u realtà kummerċjali.

18/05/2009

Kienu meħtieġa snin ta’ ppjanar u ta’ preparazzjoni għad-disinn ta’ l-ewro biex jinstab bilanċ tajjeb bejn il-ġibda estetika, id-dimensjonijiet prattiċi u l-karatteristiċi ta’ sigurtà – li rriżultaw f’seba’ karti tal-flus u fi tmien muniti ddisinjati għat-tnedija f’Jannar 2002.

Il-karti tal-flus jaqsmu l-istess disinji fil-pajjiżi kollha taż-żona ta’ l-ewro. Il-muniti għandhom disinn komuni fuq naħa waħda u disinn speċifiku għall-pajjiż fuq l-oħra.

Il-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) għandu d-dritt esklużiv li jawtorizza l-ħruġ tal-karti tal-flus ta’ l-ewro mill-banek ċentrali nazzjonali taż-żona ta’ l-ewro. Ir-responsabbiltà biex ikunu prodotti u biex jiġu ċirkolati hija maqsuma bejn il-banek ċentrali nazzjonali. Il-muniti jinħarġu mill-Istati Membri taż-żona ta’ l-ewro f’volumi li jiġu approvati kull sena mill-ECB u l-produzzjoni tiġi fdata liz-zekki nazzjonali.

L-ispirazzjoni mill-Grieg u mil-Latin


Bħall-muniti kollha, l-ewro għandha isem u simbolu:

  • L-isem – l-ewro – intgħażel fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li saret f’Madrid fl-1995 bħala parti mill-preparazzjonijiet għal munita unika.
  • Is-simbolu ta’ l-euro – € – kien ispirat mill-ittra Griega epsilon (Є). Jindika wkoll l-ewwel ittra tal-kelma ‘Ewropa’ fl-alfabett Latin, filwaqt li ż-żewġ linji paralleli li jgħaddu minn nofs is-simbolu jfissru stabbiltà. Il-Kummissjoni Ewropea organizzat kompetizzjoni biex jiġi ddisinjat is-simbolu ta’ l-ewro. Tqiesu madwar 30 abbozz – b’għaxra minnhom jiġu ttestjati fuq il-pubbliku – u d-disinn finali ntgħażel minn żewġ proposti li tniżżlu fil-lista l-qasira minn Jacques Santer, li dak iż-żmien kien il-President tal-Kummissjoni, u mill-Kummissarju Yves Thibault de Silguy fl-1995.

Ta’ kull forma u daqs


Id-daqsijiet differenti u l-kuluri kuntrastanti u l-mudelli bir-riljiev tal-flus tal-karti ta’ l-ewro jgħinu lin-nies – inklużi dawk li għandhom problemi fil-viżta – biex jirrikonoxxu d-denominazzjonijiet. Id-denominazzjonijiet tal-flus tal-karti ta’ l-euro huma ta’ 5, 10, 20, 50, 100, 2000 u 500 ewro. Hemm diversi karatteristiċi ta’ sigurtà fil-karti tal-flus, bħall-watermark, il-ħajta u l-ologramma tas-sigurtà, sabiex iwaqqfu lill-falsarji u wieħed ikun jista’ jirrikonoxxi karta tal-flus ġenwina.

Kienu żviluppati wkoll speċifikazzjonjiet tekniċi avvanzati għall-muniti, biex ir-riproduzzjoni illegali, speċjalment tal-muniti ta’ euro u ta’ 2 ewro, tkun ferm diffiċli. It-tmien denominazzjonijiet tal-muniti jvarjaw fid-daqs, fil-kulur u fil-ħxuna skond il-valuri tagħhom, li huma ta’ 1, 2, 5, 10, 20 u 50 ċenteżmu, u ta’ 1 ewro u ta’ 2 ewros.