This site has been archived on 03/11/2014
03/11/2014

Mogħdija tan-navigazzjoni

CV

Profil: Il-Kummissarju Androulla Vassiliou

Androulla Vassiliou hi attwalment il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu, iż-Żgħażagħ u l-Isport.

Qabel, kienet serviet bħala Kummissarju għas-Saħħa, minn Frar tal-2008 sal-aħħar tal-2009.

Is-Sinjura Vassiliou studjat il-liġi u l-affarijiet internazzjonali f'Londra u pprattikat il-liġi f'Ċipru għal 20 sena (1968-1988). Matul dan il-perjodu ħadmet bħala konsulent legali fl-Istandard Chartered Bank u wara, mal-Bank ta' Ċipru.

Qabel il-ħatra tagħha fil-Kummissjoni Ewropea, is-Sinjura Vassiliou kienet involuta b'mod attiv fil-politika f'Ċipru li hu pajjiżha. Hi kienet eletta darbtejn fil-Kamra tar-Rappreżentanti Ċiprijotta – fl-1996 u fl-2001 – bħala r-rappreżentanta tal-Moviment tad-Demokratiċi Magħqudin (affiljat mad-Demokratiċi Liberali Ewropej u mal-Partit ta' Riforma l-ELDR).

Bħala membru tal-parlament Ċiprijott, kienet membru attiv fil-Kumitat għall-Affarijiet Ewropej u rrappreżentat bħala membru alternattiv lill-Parlament Ċiprijott fil-Konvenzjoni dwar il-futur tal-Ewropa.

Androulla Vassiliou kienet attiva fil-qasam tal-affarijiet internazzjonali u fid-drittijiet tal-bniedem bħala l-President tal-Assoċjazzjoni tan-NU ta' Ċipru mill-1978 sal-1992 u bħala l-President tal-Federazzjoni Dinjija tal-Assoċjazzjonijiet tan-NU mill-1991 sal-1995. Hi kienet unanimament eletta President Onorarju tal-Federazzjoni Dinjija fit-tmiem tal-kariga tagħha. Is-Sinjura Vassiliou kienet ukoll il-President tal-Federazzjoni Ċiprijotta tan-Nisa Negozjanti u Professjonisti mill-1996 sal-2000, il-Viċi President tal-ELDR u l-president tan-Netwerk tan-Nisa Liberali Ewropej (2001-2006). Mill-2002 sal-2008 ippresediet f'Ċipru l-Bord tat-Trustees taċ-Ċentru Onkoloġiku ta' Ċipru.

Il-Kummissarju Vassiliou miżżewġa lil Dr. George Vassiliou, l-eks President Ċiprijott u n-Negozjatur Ewlieni għall-adeżjoni ta’ Ċipru fl-UE.

Għandha tliet itfal.

Flimkien mal-Grieg (ilsien pajjiżha) hi taf sew l-Ingliż u għandha għarfien tajjeb tal-Franċiż.

L-aħħar aġġornament: 14/11/2014 |  Fuq