Mogħdija tan-navigazzjoni

Databases u indikaturi ekonomiċi

Ir-rwol prinċipali tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (DĠ ECFIN) huwa li jinkoraġġixxi s-suċċess ta’ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Għal dan il-għan, huwa jwettaq firxa wiesgħa ta’ xogħol analitiku makroenomiku li għalih huma meħtieġa indikaturi statistiċi ekonomiċi adattati u ta’ kwalità għolja.

Il-biċċa l-kbira ta’ dan ix-xogħol analitiku hija data uffiċjali ppubblikata pprovduta mill-Eurostat, l-Uffiċċju ta’ l-Istatistika ta’ l-Unjoni Ewropea, b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istituti ta’ l-Istatistika Nazzjonali ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE, għalkemm għal statistiċi monetarji u finanzjarji huwa l-Bank Ċentrali Ewropew, flimkien mas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali, li huwa fornitur importanti. Għall-pajjiżi terzi, l-istatistiċi jiġu pprovduti minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti, l-IMF u l-OECD.

Il-filtrazzjoni u t-tfassil ta’ data rilevanti għax-xogħol tad-DĠ ECFIN

Essenzjalment, id-DĠ ECFIN huwa utent primarju u mhux produttur ta’ statistiċi makroekonomiċi. Imma l-abbundanza ta’ statistiċi uffiċjali disponibbli jfisser li d-data li hija rilevanti għax-xogħol tad-DĠ ECFIN trid tkun magħżula, organizzata, mibdula u adattata skond il-biċċa xogħol li trid titwettaq. Dan il-proċess ta’ filtrazzjoni u ta’ tfassil ta’ l-istatistiċi rriżulta fil-ħolqien ta’ numru ta’ databases statistiċi u numru sostanzjali ta’ dokumenti statistiċi għall-użu intern tad-DĠ ECFIN. Dawn saru għodda tax-xogħol indispensabbli.

Peress illi l-analiżi u r-rapporti tad-DĠ ECFIN huma ta’ interess pubbliku, bħala regola huma jiġu ppubblikati fuq il-websajt. Il-politika tad-DĠ ECFIN fir-rigward tad-data statistika kkonċernata li tkun użata għalihom hija li l-prodotti statistiċi l-iktar importanti li jiġu wżati jkunu aċċessibbli għall-pubbliku, li b’dan il-mod ikun jista’ jara l-bażijiet statistiċi wżati u jivverifika n-numri; dan jinkoraġġixxi wkoll il-komunikazzjoni bejn id-DĠ ECFIN u l-qarrejja u l-utenti tal-pubblikazzjonijiet tiegħu.

Deskrizzjoni fil-qosor tal-prodotti

Fost l-indikaturi statistiċi ppreżentati hemm l-AMECO, database li fiha data prinċipali annwali tal-kontijiet nazzjonali li tmur lura għall-1960.

Anness statistiku komprensiv u diversi dokumenti statistiċi dwar data governattiva ġenerali, inklużi bilanċi tal-baġit aġġustati ċiklikament, jinħarġu minn din id-database u jiġu ppreżentati separatament.

Imbagħad hemm il-BACH, database li fiha data aggregata tal-karta tal-bilanċ ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji, biex jikkomplementaw id-data tal-kontijiet nazzjonali uffiċjali għas-settur tal-kumpaniji.

L-indikaturi tal-Kompetittività fil-Prezzijiet u l-Ispejjeż wasslu għal rati tal-kambju reali bbażati fuq indikaturi tal-prezzijiet u l-ispejjeż għal firxa wiesgħa ta’ pajjiżi u gruppi ta’ pajjiżi.

Oqsma oħra jinkludu indikaturi (pereżempju Indikaturi prinċipali għaż-Żona Ewro, Projezzjoni ta' tkabbir fil-PGD għaż-Żona Ewro, Indiċi tal-Kondizzjonijiet Monetarji, Ħarsa kull tliet xhur lejn l-Ekonomiji tal-Pajjiżi Kandidati) u databases dwar riformi tal-politika (pereżempju ir-Riformi dwar is-Suq tax-Xogħol u r-Riformi Makroenomiċi) li jirriżultaw mix-xogħol analitiku tad-DĠ ECFIN.

Safejn jikkonċernaw l-indikaturi strutturali, tingħata deskrizzjoni fil-qosor kemm tad-database kif ukoll ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona mġedda (Inizjattiva tat-Tkabbir Eknomiku u l-Impjiegi) inkluża l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress ta’ l-Istati Membri bir-riforma. Id-DĠ ECFIN jimmaniġġa wkoll netwerk ta’ istituti nazzjonali sabiex imexxi programm armonizzat ta’ l-UE ta’ stħarriġ dwar ix-xejriet tan-negozju u tal-konsumatur.

Dan huwa l-uniku qasam li tiegħu id-DĠ ECFIN huwa kemm l-utent kif ukoll il-fornitur tad-data.

Sistema ta’ aġġornar

Ġeneralment, l-aġġornar jiddependi mid-disponibbiltà ta’ data friska, imma f’diversi każi jsegwu l-iskeda ta’ żmien tal-proċeduri tax-xogħol interni tad-DĠ ECFIN. Dan japplika b’mod partikolari għad-databases ta’ l-AMECO u data governattiva relatata, fejn id-database tiġi aġġornata darbtejn fis-sena, wara l-eżerċizzji ta’ tbassir tar-rebbiegħa (kmieni f’Mejju) u tal-ħarifa (kmieni f’Novembru) u jitpoġġew fuq il-websajt flimkien mad-data tat-tbassir ekonomiku l-ġdid. Bejn iż-żewġ eżerċizzji ta’ tbassir id-data ma titbiddilx.

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata 
  • Ċekken it-test 
  • Kabbar it-test