"L-Ewropa għandha bżonn industrija b'saħħitha, diversifikata u kompetittiva"
Il-politika industrijali hija waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Politika ta' suċċess tfisser tkabbir ekonomiku u impjiegi. Twassal ukoll biex l-ekonomija Ewropea żżid il-produzzjoni mingħajr ma' tuża iktar riżorsi u enerġija jew mingħajr ma tipproduċi iktar gassijiet serra.
L-industriji u l-impjiegi kollha huma importanti u m'hemmx għalfejn ikun hemm kompetizzjoni bejn setturi u industriji differenti. Katini tal-valur u industriji iżolati u nazzjonali mhumiex soluzzjonijiet sostenibbli. Il-kriżi tal-industrija tal-karozzi fl-2009 uriet b'mod ċar l-interdipendenza tas-setturi differenti f'pajjiżi differenti.
Mhux biżżejjed li nagħmlu element wieħed mill-katina tal-valur (R&Ż, manifattura eċċ) iktar kompetittiv. Għandha tkun applikata strateġija globali, inkluż pereżempju l-kompetittività tal-infrastrutturi jew ir-regolamentazzjoni finanzjarja b'effett fuq l-aċċess għall-kreditu.
Biex titwassal politika industrijali ġdida u ambizzjuża hemm bżonn governanza aħjar u azzjoni kkordinata fuq il-livell tal-UE. L-implimentazzjoni ta' din il-politika se tkun ta' prijorità kbira għalija matul il-mandat tiegħi.
L-industrija hi ta' importanza kbira
Il-kriżi ekonomika u finanzjarja uriet b'mod ċar kemm hu importanti li l-ekonomiji tagħna jkunu bbażati fuq strutturi industrjali b'saħħithom, diversifikati u kompetittivi:
- il-manifattura tirrapreżenta kwart tal-impjiegi fis-settur privat fl-Ewropa
- servizzi marbutin mal-industrija jirrapreżentaw kwart ieħor
- l-industrija tmexxi t-titjib fl-innovazzjoni u l-produttività
- l-industrija tipprovdi t-teknoloġiji meħtieġa biex ikunu indirizzati t-tibdil fil-klima, il-mobbiltà sostenibbli, il-ġestjoni ta' riżorsi skarsi u l-bidla demografika.
L-Ewropa tista' tagħmel iktar
L-industrija Ewropea għandha kompetittiva fuq livell globali u hi minn ta' quddiem f'għadd ta' swieq. Iżda qed joħorġu atturi ġodda, dinamiċi u kompetittivi bħall-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina. Fl-aħħar mill-aħħar, dan il-proċess qed jitfagħna f'riskju li l-produzzjoni tiċċaqlaq mill-Ewropa lejn dawn il-pajjżi u b'hekk tonqos jew nitilfu kompletament il-kompetittività tagħna.
Minflok inħallu l-industrija titlaq mill-Ewropa, għandna bżonn nimmodernizzawha u nagħmluha iktar ekoloġika. Is-suq uniku Ewropew, 500 miljun konsumatur u 20 miljun intrapriża fihom potezjal enormi.
Kwistjonijiet prinċipali għall-industrija
- L-UE għandha tieħu vantaġġ mill-opportunitajiet fis-swieq internazzjonali ġodda u twieġeb għall-kompetizzjoni globali iktar intensa, inkluż għall-aċċess għall-materja prima
- Is-Suq Uniku għandu rwol prinċipali u joħloq ambjent imprenditorjali u ta' negozju favorevoli, speċjalment għan-negozji ż-żgħar
- It-teknoloġija u l-innovazzjoni huma ta' importanza kbira, b'mod partikolari it-teknoloġiji prinċipali ġodda, l-innovazzjoni interdixxiplinari u l-ICT
- It-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi u t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju
- In-nuqqas ta' ħiliet adegwati fil-forza tax-xogħol u l-ħtieġa tal-ġestjoni tar-ristrutturar.
Il-politika industrijali fl-usa' sens tagħha
Meta nkunu qed niżviluppaw il-politiki industrijali biex nerġgħu inġibu l-ekonomija tal-UE lura lejn it-tkabbir, nistaqsu dawn il-mistoqsijiet:
- Il-politika tnaqqas l-ispejjeż u l-prezzijiet u tippromwovi l-innovazzjoni f'settur speċifiku jew fl-industrija inġenerali?
- Ittejjeb il-kompetittività f'oqsma bħat-trasport, l-enerġija, l-ambjent, il-protezzjoni soċjali u tal-konsumatur, is-suq uniku u l-kummerċ?
- Tikkunsidra l-katina tal-valur kollha, mill-aċċess għall-materja prima sas-servizzi ta' wara l-bejgħ?
Il-Kummissarju Tajani qed jindirizza t-tieni konferenza ta' livell għoli dwar il-kompetittività industrijali - Brussell 2010
Politika industrijali integrata għall-era tal-globalizzazzjoni li tpoġġi l-kompetittività u s-sostenibilità fil-qofol tagħha - COM/2010/0614 finali
Din il-komunikazzjoni tipproponi azzjonijiet ewlenin biex l-industrija Ewropea ssir iktar kompetittiva
- "l-analiżi tal-impatt fuq il-kompetittività" ta' leġiżlazzjoni ġdida
- "kontrolli tal-adegwatezza" tal-leġiżlazzjoni eżistenti biex jitnaqqas l-effett kumulattiv tal-leġiżlazzjoni u jonqsu l-ispejjeż tan-negozji Ewropej
- aċċess aħjar għall-kreditu għan-negozji ż-żgħar biex jgħinhom jespandu barra minn pajjiżhom
- il-promozzjoni tal-istandardizzazzjoni fl-UE biex l-industrija ssir iktar produttiva
- l-aġġornament tas-servizzi u l-infrastruttura tat-trasport, tal-enerġija u tal-komunikazzjoni
- l-iżgurar tal-forniment sostenibbli tal-materja prima
- il-promozzjoni tal-innovazzjoni speċifika għas-settur fit-teknoloġiji tal-manifattura avvanzati, fil-kostruzzjoni, il-bijokarburanti, it-trasport fit-toroq u dak bil-ferrovija
- L-industriji li jaħlu ħafna enerġija jridu jsiru iktar kompetittivi u inqas dipendenti fuq il-prezzijiet tal-enerġija fil-futur
- L-iżvilupp ta' politika industrijali għal prodotti u servizzi Ewropej għall-ispazju li tkopri l-kantina tal-forniment kollha
- Rapporti annwali mill-Kummissjoni dwar il-kompetittività u l-politiki industrijali tal-pajjiżi tal-UE.
Il-kompetittività industrijali u l-istrateġija Ewropa 2020
Il-politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni - MEMO/10/532
Ħarsa ġenerali lejn il-Kompetittività fis-27 Stat Membru – MEMO/10/533
Ir-Rapport dwar il-Kompetittività 2010
L-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklużiv





