Kummissjoni Ewropea > NGE > Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura > Spanja

L-aħħar aġġornament: 08-10-2007
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Spanja

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Diversi tipi ta’ termini applikabbli skond id-diversi regoli proċedurali fi kwistjonijiet ċivili. 1.
2. Lista tal-jiem mhux tax-xogħol skond ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971. 2.
3. X’inhuma r-regoli ġenerali applikabbli dwar il-limiti taż-żmien għad-diversi kawżi ċivili regolati mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (il-Liġi 1/2000 tas-7 ta’ Jannar 2000)? 3.
4. Meta att irid jitwettaq jew formalità trid titwettaq f’perjodu partikolari, x’inhuwa ż-żmien tat-tluq – jiġifieri, il-waqt inizjali minn meta jibda għaddej il-perjodu (“terminus a quo”) – ta’ dan l-att jew ta’ din il-formalità? 4.
5. Minn meta jibda għaddej dan il-perjodu? 5.
6. Jekk il-perjodu jiskadi s-Sibt, il-Ħadd jew nhar btala pubblika jew f’jum mhux tax-xogħol, jiġi estiż sa l-ewwel jum tax-xogħol segwenti? Din l-estensjoni tkun applikabbli anki meta l-perjodu in kwistjoni jkollu bħala punt ta’ tluq avveniment futur? 6.
7. Meta t-talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li għandha s-sede tagħha fit-territorju kontinentali ta’ l-Istat Membru (għal dawk li jinkludu entitajiet indipendenti mill-metropoli jew għandhom entitajiet ġeografikament separati), it-termini jiġu miżjuda għal dawk il-persuni li jgħixu/joqogħdu f’waħda minn dawn l-entitajiet jew għal dawk li jgħixu/joqogħdu barra mill-pajjiż? Jekk it-tweġiba hija iva, għal kemm żmien? 7.
8. Bil-kontra, meta t-talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li għandha s-sede tagħha f’waħda minn dawn l-entitajiet ġeografikament distinti mill-kontinent, it-termini jiġu miżjuda għal persuni li ma jgħixux/joqogħdux f’dawn l-entitajiet jew għal persuni li jgħixu/joqogħdu barra mill-pajjiż? 8.
9. Hemm termini għal appelli speċifiċi għal ċerti kwistjonijiet ċivili? 9.
10. F’emerġenza jew għal kwalunkwe kawża oħra, il-qrati jistgħu jqassru l-limiti taż-żmien biex persuna tidher quddiem il-qorti jew jiffissaw data speċjali għal dan? Bil-kontra, tali limiti jistgħu jiġu estiżi? 10.
11. Meta att maħsub għal parti residenti f’post fejn għandha tibbenefika minn estensjoni ta’ limitu taż-żmien jiġi notifikat f’post fejn dawk li joqogħdu hemmhekk ma jibbenefikawx minn tali estensjoni, din il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ tali terminu? 11.
12. X’ inhuma s-sanzjonijiet f’każ li l-perjodi ma jiġux osservati? 12.

 

1. Diversi tipi ta’ termini applikabbli skond id-diversi regoli proċedurali fi kwistjonijiet ċivili.

Skond il-liġi ċivili, il-mogħdija taż-żmien, bħala “fatt legali”, tista' tagħti bidu għall-kisba jew għat-telfien ta' dritt suġġettiv, ta' kapaċità legali jew ta' sempliċi aspettattiva. Il-kisba ta' kwalunkwe wieħed jew waħda minn dawn tingħata l-isem ġenerali ta' “preskrizzjoni akkwiżittiva”, filwaqt li t-telfien tagħhom huwa magħruf bħala “preskrizzjoni estintiva”.

The Meta jagħlaq jew jiskadi perjodu ta' żmien (caducidad) ifisser li jekk il-liġi tistabbilixxi perjodu ta' żmien fiss sabiex jitwettaq att b'effett legali, id-dritt biex jitwettaq dan l-att awtomatikament jiskadi meta l-perjodu ta' żmien jintemm. B'differenza għal preskrizzjoni, tali terminu jista' jiġi vvalutat mill-qorti minn jeddha u japplika biss f'każi speċifikament provduti fil-liġi. Jekk il-perjodu jiġi interrott, jiġi sospiż għall-perjodu legalment speċifikat u ż-żmien li jkun għadda sa l-interuzzjoni jiġi kkalkulat; iż-żmien rimanenti mbagħad jerġa' jibda għaddej mill-jum wara s-sospensjoni legali tat-terminu. 

