Dan is-sit ġie arkivjat (18/07/2014)
18/07/2014

Mogħdija tan-navigazzjoni

Industrija u Intraprenditorija

It-Tkabbir Ekoloġiku

Opportunitajiet għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi

Issa iktar minn qatt qabel, l-Ewropa teħtieġ sorsi ġodda ta’ tkabbir. Hekk kif il-popolazzjoni globali tiżdied b'aktar minn 70 miljun kull sena, il-konsum tal-oġġetti, u d-domanda għall-enerġija u l-materja prima se jikbru b’mod esponenzjali. Hija meħtieġa tranżizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli, effiċjenti fir-riżorsi u b’użu baxx tal-karbonju. Jeħtieġ li niżguraw li l-politiki industrijali, tal-klima, tal-enerġija, ambjentali u l-politiki l-oħra rilevanti jkunu koerenti u joħolqu l-kondizzjonijiet tajbin għall-innovazzjoni u l-investiment.

Għandna bżonn nisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet kummerċjali li se jinħolqu fit-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli. Is-suq globali għall-ħarsien ambjentali jirrappreżenta wkoll opportunità kbira għall-kumpaniji Ewropej. Bħalissa, is-suq globali għal oġġetti u servizzi ambjentali huwa stmat għal madwar €1000 biljun fis-sena — u dan mistenni jirdoppja jew anki jitrippla sal-2020. F’dinja dejjem aktar limitata fir-riżorsi, huwa ċar li l-użu effiċjenti tar-riżorsi jista’ jagħti vantaġġ kompetittiv lill-kumpaniji kif ukoll lill-pajjiżi. Huwa inkoraġġanti li, fl-Ewropa, diġà nkisbet separazzjoni sinifikanti bejn it-tkabbir ekonomiku u l-impatt ambjentali u dan għadu għaddej. L-istimi tal-iffrankar u d-dħul potenzjali mad-dinja kollha tal-kisba tal-produttività potenzjali tar-riżorsi titla' għal biljuni ta' euro.

"Jista’ jsir ħafna biex il-mod kif nikkunsmaw u nipproduċu fl-Ewropa jsir aktar sostenibbli. Dan jista’ jsir mingħajr spejjeż żejda għall-kumpaniji u l-konsumaturi Ewropej filwaqt li jġib miegħu benefiċċji, jew permezz ta’ ffrankar tal-enerġija u tar-riżorsi naturali jew permezz tat-teħid ta’ opportunitajiet ġodda offruti minn ekonomija 'ħadra'."

Biex insostnu l-għajxien deċenti kif ukoll il-lokalitajiet nodfa, neħtieġu kumpaniji ta' suċċess f'termini ekonomiċi li jiżviluppaw prodotti, proċessi u sistemi mtejba. L-Ewropa diġà tipproduċi xi teknoloġiji u servizzi ambjentali fuq quddiem fid-dinja u għandha madwar terz tas-suq dinji. L-industriji ambjentali ewlenin tagħna — attivi fil-ġestjoni u l-kontroll tat-tniġġis, il-ġbir u t-trattament tal-iskart, l-enerġija rinnovabbli u r-riċiklaġġ — jipprovdu aktar minn 3 miljun impjieg fl-Ewropa.

Jeħtieġ li naġixxu f'żewġ oqsma ewlenin: l-effiċjenza (l-ottimizzazzjoni tal-proċessi) u ċ-ċirkolarità. Dan ifisser l-użu ta' sistema industrijali integrata li tidentifika opportunitajiet ta' negozju li jużaw riżorsi mhux utilizzati biżżejjed: il-materjali, l-enerġija, l-ilma, il-kapaċità, l-għarfien espert, l-assi, eċċ... Jistgħu jinkisbu benefiċċji kbar permezz tal-innovazzjoni fl-effiċjenza fil-proċessi, fid-diżinn tal-prodotti u l-ottimizzazzjoni tal-katina tal-valur.

L-effiċjenza fil-proċessi tista’ tiżgura l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet fit-tul biex titnaqqas l-intensità tal-fjuwils fossili fil-proċessi industrijali, titnaqqas radikalment l-intensità tar-riżorsi tal-manifattura u jiġi eleminat b'mod sostanzjali l-iskart industrijali.

Fil-prodotti hemm inkorporati minjiera ta’ materjal u enerġija. Jekk inħeġġu l-provvista ta’ prodotti aktar effiċjenti fir-riżorsi u d-domanda għalihom, ikun hemm benefiċċji kemm għan-negozji kif ukoll għall-ambjent. Id-Direttiva tal-Ekodisinn tal-Kummissjoni għandha l-potenzjal li jwassal għal iffrankar ta' sa €90 biljun kull sena u miljun impjieg. Għalkemm l-enerġija s'issa kienet ir-riżorsa prinċipali fil-mira s’issa, id-Direttiva qed tħares lejn l-aspetti kollha ambjentali u qed tieħu perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja.

L-oġġetti lesti huma ħafna drabi magħmula minn inputs ta’ diversi negozji jew sottokuntratturi u jekk l-ispeċifikazzjonijiet ikunu inkompatibbli jista' jirriżulta ammont sinifikanti ta' skart. Għalhekk hemm potenzjal kbir fl-ottimizzazzjoni tal-katina tal-valur, ottimizzazzjoni fejn l-industriji jew il-kumpaniji fil-katina tal-valur isibu sinerġiji li jgħinuhom jaħdmu ma’ xulxin.

It-tkabbir ekoloġiku u l-ħolqien ta’ prodotti effiċjenti fl-użu tar-riżorsi jistgħu wkoll jipprovdu lill-kumpaniji tal-UE b'negozju mad-dinja kollha. Il-“Missjoni għal Tkabbir Ekoloġiku” tiegħi tal-2013 għaċ-Ċina, enfasizzat kif in-negozji tal-UE b’għarfien espert żviluppat sew dwar il-prodotti u s-servizzi ekoloġiċi huma mfittxija mill-kumpaniji Ċiniżi.

Il-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed tiġbor l-opinjonijiet tal-partijiet interessati f’konsultazzjoni pubblika dwar il-miżuri ta’ appoġġ l-aktar effettivi biex tgħin lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) biex isiru aktar effiċjenti fir-riżorsi.

Aktar informazzjoni Deutsch (de) English (en) français (fr)

L-aħħar aġġornament: 18/07/2014 |  Fuq