Navigation path

Paġna ewlenija
X'inhi l-politika tal-kompetizzjoni?
Għaliex il-politika tal-kompetizzjoni hi importanti għall-konsumaturi?
Il-Kummissjoni kif tapplika l-politika tal-kompetizzjoni?
L-istituzzjonijiet tal-UE u l-politika tal-kompetizzjoni
Kuntatti

Riżultati għall-konsumaturi

L-istituzzjonijiet tal-UE u l-politika tal-kompetizzjoni


Parlament Ewropew

Kunsill Ewropew

Kunsill tal-UE

Kummissjoni Ewropea

Qorti Ewropea tal-Ġustizzja
Bank Ċentrali Ewropew

Qorti tal-Awdituri

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Leġiżlazzjoni kurrenti dwar il-kompetizzjoni

Aktar tagħrif dwar il-politika tal-kompetizzjoni



Il-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew hu l-unika istituzzjoni direttament eletta miċ-ċittadini Ewropej. 751 membru tal-Parlament (MPE) huma eletti kull ħames snin u jpoġġu skont il-grupp politiku tagħhom, u mhux skont l-Istat Membru ta' oriġini. Il-proċedura leġiżlattiva tal-Parlament hi maqsuma mal-Kunsill tal-UE għal kważi tliet kwarti tal-politika tal-UE permezz tal-"proċedura ta' kodeċiżjoni". Il-politika tal-kompetizzjoni mhijiex suġġetta għall-proċedura ta' kodeċiżjoni.

Il-kumitati tal-Parlament rilevanti għall-kompetizzjoni

Hemm żewġ kumitati li jittrattaw speċifikament ma' kwistjonijiet dwar il-politika tal-kompetizzjoni u l-benessri tal-konsumaturi:

  • Il-kumitat ECON (affarijiet ekonomiċi u monetarji)(affarijiet ekonomiċi u monetarji)
    L-ambitu tiegħu jinkludi l-politiki ekonomiċi u monetarji tal-Unjoni, u fost l-oħrajn, regoli dwar il-kompetizzjoni u l-appoġġ tal-gvern lin-negozji (għajnuna mill-istat).
  • Il-kumitat IMCO tal-Parlament Ewropew (suq intern u protezzjoni tal-konsumaturi)
    L-ambitu tiegħu jinkludi l-identifikazzjoni u t-tneħħija ta' ostakli potenzjali għat-tħaddim tas-suq uniku tal-UE u l-promozzjoni u l-ħarsien tal-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.

Aktar tagħrif dwar il-Parlament Ewropew

fuq

Il-Kunsill Ewropew

Il-Kunsill Ewropew - samit kull 3 xhur bejn il-mexxejja tal-UE - jiddefinixxi d-direzzjoni politika ġenerali u l-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea, u jipprovdi l-istimolu neċessarju għall-iżvilupp tagħha.

Il-Kunsill Ewropew, flimkien mal-Parlament Ewropew, għandu rwol importanti biex japprova l-Kummissarju għall-Kompetizzjoni nominat mill-gvernijiet nazzjonali u mill-President tal-Kummissjoni.

fuq

Il-Kunsill tal-UE

Flimkien mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill japprova l-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-liġi tal-kompetizzjoni.

Għall-kwistjonijiet tal-kompetizzjoni, il-ministri rilevanti minn kull pajjiż tal-UE jiltaqgħu f'dak li jissejjaħ il-"Kunsill tal-Kompetittività".

Aktar tagħrif dwar il-Kunsill tal-UE

fuq

Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea tiżgura l-applikazzjoni korretta tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni.

Dan jinvolvi l-monitoraġġ u fejn meħtieġ, l-imblukkar ta':

  • ftehimiet antikompetittivi (partikolarment kartelli 'intransiġenti')
  • abbużi minn kumpaniji ta' pożizzjonijiet dominanti fis-suq
  • fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet
  • appoġġ mill-gvern

Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha firxa wiesgħa ta' poteri ta' spezzjoni u infurzar, eż. biex tinvestiga n-negozji, torganizza smigħ u tagħti eżenzjonijiet. Il-gvernijiet ukoll għandhom id-dmir li jinnotifikaw minn qabel kwalunkwe appoġġ pjanat għan-negozji (għajnuna mill-istat).

