Mogħdija tan-navigazzjoni

Ċipru u Malta: merħba fiż-żona ta’ l-ewro!

Wara l-bidla għall-ewro b’suċċess tas-Slovenja fl-1 ta’ Jannar 2007, Malta u Ċipru se jsegwu fl-1 ta’ Jannar 2008, biex il-membri fiż-żona ta’ l-ewro jsiru 15-il pajjiż ta’ l-UE b’popolazzjoni ta’ madwar 320 miljun.

Bħala gżejjer żgħar, Malta u Ċipru għandhom ekonomiji simili: it-tnejn li huma għandhom riżorsi naturali limitati, u għalhekk jistrieħu ferm fuq l-importazzjoni – partikolarment -tal-prodotti u ta’ l-enerġija. Minħabba f’hekk huma aktar vulnerabbli għal piżijiet esterni, bħalma huma ż-żidiet f’daqqa fil-prezzijiet taż-żejt. Madanakollu, matul id-disgħinijiet u fil-bidu ta' dan id-deċennju, Malta u Ċipru esperjenzaw tkabbir ekonomiku sinifikanti. L-adeżjoni tagħhom ma’ l-UE f’Mejju 2004 u maż-żona ta’ l-ewro f’Jannar 2008 huwa l-mod loġiku biex jankraw l-istabilità ekonomika tagħhom.

Żieda fit-tkabbir, tnaqqis fl-iżbilanċ


Il-bini magħruf bħala l-"Berlaymont" fi BrussellMill-adeżjoni tagħhom ma’ l-UE, Malta u Ċipru daħlu għal aġġustament fiskali straordinarju biex jilħqu qagħda ‘soda’ u 'sostenibbli’ fil-finanzi pubbliċi tagħhom kif meħtieġ mill-kriterji ta’ konverġenza ta’ Maastricht. Bejn l-2003 u l-2006, l-iżbilanċ tal-baġit naqas minn 6.3% tal-PGD għal 1.5% f’Ċipru, u minn 10% għal 2.6% f’Malta. -U minkejja li x-xejra fis-snin ta’ qabel l-adeżjoni ma’ l-UE involviet żidiet fid-dejn pubbliku, mill-2004 ‘l hawn iż-żewġ pajjiżi naqqsu d-dejn pubbliku tagħhom b’mod sinifikanti.

Il-kriterji ta’ l-inflazzjoni u tar-rati ta' l-imgħax ukoll intlaħqu. F’Marzu 2007 ir-rata medja ta’ l-inflazzjoni tat-12-il xahar preċedenti kienet ta’ 2.0% f’Ċipru u ta' 2.2% f’Malta, it-tnejn li huma inqas mill-valur ta’ referenza ta’ 3%. Ir-rati ta’ l-imgħax fit-tul ukoll naqsu fl-aħħar snin, għal 4.2% (Ċipru) u 4.3% (Malta) f’Marzu 2007, inqas mill-valur ta' referenza ta’ 6.4%.

Il-pound Ċiprijotta (CYP) u l-lira Maltija (MTL) ħadu sehem fil-Mekkaniżmu tar-Rata tal-Kambju (ERM II) mit-2 ta’ Mejju 2005, u b’hekk laħqu l-kriterji dwar l-istabilità tar-rata tal-kambju.

Dan il-proċess ta’ konverġenza ekonomika laħaq il-qofol tiegħu fid-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-ECOFIN fl-10 ta’ Lulju 2007, tliet snin biss wara li Ċipru u Malta ssieħbu ma’ l-UE, li ż-żewġ pajjiżi ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jissieħbu fiż-żona ta’ l-ewro mill-1 ta’ Jannar 2008. Il-ministri tal-finanzi ta' l-UE ffissaw ukoll ir-rata tal-kambju għall-adozzjoni tal-valuta unika. CYP 0.585274 u MTL 0.429300 għal kull ewro.

Aktar benefiċċji fil-ġejjieni


L-ewro se jkompli jġib miegħu tkabbir u stabilità fiż-żewġ stati-gżejjer. Se tgħin biex tinżamm l-istabilità tal-prezzijiet u se ġġib magħha l-benefiċċju tar-rati ta’ l-imgħax storikament baxxi taż-żona ta’ l-ewro. Se tnaqqas ukoll l-ispejjeż għal min jivvjaġġa, vantaġġ kbir għal Malta u għal Ċipru li t-tnejn huma destinazzjonijiet turistiċi importanti. It-tneħħija ta' l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u tar-riskji tar-rata tal-kambju se jagħtu spinta lill-kummerċ, u dan se jkun ta' benefiċċju kbir għal dawn iż-żewġ ekonomiji li jiddependu tant mill-importazzjoni u l-esportazzjoni, u li issa se jkunu jistgħu jieħdu l-benefiċċji kollha tas-suq uniku.