Strettament, “preskrizzjoni estintiva” hija l-estinzjoni ta' drittijiet u ta' pretensjonijiet għal drittijiet meta dawn ma ġewx eżerċitati fit-terminu speċifikat għal dak il-fini. Sabiex tkun legalment valida, trid tkun attivament invokata mill-parti li qed tistrieħ fuqha. Preskrizzjoni estintiva tiġi interrotta minn kwalunkwe azzjoni tad-detentur tad-dritt li ma tkunx kompatibbli ma' l-abbandun apparenti tiegħu tad-dritt minħabba li naqas milli jeżerċitah. Dawn l-azzjonijiet ġew elenkati fl-Artikolu 1973 tal-Kodiċi Ċivili (l-eżerċizzju tad-dritt quddiem il-qorti, id-domanda ekstraġudizzjarja mill-kreditur u kwalunkwe rikonoxximent tad-dejn mid-debitur). Wara l-interruzzjoni, iż-żmien jerġa' jibda għaddej mill-ġdid. Il-qrati Spanjoli konsistentement qiegħdu interruzzjoni restrittiva fuq dan il-mod kif jiġu estinti l-obbligazzjonijiet.

FuqFuq

It-termini jistgħu jiġu espressi f'termini ta' jiem, ġimgħat, xhur jew snin.

Għal finijiet ta' kalkoli, ħlief jekk ikun stipulat mod ieħor, jekk it-terminu jiġi espress f'jiem, il-perjodu jibda fil-jum li jsegwi l-ewwel jum imsemmi, li mhux inkluż fil-kalkolu. Jekk il-perjodi jiġu espressi f'xhur jew fi snin, jiġu kkalkulati bħala li għaddejjin minn data sa oħra. Jekk ma jkun hemm l-ebda ekwivalenti għad-data tat-tluq fl-aħħar xahar tal-perjodu, id-data ta' skadenza titqies bħala l-aħħar jum tax-xahar. F'dan il-każ speċifiku, il-jiem mhux tax-xogħol mhumiex inklużi (l-Artikoli 5 u 1130 tal-Kodiċi Ċivili). 

Għall-“kalkolu tat-termini fil-kawżi ċivili” ara d-domanda 3 ta'aktar 'l isfel.

LINKS GĦAS-SITI WEB:

  • LEĠIŻLAZZJONI ĊIVILI U KUMMERĊJALI español
  • IL-KUNSILL ĠENERALI TAL-ĠUDIKATURA (aċċess dirett għal għadd ta' siti web legali ta' interess għall-pubbliku) español
  • IL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA (informazzjoni legali) English - español

2. Lista tal-jiem mhux tax-xogħol skond ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Rigward ir-regoli li jiggvernaw il-proċeduri amministrattivi, ir-Regolament Nru 1182/71 ġie traspost mill-Artikolu 48 tad-dispożizzjonijiet legali li jiggvernaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-proċedura amministrattiva komuni, li tipprovdi dan li ġej:

FuqFuq

  1. Ħlief jekk ikun provdut mod ieħor mil-liġi jew mir-regolamenti tal-Komunità Ewropea, meta t-termini jkunu espressi f'jiem dawn jitqiesu li jkunu jiem tax-xogħol u jeskludu l-Ħdud u l-btajjel pubbliċi. Meta jiġu espressi f'jiem kalendarji, dan jiġi ddikjarat fin-notifika relatata.
  2. Jekk it-terminu jiġi espress f'xhur jew fi snin, dawn jingħaddu mill-jum li jsegwi dak li fih jiġi notifikat jew ippubblikat l-att, jew mill-jum li jsegwi dak li fih applikazzjoni tiġi aċċettata jew rifjutata permezz ta' silenzju amministrattiv. Jekk mhemm l-ebda ekwivalenti għad-data tat-tluq fl-aħħar xahar tal-perjodu, id-data ta' skadenza titqies li tkun l-aħħar jum tax-xahar.
  3. Jekk l-aħħar jum tal-perjodu jkun jum mhux tax-xogħol, il-perjodu jiġi estiż sal-jum tax-xogħol li jmiss.

