Navigation path

Paġna ewlenija
X'inhi l-politika tal-kompetizzjoni?
Għaliex il-politika tal-kompetizzjoni hi importanti għall-konsumaturi?
Il-Kummissjoni kif tapplika l-politika tal-kompetizzjoni?
L-istituzzjonijiet tal-UE u l-politika tal-kompetizzjoni
Kuntatti

Riżultati għall-konsumaturi

Amalgamazzjonijiet

Meta kumpaniji jingħaqdu flimkien, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom jiżguraw li l-bilanċ tas-suq ma jkunx mibdul b'modi li jistgħu jgħawwġu l-kompetizzjoni jew joħolqu pożizzjoni dominanti li tista' tiġi abbużata.

Qabel ma jagħmlu amalgazzjonijiet jew qabel jiffurmaw assoċjazzjonijiet, il-kumpaniji l-kbar għandhom jitolbu l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, u jipprovdu l-informazzjoni li din għandha bżonn biex tasal għal deċiżjoni.

Għaliex l-amalgamazzjonijiet għandhom ikunu approvati fuq livell Ewropew?

Sabiex il-kumpaniji li għandhom kummerċ f'aktar minn pajjiż wieħed tal-UE jkun jista' jkollhom approvazzjoni unika għall-amalgamazzjonijiet tagħhom.

Permezz ta' attivitajiet magħquda, il-kumpaniji jkunu jistgħu jiżviluppaw prodotti ġodda b'mod aktar effiċjenti jew inaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni jew id-distribuzzjoni. Permezz tat-titjib fl-effiċjenza, is-swieq isiru iktar kompetittivi, u l-konsumatur jibbenefikaw minn prodotti aħjar bi prezzijiet iktar ġusti.

Iżda ċerti amalgamazzjonijiet jistgħu inaqqsu l-kompetizzjoni, normalment billi joħolqu jew isaħħu attur dominanti. Dan probabli li jkun ta' dannu għall-konsumaturi permezz ta' prezzijiet ogħla, inqas għażla u inqas innovazzjoni.

Liema amalgamazzjonijiet huma eżaminati mill-Kummissjoni Ewropea?

Kull amalgamazzjoni li toħloq kumpaniji bi dħul annwali globali u Ewropew ogħla minn ċerti limiti stabbiliti minn qabel.

Jekk l-amalgamazzjonijiet ma jilħqux dawn il-limiti, dawn jistgħu jkunu approvati mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali

Ir-regoli japplikaw għall-amalgamazzjonijiet kollha, qiegħed fejn qiegħed l-uffiċju ta' reġistrazzjoni tagħhom, jew il-kwartieri ġenerali, l-attivitajiet jew il-faċilitajiet ta' produzzjoni. Dan għaliex anke amalgamazzjonijiet bejn kumpaniji bbażati barra mill-UE jista' jkollhom effett fuq is-swieq tal-UE jekk il-kumpaniji jagħmlu negozju fihom.

Il-Kummissjoni tista' wkoll teżamina amalgamazzjonijiet li kienu rreferiti minn awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali f'pajjiżi tal-UE. Il-kumpaniji li qegħdin jagħmlu l-amalgamazzjoni jew l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali jistgħu jitolbu li dan isir. F'ċerti ċirkustanzi, il-Kummissjoni tista' wkoll tirreferi każ lil awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali.

F'liema każi jkunu rifjutati jew approvati l-amalgamazzjonijiet?

L-amalgamazzjonijiet huma rrifjutati meta dawn jirrestrinġu b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni fl-UE.

Dan biex in-negozji u l-konsumaturi jkunu protetti minn prezzijiet ogħla jew għażla aktar limitata ta' prodotti jew servizzi. L-amalgamazzjonijiet proposti jistgħu ma jkunux permessi jekk il-partijiet li qegħdin jagħmlu amalgamazzjoni huma kompetituri ewlenin jew jekk l-amalgamazzjoni tnaqqas il-kompetizzjoni fis-suq b'mod sinifikanti billi toħloq jew issaħħaħ attur dominanti.

L-amalgamazzjonijiet huma approvati bla kundizzjoni jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li mhux se jirristriniġu l-kompetizzjoni.

Approvazzjoni kundizzjonata

Il-Kummissjoni Ewropea tista' tagħti approvazzjoni kundizzjonata għal amalgamazzjoni meta l-partijiet involuti jimpenjaw ruħhom li jieħdu azzjoni biex jevitaw li l-amalgamazzjoni tagħhom tgħawweġ il-kompetizzjoni.

Pereżempju, jistgħu jimpenjaw ruħhom li jbigħu parti min-negozju magħqud jew li jagħtu liċenzja tat-teknoloġija lil attur ieħor fis-suq. Jekk il-Kummissjoni tkun sodisfatta li l-impenji iżommu jew iġibu lura l-kompetizzjoni fis-suq, tapprova l-amalgamazzjoni b'kundizzjoni u timmonitorja jekk il-kumpaniji li amalgaw ruħhom wettqux l-impenji tagħhom. Il-Kummissjoni tista' tintervjeni jekk da ma jsirx.


  
ta' qabel lura li jmiss