Għażla nazzjonali


Il-gvern ta’ Ċipru approva d-disinji għan-naħat nazzjonali tal-muniti ta’ l-ewro fit-22 ta’ Ġunju 2006, magħżula wara kompetizzjoni miftuħa u stampati fiz-zekka Finlandiża wara sejħa għall-offerti. Id-disinji juru tliet simboli nazzjonali – il-muflun, il-bastiment ta’ Kyrenia u l-idolu preistoriku ta’ Pomos


>>Ara n-naħa nazzjonali tal-muniti ta' l-ewro ta' Ċipru

Fit-13 ta’ Ottubru 2006, il-Bank Ċentrali ta’ Malta ppubblika t-tliet disinji rebbieħa tan-naħat nazzjonali tal-muniti ta’ l-ewro, wara konsultazzjoni pubblika estensiva permezz ta’ l-SMS. Il-kuntratt ta' l-istampar ingħata lill-Monnaie de Paris, iz-zekka Franċiża. Id-disinji huma bbażati fuq simboli nazzjonali – is-salib ta’ Malta, l-istemma araldika ta’ Malta u t-tempju preistoriku ta’ l-Imnajdra.


>>Ara n-naħa nazzjonali tal-muniti ta’ l-ewro ta’ Malta


Lesti għall-big bang

L-arloġġ li juri kemm għad fadal biex jidħol l-ewro, il-Belt Valletta
Għall-kuntrarju ta’ l-‘ewwel mewġa’ ta’ membri taż-żona ta’ l-Ewro, Ċipru u Malta se jdaħħlu l-karti u l-muniti ta’ l-ewro fiċ-ċirkolazzjoni fl-istess jum li l-ewro jsir il-valuta uffiċjali tal-pajjiż. Madanakollu, il-pound Ċiprijotta u l-lira Maltija xorta jistgħu jintużaw fi ħlasijiet kontanti flimkien ma’ l-ewro sal-31 ta’ Jannar 2008 – u xorta se jkun possibbli li jinbidlu għall-ewro b’xejn wara din id-data:

  • Ċipru: il-bdil se jkun possibbli f’banek kummerċjali sat-30 ta’ Ġunju, għal ammonti li jistgħu jitilgħu sa CYP 1000 għal kull klijent u għal kull tranżazzjoni (karti tal-flus), u sa CYP 50 (muniti), u fil-Bank Ċentrali ta’ Ċipru sal-31 ta’ Diċembru 2009 (muniti) u sal-31 ta’ Diċembru 2017 (karti tal-flus).
  • Malta: il-bdil se jkun possibbli f’banek kummerċjali sal-31 ta’ Marzu 2008 (b’limitu ta’ MTL 250 għal min mhux klijent), u fil-Bank Ċentrali ta’ Malta sa l-1 ta’ Frar 2010 (muniti) u l-1 ta’ Frar 2018 (karti tal-flus).


Rapport tal-Kummissjoni dwar il-qagħda tat-tħejjijiet prattiċi, li ġie ppubblikat f’Novembru 2007 juri li Ċipru u Malta huma avvanzati ferm fit-tħejjijiet tagħhom biex jadottaw l-ewro u għamlu sforzi sinifikanti fl-aħħar ftit xhur billi tejbu l-komunikazzjoni u taw bidu għal operazzjoni kbira ta’ forniment tal-kontanti.

Ċipru għandu quddiemu sfida ta’ loġistika minħabba li fuq il-gżira joperaw madwar 335 istituzzjoni ta’ kreditu b’madwar 940 fergħa. Il-forniment ta’ kontanti ta' l-ewro lill-banek kummerċjali (frontloading) beda fit-22 ta’ Ottubru 2007 għall-muniti u fid-19 ta’ Novembru għall-karti tal-flus. Min-naħa tagħhom, il-banek qed jipprovdu l-kontanti ta' l-ewro lis-settur tan-negozju, partikolarment lill-bejjiegħa bl-imnut (sub-frontloading) biex dawn ikunu jistgħu jagħtu l-bqija bl-ewro biss minn jum l-€. Settijiet ippakkjati ta’ muniti ta’ l-ewro għan-negozjanti (starter-kits) u mini-kits għall-pubbliku ġenerali kienu disponibbli wkoll mit-3 ta' Diċembru 2007. Minn Novembru 2007, xi banek kienu qed jibdlu wkoll il-pounds Ċiprijotti f'ewro mingħajr ħlas.

