Dan is-sit ġie arkivjat (18/07/2014)
18/07/2014

Mogħdija tan-navigazzjoni

Industrija u Intraprenditorija

Reindustrialisation

L-Ewropa Quddiem Nett f'Rivoluzzjoni Industrijali Ġdida

Aktar industrija tfisser aktar impiegi. F’perjodu ta’ qgħad rekord fl-Ewropa, it-tqegħid tal-industrija fil-qalba tal-politiki Ewropej hu, għalhekk, obbligu li ma nistgħux naħarbu minnu. Il-Kummissjoni Ewropea qed tippromwovi proċess gradwali ta’ industrijalizzazzjoni mill-ġdid għall-Unjoni Ewropea, biex sal-2020 il-piż tal-industrija jerġa’ jitla’ għal 20% tal-PGD tal-UE, mis-16% jew anqas li jinsab fih bħalissa.

Rivoluzzjoni industrijali ġdida qed titħejja u qed tibdel il-mod kif il-produzzjoni u linji tal-immuntar jiġu organizzati. Mudell ġdid ibbażat fuq prodotti industrijali, skont ix-xewqa aktar minn normal tal-klijenti, qed joħroġ fid-deher billi l-klijenti qed isiru dejjem aktar interessati li jixtru oġġetti b’disinji uniċi. Biex wieħed jirkeb din il-mewġa ġdida, l-industrija Ewropea trid tinnova, tipproteġi l-aktar teknoloġiji avvanzati u tkun kemm jista’ jkun qrib il-klijenti tagħha. Dan kollu jagħmel il-produzzjoni offshore f'pajjiżi ’l bogħod, bi spejjeż baxxi (iżda wkoll intensivi b’teknoloġija aktar baxxa) aktar u aktar skaduta u ineffiċjenti.

"L-industrija hi fil-qalba tal-Ewropa u hi indispensabbli biex jinstabu s-soluzzjonijiet għall-isfidi tas-soċjetà tagħna, illum u fil-ġejjieni. L-Ewropa għandha bżonn l-industrija u l-industrija għandha bżonn l-Ewropa. Ma nistgħux inkomplu nħallu l-industrija tagħna titlaq mill-Ewropa. Iċ-ċifri tagħna huma ċari daqs il-kristall: l-industrija Ewropea tista’ ġġib magħha t-tkabbir u toħloq l-impjiegi. Dan hu għaliex adottajna strateġija dettaljata għall-industrijalizzazzjoni mill-ġdid tal-Ewropa.”

Il-futur mhux tant differenti mill-passat glorjuż tagħna meta l-Ewropa kienet quddiem nett fl-ewwel rivoluzzjoni industrijali. Minkejja l-proċess tar-ristrutturar korrenti fi wħud mis-setturi, l-industrija qed tiġi lura lejn l-Ewropa, u l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tappoġġa dan il-proċess bil-mezzi kollha possibbli. Ġiet imfassla strateġija ġdida. Din tinvolvi aċċess aktar faċli għall-fondi, tiffoka fuq l-innovazzjoni u l-edukazzjoni, u fuq it-tneħħija tal-ostakli li fadal li jgħabbu lis-suq intern u ma jħallux il-manifatturi tagħna – speċjalment dawk li huma żgħar – milli jespandu n-negozju tagħhom barra l-UE.

Tingħata attenzjoni speċjali biex jitrawmu ideat ġodda u biex dawn jinġiebu malajr lejn is-suq. L-industrija hi kruċjali għall-innovazzjoni: 80% tal-investiment privat tal-UE fir-riċerka u l-iżvilupp ġej minn dan is-settur. Fl-istess ħin, l-innovazzjoni hi wkoll kruċjali għall-industrija: l-innovazzjoni żżomm l-industrija kompetittiva. L-istrateġija tal-UE, għalhekk, tinkludi fondi ġodda għas-setturi innovattivi, bħas-swieq tal-bijoprodotti u l-grids intelliġenti, li se jgħinu lill-industrija tal-UE sabiex tagħmel qabża kwalitativa fl-innovazzjoni, b’effetti ta’ ġid għal għadd wiesa’ ta’ setturi interkonnessi.

B’mod parallel, l-istrateġija l-ġdida għandha l-għan li ssaħħaħ ir-rabtiet bejn ir-riċerka u n-negozju. L-għan tagħha hu li tisfrutta bis-sħiħ l-aktar ideat brillanti tal-istudenti u r-riċerkaturi tagħna. L-Ewropa hi fuq quddiem nett fid-dinja fl-applikazzjonijiet għal privattivi f’għadd ta’ setturi, iżda dan mhux dejjem jissarraf f’vantaġġ ekonomiku. Il-panelli solari huma eżempju ta’ twissija. Ir-riċerkaturi Ewropej japplikaw għal terz tal-privattivi madwar id-dinja kollha, iżda 13% biss tal-produzzjoni hi fl-Ewropa. Jeħtiġilna ntemmu dawn l-iżbilanċi.

Bit-treġġigħ lura tal-industrija lejn l-Ewropa se jgawdi wkoll l-ambjent, billi aktar linji ta’ produzzjoni se jaqgħu taħt ir-regoli stretti tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra. Ħafna drabi l-offshoring jippermetti lill-kumpaniji jieħdu vantaġġ minn leġiżlazzjonijiet li ftit li xejn jirrispettaw l-ambjent. Tista’ titnaqqas l-ispiża finanzjarja għal żmien qasir, iżda tiżdied il-ħsara fit-tul tal-pjaneta tagħna. L-Ewropa topponi dan il-kompromess kontra l-etika u titlob li jkun hawn treġġigħ lura tal-industrija b’użu effiċjenti u nadif tal-enerġija.

Aktar informazzjoni English (en)

L-aħħar aġġornament: 18/07/2014 |  Fuq