Mogħdija tan-navigazzjoni

Il-Konverġenza

Ir-Rapporti dwar il-Konverġenza jeżaminaw jekk l-Istati Membri jissodisfawx il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika. It-Trattat tal-KE jirrikjedi li l-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew joħorġu dawn ir-rapporti mill-inqas darba kull sentejn jew inkella fuq talba ta’ Stat Membru ta’ l-UE li jkun jixtieq jissieħeb fiż-żona ta’ l-euro.

Il-kondizzjonijiet li jridu jissodisfaw l-Istati Membri, u li għalhekk jiġu ezaminati fir-Rapporti, huma:

  • il-kriterji ta’ konverġenza (stabbiltà fil-prezzijiet, finanzi pubbliċi sodi, stabbiltà fir-rata tal-kambju u konverġenza fir-rati ta’ imgħax fit-tul).
  • kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma’ l-‘acquis’ (leġiżlazzjoni eżistenti ta’ l-UE) fir-rigward tal-bank ċentrali nazzjonali, notevolment l-indipendenza tiegħu u dik tal-membri tal-korpi tiegħu responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet, l-għanijiet tiegħu, u l-integrazzjoni tiegħu fis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali.

It-Trattat tal-KE (Artikolu 122(2)) jistabbilixxi li darba kull sentejn, jew fuq talba ta’ Stat Membru b’deroga (jiġifieri li mhuwiex parti miż-żona ta’ l-euro), il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jirrapportaw lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar dwar il-konverġenza.

Fil-preżent, hemm 11-il Stat Membru ta’ l-UE li ma jagħmlux parti miż-żona ta’ l-euro – Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, l-Iżvezja u r-Renju Unit.

Id-Danimarka u r-Renju Unit innegozjaw arranġamenti biex ma jiġux inklużi (opt out) u għalhekk mhux se jkunu s-suġġett ta’ valutazzjoni tal-konverġenza sakemm huma jitolbuha.

Ir-Rapporti ta’ Konverġenza ilhom isiru mill-1996. Ir-rapporti ta’ l-1998 mill-Kummissjoni u l-Istitut Monetarju Ewropew (il-prekursur tal-Bank Ċentrali Ewropew) ifformaw il-bażi għad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta’ l-euro fil-ħdax-il Stat Membru.

Fl-2000, il-Kummissjoni u l-ECB ħejjew rapporti dwar l-Iżvezja u l-Greċja (din ta’ l-aħħar kienet bagħtet talba għal valutazzjoni tal-konverġenza) li kkonkludew li l-Greċja ssodisfat il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika. Għalhekk il-Kunsill iddeċieda li, fuq il-bażi ta’ dan, l-euro jkun introdott fil-Greċja f’Jannar 2001.

Fl-2002, il-valutazzjoni tal-konverġenza kienet tkopri biss l-Iżvezja u kkonkludiet li l-Iżvezja ma kinitx tissodisfa l-kondizzjonijiet.

L-għaxar pajjiżi li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 kienu ġew evalwati għall-ewwel darba f’Ottubru 2004. Għalkemm fl-2004 il-perjodu massimu ta’ sentejn imsemmi fit-Trattat għal dawn il-pajjiżi ma kienx għadu skada, ir-rivalutazzjoni obbligatorja ta’ l-Iżvezja ttieħdet bħala opportunità sabiex ikun analizzat ukoll l-istat ta’ konverġenza fl-Istati Membri ġodda. Ir-rapport ikkonkluda li l-ebda wieħed mill-11-il pajjiż li kienu evalwati f’dak l-istadju ma kien jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika.

Fl-2006 kien hemm żewġ settijiet ta’ valutazzjonijiet tal-konverġenza. Fuq talba tagħhom stess, fir-rapporti ta’ konverġenza maħruġin f’Mejju 2006 kien sar eżami jekk il-Litwanja u l-Islovenja humiex lesti għall-adozzjoni. Filwaqt li l-Islovenja kienet meqjusa li tissodisfa l-kriterji ta’ konverġenza kollha u lesta biex tadotta l-euro f’Jannar 2007, ir-rapport fuq il-Litwanja ssuġġerixxa li ma kellu jkun hemm l-ebda tibdil fl-istatus tagħha bħala Stat Membru b’deroga. Id-disa’ pajjiżi l-oħra (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovakja u l-Iżvezja) kienu evalwati f’Diċembru 2006. Għalkemm ir-rapport wera li kien sar progress fil-konverġenza ta’ diversi pajjiżi, l-ebda wieħed minnhom ma kien meqjus li jissodisfa l-kondizzjonijiet għall-adozzjoni tal-munita unika.

Billi Ċipru u Malta kienu qed jimmiraw li jadottaw l-euro fl-2008, huma bagħtu talbiet biex jerġgħu jkunu eżaminati fir-rebbiegha ta’ l-2007. Ir-rapporti ta’ konverġenza maħruġin mill-Kummissjoni u l-BĊE f’Mejju 2007 ikkonkludew li kemm Ċipru kif ukoll Malta kienu ssodisfaw il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-munita unika. Konsegwentement, il-Kunsill iddeċieda li l-euro kellha tiddaħħal fiż-żewġ pajjiżi fl-1 ta’ Jannar 2008.

Il-valutazzjoni tal-konverġenza regolari li jmiss, li tkopri l-Istati Membri kollha b’deroga, għandha issir fl-2008. .

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata 
  • Ċekken it-test 
  • Kabbar it-test