F’jum l-€, mill-inqas 70% tal-550 ATM f’Ċipru – inklużi l-magni f’postijiet ċentrali – huma mistennija li jagħtu biss karti tal-flus ta’ l-ewro sas-1.00, u kollha kemm huma sa nofsinhar ta’ l-istess jum. Se jagħtu biss karti tal-flus ta’ l-€10 u ta’ l-€20 għall-bidu, biex il-ħwienet ikunu jistgħu jagħtu l-bqija f’ewro biss. Fl-1 ta’ Jannar, vaganza pubblika, ċerti fergħat tal-banek se jkunu miftuħa eċċezzjonalment, biex jippermettu lin-nies jibdlu l-kontanti.

Malta għandha struttura tas-settur finanzjarju pjuttost aktar konċentrata, b’żewġ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jżommu 90% tal-kontijiet kollha tal-bank, u fil-biċċa l-kbira għadha soċjetà bbażata fuq il-kontanti. L-awtoritajiet Maltin ħadu għadd ta’ inizjattivi biex jikkonvinċu liċ-ċittadini jiddepożitaw il-kontanti fil-banek qabel jum l-€ minflok ma jaħżnuhom, fosthom kampanja intensiva fuq il-mezzi tax-xandir u regolament ta’ ‘amnestija’ li permezz tiegħu, dħul mhux iddikjarat seta’ jiġi rreġistrat sa tmiem Lulju 2007.

Il-bejgħ ta’ l-istarter kits It-tħejjijiet prattiċi f’Malta bdew kmieni, fl-2006, u intensifikaw wara s-sajf ta’ l-2007 permezz tat-tnedija ta’ kampanja ġdida ta’ komunikazzjoni, u l-bidu ta’ l-operazzjonijiet ta’ frontloading (f'nofs Settembru) u ta’ sub-frontloading (fil-bidu ta’ Diċembru). L-istarter-kits għan-negozjanti u l-mini-kits għaċ-ċittadini wkoll kienu disponibbli mill-10 ta’ Diċembru 2007.

F’Malta, 60% tal-154 ATM fuq il-gżira – għallinqas waħda f’kull lokalità ewlenija - huma mistennija li jkunu qed jagħtu l-karti tal-flus ta’ l-ewro minn 00.00 f’jum l-€. Sa nofsinhar, din iċ-ċifra tkun telgħet għal madwar 90% u sa l-16.00 għal 100%.


Nibnu l-kunfidenza tal-konsumaturi


Minkejja li l-appoġġ għall-ewro kien qed jiżdied matul l-aħħar sena f’Ċipru u f'Malta, l-aħħar stħarriġ li għamlet il-Kummissjoni juri li ħafna għadhom jibżgħu mill-qerq u minn żidiet mhux f’lokhom fil-prezzijiet matul il-bidla (74% taċ-Ċiprijotti u 65% tal-Maltin).

Biex jindirizzaw dawn il-biżgħat u jevitaw l-abbużi fil-prezzijiet, Ċipru u Malta ħadu għadd ta’ passi:

F’Ċipru, madwar 7,130 kumpanija abbonaw għall-Kodiċi ta' Pprezzar Ġust, li tnieda mill-awtoritajiet f'Lulju li għadda. Ħames Osservatorji ta’ l-Ewro u 90 assistent ta' l-ewro ġew stabbiliti biex jissorveljaw il-wiri doppju tal-prezzijiet - mandatorju mill-1 ta' Settembru 2007 sat-30 ta' Settembru 2008 – u r-rispett tal-Kodiċi ta’ Pprezzar Ġust, kif ukoll biex jgħinu lin-negozji u lill-konsumaturi.


Il-logo ta’ l-inizjattiva FAIRL-iskema ta’ pprezzar ġust ta’ Malta, l-inizjattiva FAIR, ilha stabbilita minn Jannar 2007 u issa tinvolvi 80% tal-punti tal-bejgħ bl-imnut kollha. Din tipprevedi multi amministrattivi għal dawk kollha li jonqsu milli jirrispettaw l-impenn tagħhom li japplikaw il-wiri doppju korrett tal-prezzijiet – mandatorju mill-11 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008 – u ma jisfruttawx il-bidla biex jagħmlu profitti inġusti. Osservatorju ta’ l-Ewro jikkoordina l-inizjattiva FAIR u jipprovdi appoġġ lill-qasam tal-bejgħ bl-imnut permezz tas-70 assistent ta’ l-ewro tiegħu.