Madankollu, xi funzjonijiet ta' infurzar tal-Kummissjoni għaddew għand l-Istati Membri fl-2004 skont il-proċess ta' "modernizzazzjoni" (Regolament 1/2003). Dan jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali japplikaw u jinfurzaw l-Artikolu 101 (eks Artikolu 81 TKE) u 102 (eks Artikolu 82 TKE) tat-TFUE.

Fl-implimentazzjoni tal-aspetti kollha tal-poltika tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tqis l-interess tal-konsumaturi.

Għal aktar tagħrif dwar każijiet speċifiċi, il-leġiżlazzjoni kurrenti u aktar, jekk jogħġbok żur il-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni.

Aktar tagħrif dwar il-Kummissjoni Ewropea

fuq

Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja hi l-entità ġudizzjarja ewlenija Ewropea li tiżgura l-interpretazzjoni uniformi u l-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni fl-UE kollha.

Ta' spiss għal għarrieda, matul is-snin, il-bosta sentenzi tal-Qorti kellhom effett sinifikanti fuq il-ħajja ta' kuljum tal-Ewropej, billi għenu fl-istabbiliment ta' kompetizzjoni li tiffunzjona fis-swieq tal-UE li wasslet għażla usa' ta' prodotti u servizzi ta' kwalità għolja bi prezzijiet iktar baxxi.

Il-każijiet tal-kompetizzjoni issa jinstemgħu mill-Qorti Ġenerali tal-UE (li qabel kienet il-"Qorti ta' Prim'Istanza"), u l-appelli jmorru għand il-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-qrati nazzjonali jistgħu (u xi drabi għandhom) jirreferu l-każijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-kjarifika ta' kif għandha tiġi interpretata liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni dwar kwistjoni speċifika.

Aktar tagħrif dwar il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja

Każistika dwar każijiet tal-kompetizzjoni

fuq

Il-Bank Ċentrali Ewropew

Il-Bank Ċentrali Ewropew hu l-bank ċentrali tal-munita unika tal-Ewropa, l-ewro. Il-kompitu ewlieni tiegħu hu li jżomm il-kapaċità tal-akkwist tal-ewro biex tinżamm l-istabilità tal-prezzijiet fiż-żona ewro. Iż-żona ewro tikkonsisti f'16-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea li daħħlu l-ewro mill-1999 'il quddiem.

Il-Bank Ċentrali Ewropew jiġi kkonsultat ta' spiss dwar il-kwistjonijiet kollha tal-kompetizzjoni relatati mas-settur finanzjarju.

Aktar tagħrif dwar il-Bank Ċentrali Ewropew

fuq

Il-Qorti tal-Awdituri

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri timmonitorja l-ġbir adegwat u l-infiq illegali tal-baġit tal-UE (il-flus tal-Ewropej li jħallsu t-taxxi).

Għandha l-awtorità tivverifika multi imposti fuq kumpaniji li nstabu responsabbli għal komportament antikompetittiv f'każijiet miġjuba mill-Kummissjoni.

Il-flus imħallsa f'multi jmorru lura fil-baġit tal-UE.

Aktar tagħrif dwar il-Qorti tal-Awdituri

fuq

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Entità li permezz tagħha t-trejdjunjins, l-assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem u gruppi oħra li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar kwistjonijiet tal-UE, biex jikkontribwixxu fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

Għandu sezzjoni li tittrattat speċifikament mal-politika tal-kompetizzjoni u l-benessri tal-konsumaturi (Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Intern, il-Produzzjoni u l-Konsum)

Aktar tagħrif dwar il-KESE

fuq

Leġiżlazzjoni kurrenti dwar il-kompetizzjoni

Fejn insib il-leġiżlazzjoni fis-seħħ?

fuq

Aktar tagħrif dwar il-politika tal-kompetizzjoni

Konsultazzjonijiet pubbliċi

Biex tgħinha tevalwa d-dannu potenzjali ta' komportament antikompetittiv, il-Kummissjoni Ewropea tilqa' l-kontribuzzjonijiet u l-kummenti mill-partijiet interessati f'każijiet speċifiċi. Għal kull każ individwali, il-gruppi tal-partijiet interessati eliġibbli biex jissottomettu l-kummenti huma identifikati b'mod ċar.

Il-Kummissjoni tikkonsulta wkoll dwar l-inizjattivi ta' politika kollha tagħha.

Ara l-konsultazzjonijiet li għaddejjin

fuq