Mogħdija tan-navigazzjoni

L-adozzjoni ta’ l-euro

L-Unjoni Ewropea tikber hekk kif il-pajjiżi kandidati jissodisfaw il-kundizzjonijiet għad-dħul u jaderixxu ma’ l-Unjoni – dan il-proċess huwa magħruf bħala tkabbir. B’mod simili, iż-żona ta’ l-euro qed tikber hekk kif l-Istati Membri ta’ l-UE li mhumiex fiż-żona ta’ l-euro jissodisfaw il-kundizzjonijiet għad-dħul u jadottaw l-euro.

Iż-żona ta’ l-euro tinkludi dawk l-Istati Membri ta’ l-UE li adottaw il-munita unika. Imma ż-żona ta’ l-euro mhix statika – skond it-Trattat, l-Istati Membri ta’ l-UE kollha jridu jissieħbu fiż-żona ta’ l-euro ladarba jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa, ħlief id-Danimarka u r-Renju Unit li nnegozjaw klawżola ta’ 'opt-out' li tippermettilhom jibqgħu barra miż-żona ta’ l-euro.

L-Iżvezja wkoll mistennija tissieħeb fiż-żona ta’ l-euro fil-ġejjieni, imma s’issa għadha ma kwalifikatx.

Tkabbir progressiv, integrazzjoni progressiva

Pajjiż ta’ adeżjoni li qed jippjana li jissieħeb fl-Unjoni jrid jallinja ħafna aspetti tas-soċjetà tiegħu – soċjali, ekonomiċi u politiċi – ma’ dawk ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE. Ħafna minn dan l-allinjament għandu l-għan li jiżgura li pajjiż ta’ adeżjoni jista’ jaħdem b’suċċess fis-suq uniku ta’ l-Unjoni għall-oġġetti, għas-servizzi, għall-kapital u għall-ħaddiema – l-adeżjoni huwa proċess ta’ integrazzjoni.

L-adozzjoni ta’ l-euro u s-sħubija fiż-żona ta’ l-euro jieħdu l-integrazzjoni pass ulterjuri – huwa proċess ta’ integrazzjoni ekonomika ferm eqreb ma’ l-Istati Membri l-oħra taż-żona ta’ l-euro. L-adozzjoni ta’ l-euro titlob ukoll preparazzjonijiet estensivi; b’mod partikolari teħtieġ konverġenza ekonomika u legali.

Il-preparazzjonijiet għad-dħul

Qabel ma’ Stat Membru jista’ jadotta l-euro, irid jissodisfa ċerti kriterji ekonomiċi u legali. Il-‘kriterji ta’ konverġenza’ ekonomiċi huma mfassla sabiex jiżguraw li ekonomija ta’ Stat Membru tkun biżżejjed ippreparata għall-adozzjoni tal-munita unika u tista’ tintegra ruħha mingħajr problemi fir-reġim monetarju taż-żona ta’ l-euro. Il-konverġenza legali teħtieġ li l-leġiżlazzjoni nzzjonali, b’mod partikolari l-bank ċentrali nazzjonali u l-kwistjonijiet monetarji, tkun kompatibbli mat-Trattat.

Is-sostituzzjoni ta’ munita nazzjonali bl-euro hija operazzjoni kbira li titlob ħafna preparazzjonijiet prattiċi, pereżempju jkun żgurat li l-munita nazzjonali tkun irtirata malajr, li l-prezzijiet ta’ l-oġġetti jiġu konvertiti u murija b’mod xieraq, u li l-persuni jinżammu informati sew. Dawn il-preprazzjonijiet kollha jistrieħu fuq ix-‘xenarju tal-bidla’ partikolari li jadotta pajjiż kandidat taż-żona ta’ l-euro. Meta l-euro ġiet imnedija għall-ewwel darba inkisbet esperjenza sinifikanti, li hija ta’ benefiċċju llum għall-pajjiżi kandidati taż-żona ta’ l-euro. Il-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari, toffri ħafna għajnuna u pariri lill-pajjiżi kandidati taż-żona ta’ l-euro.

Il-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju (ERM II)

Uħud mill-pajjiżi li mhumiex fiż-żona ta’ l-euro diġà huma membri tal-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju (ERM II). L-ERM II hija sistema mfassla biex tevita varjazzjonijiet eċċessivi fir-rata tal-kambju bejn il-muniti parteċipanti u l-euro li jistgħu jfixklu l-istabbiltà ekonomika fis-suq uniku. Il-parteċipazzjoni hija volontarja, imma hija wkoll wieħed mill-‘kriterji ta’ konverġenza’ – il-pajjiżi kandidati taż-żona ta’ l-euro jridu jipparteċipaw, mingħajr tensjonijiet serji, għal mill-inqas sentejn qabel ma jikkwalifikaw biex jadottaw l-euro.