Miżuri oħra huma l-inizjattiva tas-sorveljanza tal-prezzijiet ‘PriceWatch’, li tikkonsisti fil-monitoraġġ regolari tal-prezzijiet ta’ 400 prodott mixtrijin ħafna, Ftehimiet ta’ Stabilità tal-Prezzijiet ma’ l-importaturi, id-distributuri u l-manifatturi biex ‘jiffriżaw' il-prezzijiet ta' oġġetti tal-konsumaturi li jinbiegħu ħafna bejn Ottubru 2007 u Marzu 2008, u eżerċizzji anonimi ta' 'xiri misterjuż'.

infoclip>> Vidjo informattiv dwar it-tħejjijiet għall-ewro f’Ċipru
infoclip>> Vidjo informattiv dwar it-tħejjijiet għall-ewro f’Malta

Il-Komunikazzjoni matul il-mixja lejn l-ewro

Kartellun li juri lil Eleni Artimata, -kampjunessa tal-ġiri Ċiprijotta
F’Ċipru, minn Awwissu 2007 l-istrateġija ta’ komunikazzjoni tal-gvern iffokat fuq dawk li għadhom xettiċi dwar l-ewro, bi preżenza enormi fil-mezzi tax-xandir u fl-istampa taħt is-slogan ‘L-ewro: f'idejk’. Fil-ħarifa, erba’ ‘eurobuses’ daru mal-gżira biex jagħtu tagħrif u jitwieġbu l-mistoqsijiet, l-aktar fiż-żoni rurali. Barra minn hekk, ftit qabel il-Milied tnedew żewġ kampanji ġodda li jinvolvu ċ-ċelebritajiet Ċiprijotti ta’ l-isports Olimpiċi u l-leġġenda minn żmien il-qedem dwar Ewropa u l-barri.

>> Ara l-kartellun 'Ewropa u Taurus'jpeg(173 kB)
>> Ara l-kampanja pubbliċitarja biċ-ċelebritajiet ta’ l-Isportpdf

video>> Ara l-ispot televiżiv biċ-ċelebritajiet ta’ l-Isportavi


F’Malta fl-2006 diġà kienet ġiet adottata strateġija ta’ komunikazzjoni żviluppata, li ffokat b’mod partikolari fuq il-gruppi vulnerabbli u n-nisa tad-dar. F’Settembru 2007, il-Kumitat Nazzjonali tal-Bidla għall-Ewro (NECC) reġa' ta ħajja mill-ġdid lill-kampanja taħt is-slogan 'L-ewro, flusna - Insaħħu 'l Malta fl-Ewropa'. Fil-biċċa l-kbira kampanja televiżiva u fl-istampa, din tinkorpora wkoll temi speċjali ta’ l-ewro f’waħda mill-aktar kummiedji televiżivi popolari f’Malta. Minn Mejju 2007, il-gazzetta ta’ kull xahar 'L-ewro fuq l-għatba’ tqassmet ukoll fid-djar Maltin kollha.

>> ‘L-ewro fuq l-għatba'

>> Ara l-kampanja pubbliċitarja dwar l-istabilità tal-prezzijietjpeg(365 kB)

Ġiet stabbilita skema ta’ 'kaskati' ta' komunikazzjonijiet biex tħeġġeġ liċ-ċittadini, speċjalment lill-anzjani, biex isiru ambaxxaturi ta’ l-ewro fil-komunitajiet tagħhom. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-Knisja ilhom involuti fil-kampanja permezz taċ-ċentri ta’ informazzjoni dwar l-ewro li ilhom miftuħa fl-irħula u l-ibliet kollha mill-1 ta’ Diċembru 2007.

Il-Kummissjoni appoġġat l-isforzi ta’ komunikazzjoni fiż-żewġ pajjiżi, l-ewwelnett permezz ta’ ftheim ta’ sħubija ma’ Ċipru u Malta fil-5 ta’ Mejju 2006, li taħtu tipprovdi direttament għajnuna finanzjarja u teknika, u t-tieninett billi organizzat programmi ta’ ġemellaġġ għat-trasferiment ta’ għarfien prattiku u ta' l-aqwa prassi dwar il-bidla għall-ewro. Ċipru ġie msieħeb mal-Greċja, u Malta ma' l-Awstrija, u flimkien kellhom skema konġunta ta' ġemellaġġ ma' l-Irlanda.

jpeg(173 kB)

Għodod addizzjonali

  • Verżjoni stampata 
  • Ċekken it-test 
  • Kabbar it-test