Dan is-sit ġie arkivjat (18/07/2014)
18/07/2014

Mogħdija tan-navigazzjoni

Industrija u Intraprenditorija

Karozzi effiċjenti

Impoġġu l-Ewropa fuq quddiem nett fil-manifattura tal-karozzi

Il-karozzi ġabu rivoluzzjoni industrijali fis-seklu li għadda u taw mobilità individwali veloċi prattikament lil kulħadd. Dawn issa jistgħu jwassluna għal fażi ġdida fl-era industrijali fejn il-mobilità se ssir dejjem aktar faċli u aktar favur l-ambjent. Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem biex tikseb din il-mira ambizzjuża. 

Parti minn strateġija komprensiva li tindirizza l-kriżi li għaddejjin minnha l-manifatturi tal-karozzi Ewropej hi li s-settur isir aktar ekoloġiku. Is-settur tal-karozzi huwa sors ewlien ta’ impjiegi. Aktar minn 12-il miljun impjieg direttament u indirettament jiddependu minnu. Hemm madwar 180 impjant ta' vetturi madwar l-Ewropa b’bejgħ globali ta’ aktar minn €700 biljun.

Madankollu, il-kriżi ekonomika u l-maturazzjoni tas-suq Ewropew laqtu l-industrija b’mod estensiv. Il-produzzjoni u l-bejgħ fl-Ewropa naqsu b’mod kostanti mill-2008 'l hawn. Dan iwassal biex jingħalqu l-fabbriki u jitilfu xogħolhom il-ħaddiema. F’ħafna każijiet il-produtturi tal-karozzi jibqgħalhom il-qligħ biss minħabba l-bejgħ barra l-Ewropa.

"Id-dinja se tiffaċċja żieda formidabbli fid-domanda għall-karozzi fid-deċennji li ġejjin, din tagħmilha essenzjali li jinħolqu mudelli aktar effiċjenti jew mingħajr emissjonijiet. L-istrateġija tal-Kummissjoni tal-UE hi mmirata lejn it-titjib tal-effiċjenza tal-magni 'sħan' użati attwalment, li għandhom jibqgħu jintużaw b'mod aktar wiesa' tal-anqas għaż-żewġ deċennji li ġejjin; filwaqt li fl-istess waqt tipprepara għall-karozzi tal-ġejjieni, dawk b'magni 'kesħin' li għandhom emissjonijiet aktar baxxi u anki magni mingħjar emissjonijiet."

L-aġir tal-Kummissjoni għal din il-kriżi sistematika – bl-implikazzjonijiet tagħha għal għadd ta’ setturi konnessi, inklużi l-azzar, il-kimiki u t-tessuti – hu maqsum fi tliet partijiet.

L-ewwel nett, qed nippruvaw inġeddu l-ekonomija Ewropea, għaliex dan jgħin sabiex tiġġedded id-domanda għal vetturi bil-mutur fl-Ewropa. Żieda fil-bejgħ għandha tillimita l-għeluq tal-fabbriki. Filwaqt li xi għeluq hu inevitabbli, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ għadd ta’ proċeduri u fondi li jgħinu lill-ħaddiema li jingħataw is-sensja biex jiksbu t-taħriġ adatt mill-ġdid biex jidħlu mill-ġdid fis-suq tax-xogħol malajr kemm jista’ jkun.

It-tieni, aħna qed nappoġġaw l-industrija biex tagħżel li tmur għal prodotti ekoloġiċi, li nemmnu li se jissodisfaw aħjar id-domanda tal-konsumaturi li huma aktar konxji tal-ambjent fl-Ewropa, filwaqt li fl-istess ħin titnaqqas il-ħsara għal pjaneta tagħna.

Dan mhux ħolm. Qed nistennew li r-reġistrazzjonijiet globali ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku jiżdiedu b’mod sinifikanti, u li karozzi li ma jniġġsux ikollhom sehem ta’ 7% mis-suq tal-karozzi tal-UE sal-2020. Biex tiffaċilita din il-bidla, il-Kummissjoni qed tinvesti fir-riċerka ta’ karozzi li jniġġsu anqas, filwaqt li l-industrija qed ukoll tagħmel il-parti tagħha biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil tal-magni konvenzjonali u biex toħloq vetturi li jaħdmu bl-elettriku għall-but ta' kulħadd u affidabbli.

Qed titħejja infrastruttura urbana tajba għall-iċċarġjar mill-ġdid tal-karozzi li jaħdmu bl-elettriku u l-Kummissjoni qed tinsisti dwar l-adozzjoni ta’ standards komuni fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Finalment, aħna marbutin li ngħinu l-manifatturi tal-karozzi tagħna jaċċessaw is-swieq barranin, fejn id-domanda għall-karozzi mistennija tirdoppja sal-2020. Is-settur tal-karozzi hu suġġett prominenti ta' diskussjoni fin-negozjati kummerċjali kollha ma’ msieħba internazzjonali.

Aktar informazzjoni

L-aħħar aġġornament: 18/07/2014 |  Fuq