Mogħdija ta’ navigazzjoni

PAĠNA EWLENIJA
L-oqsma ta' politika
Setturi
Min hu inkarigat?
Il-kompetizzjoni u int
Każijiet
F'din it-taqsima:
Il-kontroll tal-għajnuna mill-istat
Il-leġiżlazzjoni
Każijiet
L-analiżi tad-data u tal-politika
Id-deċiżjonijiet dwar it-taxxa
Il-kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali
L-ilmenti

Il-kontroll tal-Għajnuna mill-Istat

Formola ta' Lment dwar l-Għajnuna mill-Istat

Permezz ta' din il-paġna inti tista' tressaq ilment kontra għajnuna mill-Istat allegatament illegali. Din il-formola hija disponibbli bi 23 lingwa. Jekk jogħġbok uża l-menu li jinżel li jinsab fin-naħa ta' fuq, fuq il-lemin tal-iskrin sabiex taqleb għal lingwa oħra.

X'inhi l-bażi legali?

Ir-"Regolament Proċedurali": Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (li jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999), ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9-29).

Ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004, kif modifikat fost l-oħrajn bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 372/2014 tad-9 ta’ April 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 fir-rigward tal-kalkolu ta’ ċerti limiti ta’ żmien, it-trattament tal-ilmenti, u l-identifikazzjoni u l-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali ĠU L 109, 12.4.2014, p. 14-22.

Kif nista' niddetermina jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat?

L-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li, sakemm it-Trattati ma jipprovdux mod ieħor, kull għajnuna ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti għandha, sa fejn din teffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, titqies inkompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, jeħtieġ li jintlaħqu b’mod kumulattiv il-ħames kundizzjonijiet li ġejjin sabiex miżura tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat:

  1. L-użu tar-riżorsi tal-Istat
  2. Il-vantaġġ ekonomiku
  3. Is-selettività (jiġifieri l-għajnuna tkun tiffavorixxi ċerti impriżi kummerċjali jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti)
  4. L-effett fuq il-kompetizzjoni
  5. L-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

Għal aktar dettalji, tista’ tikkonsulta l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett tal-Għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Min jista' jressaq ilment b'mod validu?

Skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Proċedurali, huma biss il-partijiet interessati li jistgħu jressqu lmenti biex jinformaw lill-Kummissjoni dwar xi għajnuna allegatament illegali jew l-użu ħażin ta' għajnuna. Għal dak il-għan, il-persuni naturali u legali li jressqu lment skont l-Artikoli 12(1) u 24(2) tar-Regolament Proċedurali għandhom juru li huma partijiet interessati fit-tifsira tal-Artikolu 1(h) ta’ dak ir-Regolament. (Ara wkoll l-Artikolu 11a(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni).

L-Artikolu 1(h) tar-Regolament Proċedurali jiddefinixxi partijiet interessati bħala kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta' għajnuna, b'mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ.”

Għaliex huwa obbligatorju li tuża l-formola ta’ lment?

L-Artikolu 24(2) tar-Regolament Proċedurali għamel l-użu ta’ formola ta’ lment obbligatorja. Skont l-Artikolu 11a (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, il-partijiet interessati huma meħtieġa li jimlew kif xieraq il-formola stabbilita fl-Anness IV tiegħu u jipprovdu l-informazzjoni obbligatorja kollha mitluba fiha. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jiffaċilita t-trattament tal-ilmenti billi jiġi żgurat li l-Kummissjoni tirċievi l-informazzjoni rilevanti kollha rigward għajnuna allegatament illegali jew użata ħażin.

Fuq talba motivata minn parti interessata, il-Kummissjoni tista’ teżenta mill-obbligu li tiġi pprovduta parti mill-informazzjoni mitluba mill-formola (l-Artikolu 11a (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni). L-ilmenti għandhom jitressqu b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni (l-Artikolu 11a (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni).

Il-Kummissjoni se titlob lill-ilmentaturi li jkunu ppreżentaw informazzjoni mhux kompluta biex iressqu l-fehmiet tagħhom f’limitu ta’ żmien stabbilit. Fin-nuqqas ta’ tweġiba f’waqtha, l-ilment se jitqies li ġie rtirat.

Kif nista' nibgħat l-ilment tiegħi?
Hemm żewġ modi:
  1. iddawnlowdja l-formola ta' lment u ibgħatha pprintjata bil-posta jew bl-email
  2. imla l-formola online u ibgħatha elettronikament permezz tas-sit web tagħna. Jekk jogħġbok tibgħatx l-ilment bil-posta jew bil-faks jekk diġà bgħattu bl-email jew permezz tal-formola online.

Jekk jogħġbok ibgħat verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment tiegħek, mingħajr sigrieti tan-negozju jew b’informazzjoni kunfidenzjali oħra.

X'jiġri wara li jintbagħat l-ilment?

Inti tirċievi konferma tal-wasla tal-ilment tiegħek fi żmien 15-il ġurnata tax-xogħol. Il-Kummissjoni teżamina l-informazzjoni pprovduta u tinfurmak dwar ir-riżultat mill-aktar fis possibbli (ara t-taqsima 9 dwar l-"ilmenti" tal-Kodiċi tal-Aħjar Prattika għat-tmexxija tal-proċeduri ta' kontroll tal-għajnuna mill-Istat).

Il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment tiegħek tista' tintbagħat lill-Istat Membru għall-kummenti. Inti se tinżamm infurmat dwar l-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Liema dipartiment/servizz se jindirizza l-ilment?

Fi ħdan il-Kummissjoni, l-ilmenti dwar għajnuna mill-Istat jiġu trattati fuq bażi deċentralizzata mid-dipartimenti responsabbli. Għal aktar informazzjoni, ara l-lista ta' kuntatti.

Nista' nressaq każ quddiem qorti nazzjonali?

L-obbligu tal-Istati Membri li jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat ippjanata ("l-obbligu ta' sospensjoni") għandu effett dirett, li jfisser li l-partijiet affettwati mill-għajnuna mill-Istat mogħtija bi ksur tal-obbligu ta' sospensjoni ("għajnuna illegali") jistgħu jressqu azzjoni diretta quddiem il-qrati nazzjonali. Għaldaqstant, il-persuni naturali jew legali li l-interessi tagħhom ġew milquta b'mod ħażin bl-allegata għajnuna illegali jistgħu jmexxu l-kwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali, li jridu jevalwaw il-każ minkejja l-eżistenza ta' xi proċeduri paralleli quddiem il-Kummissjoni. L-azzjonijiet miġjuba quddiem il-qrati nazzjonali jistgħu joffru mezzi importanti ta' rimedju, li jistgħu jwasslu għal rimedju immedjat lill-ilmentatur milqut mill-għajnuna mill-Istat illegali. Ir-rimedji disponibbli quddiem il-qrati nazzjonali jinkludu: il-prevenzjoni tal-ħlas tal-għajnuna illegali; l-irkupru tal-għajnuna illegali (minkejja l-kompatibilità); l-irkupru ta’ imgħaxijiet mill-illegalità; id-danni tal-kompetituri u partijiet terzi oħra; u miżuri proviżorji kontra l-għajnuna illegali.

Madankollu, inti mitlub tinnota li l-Kummissjoni ma tistax tagħti parir dwar il-proċeduri nazzjonali disponibbli f’każijiet individwali. Iktar informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali tista' tinsab f’din il-paġna.


Links relatati

  
lura għall-Paġna ewlenija