"Nosservaw id-dinja biex nagħmluha iktar sikura!"
Mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija.
Il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, iż-żamma tal-bijodiversità, u l-monitoraġġ tal-atmosfera; dawn mhumiex ħlief ftit mill-isfidi li qed niffaċċaw fil-preżent. Biex inwieġbu għal dawn il-kwistjonijiet niddependu minn informazzjoni preċiża mwassla fil-ħin. Hawn jidħol il-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-Dinja (GMES, "Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà).
Il-GMES hu netwerk globali ta' osservazzjoni li jipprovdi detja utli għall-indirizzar ta' firxa ta' kwistjonijiet inklużi t-tibdil fil-klima u s-sigurtà taċ-ċittadini. L-informazzjoni miġbura mwassla mill-GMES se tgħinna ntejbu l-ġestjoni tar-riżorsi naturali, nimmonitorjaw il-kwalità tal-ilmijiet u l-arja, nippjanaw l-ibliet, intejbu ċ-ċirkolazzjoni tat-trasport, nagħmlu l-aħjar użu mill-attivitajiet agrikoli u nippromwovu l-enerġija rinovabbli. Permezz ta' dan il-programm nistgħu nissorveljaw ukoll l-art, il-baħar u l-atmosfera tad-Dinja, li jippermettilna nagħmlu previżjonijiet jew nirreaġixxu fejn meħtieġ. L-għan ġenerali tal-GMES hu li jagħmel il-ħajja taċ-ċittadini iktar sikura.
Reċentement il-GMES kien attiv meta Ħaiti ntlaqat minn terremot, meta n-nirien fil-foresti nfirxu fil-Mediterran, u meta l-għargħar ħalla ħerba f'partijiet tal-Ewropa Ċentrali. Kull xahar, u għal kull waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, l-inizjattiva tal-GMES tal-Ewropa tiġi attivata biex tassisti fi sforzi ta' taffija fuq il-post.

Ritratt: VP Antonio Tajani, President tal-Aġenzija Spazjali Ewropea Jean-Jacques Dordain u astronawti ISS fi Brussell quddiem mappa tal-Atlas Urban
Il-GMES qed juża netwerks u satelliti tal-art, tal-baħar u tal-atmosfera biex josserva l-ambjent u l-fenomeni naturali li jseħħu fuq il-pjaneta. Il-GMES ma jieħux post il-kapaċitajiet Ewropej eżistenti, iżda jikkomplementahom biex jissodisfa l-bżonnijiet tal-utenti u jiggarantixxi s-sostenibbiltà u l-awtonomija Ewropea fit-terminu twil.
Minbarra l-funzjonijiet prinċipali tiegħu li jiżgura s-sikurezza taċ-ċittadini, il-GMES jippreżenta wkoll l-iktar sforz qawwi tal-UE fil-qasam tal-ispazju. It-teknoloġija tal-ispazju hi stimolu għall-innovazzjoni u l-kompetittività għas-servizz taċ-ċittadini. Ir-riċerka f'dan il-qasam tiġġenera l-għarfien fi ħdan wħud mill-impriżi tal-Ewropa l-iktar avvanzati fit-teknoloġija, b'riskju għoli u b'investiment intensiv, biex ir-riċerka fl-ispazju saret element kritiku tal-politika Ewropea tal-industrija u tal-innovazzjoni.
Bit-Trattat ta' Lisbona, l-UE issa taqsam il-kompetenzi mal-Istati Membri dwar il-politika tal-ispazju. Flimkien mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), l-għan tagħna hu li nippromwovu l-progress xjentifiku u tekniku, u l-kompetittività industrijali.

Hu minnu li diġà jeżistu servizzi tal-osservazzjoni tad-Dinja fl-Ewropa, iżda huma mifruxa fil-livell nazzjonali jew reġjonali u ma jistgħux joqgħodu fuq kapaċità ta' osservazzjoni sostenibbli. Bl-eċċezzjoni tas-servizzi meteoroloġiċi, id-disponibbiltà fit-tul u l-affidabbiltà tal-informazzjoni mhijiex garantita. Hu għalhekk li, biex tikkontribwixxi għat-titjib tar-rispons għal sfidi li kull ma' jmur qed jikbru fil-qasam tas-sikurezza globali u tat-tibdil fil-klima, l-Ewropa żviluppat sistema ta' monitoraġġ tad-Dinja sostenibbli u affidabbli.
Aktar tagħrif:




