Digital Agenda for Europe
A Europe 2020 Initiative

e-Mark U Trust - MT

Article
Int artist jew disinjatur żagħżugħ? Qed infittxu simbolu ġdid għal servizzi onlajn aktar sikuri u affidabbli. Ingħaqad magħna, ibgħat l-idea tiegħek għall-kompetizzjoni tal-“e-Mark U Trust” u l-kreazzjoni tiegħek taf issib ruħha fuq websajts affidabbli madwar l-Ewropa; titlifx din l-opportunità!
Share this

Dwar xiex inhi l-kompetizzjoni tal-“e-Mark U Trust”?

Qed infittxu simbolu frisk ġdid li jgħaddi l-messaġġ lill-utenti tal-internet jekk ikunux jistgħu jafdaw servizz online meta jwettqu xi tranżazzjoni elettronika. Is-simbolu li qed nistednuk tiddisinja jkun ta' xhieda għal servizzi elettroniċi affidabbli kkwalifikati.

Jekk int artist jew disinjatur żagħżugħ, ipparteċipa fil-kompetizzjoni tagħna tal-"e-Mark U Trust" u ibagħtilna l-kreazzjoni tiegħek. Jekk id-disinn tiegħek jirbaħ, tibda tarah fuq ħafna websajts ta’ fornituri ta’ servizzi affidabbli kkwalifikati f’kull wieħed mit-28 pajjiż tal-UE, u bħala rebbieħ tirċievi EUR 5 000!

X'inhuma servizzi elettroniċi affidabbli kkwalifikati?

Jekk tmur tgħix f’pajjiż ieħor biex tistudja, ikollok twettaq għadd ta’ proċeduri amministrattivi meta tasal fil-pajjiż ġdid tiegħek tal-UE. Bis-saħħa tas-servizzi elettroniċi affidabbli kkwalifikati, ma hemm l-ebda ħtieġa li żżur l-uffiċċji tal-gvern lokali jew tal-università tiegħek, għax tista’ tirreġistra mal-awtoritajiet lokali jew għal xi kors onlajn.

Għandek bżonn tiffirma dokument? L-EBDA PROBLEMA, għax tista’ tagħmel dan b’firma elettronika! Għandek bżonn tissottomettih qabel xi skadenza speċifika? L-EBDA PROBLEMA, timbru tal-ħin elettroniku jagħti prova li ġie sottomess fil-ħin! Għandek bżonn irċevuta bħala prova li wasal? L-EBDA PROBLEMA, is-servizz elettroniku rreġistrat ta' konsenja jista’ jipprovdi dan! Liġi ġdida tal-UE dwar is-“Servizzi elettroniċi affidabbli” tfisser li tista’ tuża dawn is-servizzi kollha bejn pajjiż u ieħor. Din tiddistingwi wkoll bejn is-servizzi elettroniċi affidabbli b'livell ta' sigurtà medja u dawk b'livell għoli, li huma magħrufa wkoll bħala “servizzi elettroniċi affidabbli kkwalifikati”.

X’qed infittxu?

Għandna bżonn marka ta’ affidabbiltà (simbolu jew logo) għas-servizzi affidabbli kkwalifikati biex tintuża fuq il-websajts tal-fornituri ta’ servizzi affidabbli kkwalifikati fit-28 pajjiż tal-UE.

Il-marka tal-affidabbiltà se tkun sempliċi, oriġinali u intelliġenti, u trid twassal sens ta’ affidabbiltà u kunfidenza.

Hija tindika li:

  • L-utenti tal-internet jistgħu jagħmlu t-tranżazzjonijiet onlajn tagħhom b’mod sikur, konvenjenti u garantit.
  •  Huma jiġu assigurati li s-servizzi affidabbli li jixtiequ jużaw jikkonformaw mar-regoli tal-UE, u jissodisfaw ċerti rekwiżiti speċifiċi.
  • Il-fornituri ta’ servizzi elettroniċi affidabbli jistgħu jassiguraw lill-konsumaturi li s-servizzi tagħhom huma leġittimi u huma ta’ kwalità rregolata fl-UE kollha.
  • Il-marka tal-affidabbiltà tiżgura li s-servizzi offruti huma kkwalifikati u konformi mar-regoli stabbiliti fir-Regolament eIDAS.

Għaliex din il-kompetizzjoni?

Fl-2016, se tiġi introdotta Marka tal-Affidabbiltà tal-UE ġdida għall-fornituri ta’ servizzi affidabbli kkwalifikati. Din il-Marka tal-Affidabbiltà tal-UE tista' tintuża b'mod volontarju mill-fornituri ta' servizzi affidabbli kkwalifikati stabbiliti fit-28 Stat Membru tal-UE li jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fil-liġi tal-UE msejħa ir-Regolament eIDAS.

F’liema ċirkostanzi se tintuża l-marka tal-affidabbiltà?

Immaġina, pereżempju, li se tiffirma kuntratt ta' EUR 50 000 biex tixtri tagħmir għan-negozju tiegħek. Il-fornitur huwa bbażat 'l bogħod minn fejn togħod inti, u allura tixtieq tiffirma l-kuntratt elettronikament, minflok wiċċ imb wiċċ.

Tmur onlajn biex tfittex fornitur ta’ servizzi affidabbli biex tixtri ċertifikat għal firem elettroniċi. Kif tista’ tkun żgur li s-servizzi tal-fornitur li għażilt huma affidabbli? Il-kuntratt tiegħek jiswa ħafna flus, u min-naħa tiegħek trid tkun ċert li s-servizz li tkun se tixtri jipprovdi livell għoli ta’ sigurtà u huwa legalment rikonoxxut fl-UE.

Issib websajt li tuża l-Marka tal-Affidabbiltà tal-UE u din tagħtik il-kunfidenza li l-firma elettronika tiegħek hija sikura.

Min jista’ jipparteċipa?

L-istudenti tal-arti u d-disinn kollha tal-UE huma mistiedna jippreżentaw l-aktar disinji tagħhom innovattivi għall-kompetizzjoni tal-"e-Mark U Trust". Il-parteċipanti għandhom ikunu reġistrati f’akkademja, università jew kulleġġ f’wieħed mit-28 Stat Membru tal-UE. L-entrati jridu jiġu sottomessi sal-15 ta’ Settembru 2014. Qabel tapplika, agħti titwila lir-regoli tal-kompetizzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet biex tara jekk tikkwalifikax!

Ippreżenta l-idea tiegħek!

Tista’ tissottometti l-proposta tad-disinn tiegħek permezz ta’ din il-websajt bejn it-3 Lulju u l-15 ta’ Settembru 2014 (għal aktar tagħrif mur fuq it-taqsima Issottometti d-disinn tiegħek).

Għaliex għandek tipparteċipa? Li jkollok il-kreazzjoni tiegħek fuq bosta siti tal-internet huwa biss waħda mir-raġunijiet kbar għaliex ta' min tipparteċipa fil-Kompetizzjoni tal-Marka tal-Affidabbiltà tal-UE.  Id-disinn tiegħek se jgħin wkoll biex irawwem l-affidabbiltà tal-internet u s-servizzi onlajn.

U fuq kollox, ir-rebħ tal-kompetizzjoni "e-Mark U Trust" jaf ikun punt ta’ referenza fil-karriera  tiegħek ta' disinjatur.

Il-Premju: Ir-rebbieħ jingħata EUR 5 000 fi flus kontanti! U jekk tiġi t-tieni? Hemm EUR 3 500 għalik! U għat-tielet post? Xorta tirċievi EUR 1 500.

Ir-rebbieħ u ż-żewġ finalisti se jiġu mistiedna għal ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet tal-kompetizzjoni uffiċjali li se ssir fi Brussell matul is-sajf tal-2015.