  4. Jekk it-terminu jiġi espress f'jiem, dawn jingħaddu mill-jum li jsegwi dak li fih l-att in kwistjoni jiġi notifikat jew ippubblikat, jew mill-jum li jsegwi dak li fih applikazzjoni tiġi aċċettata jew rifjutata permezz ta' silenzju amministrattiv.
  5. Jekk jum ikun jum tax-xogħol fil-muniċipalità jew fil-Komunità Awtonoma li fiha l-parti konċernata tkun residenti imma jkun jum mhux ta' xogħol fil-post fejn jinsab il-korp amministrattiv, jew viċe versa, jiġi trattat bħala jum mhux tax-xogħol fil-każi kollha.
  6. Il-fatt li jum ġie ddikjarat bħala jum tax-xogħol jew jum mhux tax-xogħol sabiex jiġu kkalkulati l-perjodi ta' żmien mhux bilfors jiddetermina kif jaħdmu l-uffiċċji ta' l-amministrazzjoni pubblika, is-sigħat tax-xogħol tagħhom jew l-aċċess pubbliku għar-reġistri.
  7. Kull amministrazzjoni tal-gvernijiet ċentrali u reġjonali, bla ħsara għall-kalendarju tax-xogħol uffiċjali, tiffissa kalendarju ta' jiem mhux tax-xogħol sabiex ikunu kkalkulati t-termini. Il-kalendarju approvat mill-Komunitajiet Awtonomi jinkludi l-btajjel pubbliċi, jiġifieri l-jiem mhux tax-xogħol fiż-żona fejn jinsabu l-korpi governattivi lokali. Dawn il-jiem japplikaw għal dawn il-korpi governattivi.

Dan il-kalendarju jrid jiġi ppubblikat fil-gazzetta uffiċjali korrispondenti u f'midja oħra sabiex ikun żgurat li jsir magħruf mal-pubbliku, qabel ma tibda kull sena.

FuqFuq

Il-jiem mhux tax-xogħol għal finijiet proċedurali ġew stabbiliti fl-Artikolu 182 ta' l-Att dwar il-Ġudkatura, li jiddikjara li:

  1. Is-Sibtjiet u l-Ħdud, l-24 u l-31 ta' Diċembru, il-btajjel pubbliċi nazzjonali u lokali huma jiem mhux tax-xogħol għal finijiet proċedurali. Il-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura jista' jawtorizza proċeduri ġudizzjarji f'dawn il-jiem f'każi mhux espliċitament provduti mil-liġi.
  2. Is-sigħat ta' xogħol huma bejn it-8 a.m. u t-8 p.m., ħlief jekk ikun provdut mod ieħor fil-liġi.

Skond l-Artikolu 183 ta' l-Att dwar il-Ġudikatura, il-jiem mhux tax-xogħol jinkludu Awwissu kollu għall-finijiet proċedurali kollha ħlief il-proċeduri ddikjarati bħala urġenti mil-liġijiet proċedurali. Madankollu, f'dawn il-jiem, il-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura jista' joħroġ regolamenti li jawtorizzaw proċeduri ta' tipi oħra (ara r-risposta għal 5b) aktar 'l isfel).

LINKS GĦAS-SITI WEB

  • Kalendarju ta' jiem mhux tax-xogħol ta' l-Amministrazzjoni Statali Ġenerali Spanjola fl-2005 sabiex ikunu kkalkulati t-termini español

3. X’inhuma r-regoli ġenerali applikabbli dwar il-limiti taż-żmien għad-diversi kawżi ċivili regolati mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (il-Liġi 1/2000 tas-7 ta’ Jannar 2000)?

Ir-regoli li jikkonċernaw it-termini għal kwistjonijiet ċivili jinsabu fil-Kapitolu II, it-Titolu V, il-Ktieb I (l-Artikoli 130 sa 136) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili li ssemma aktar 'il fuq. Ir-regoli prinċipali huma kif ġej:

FuqFuq

L-azzjonijiet ġudizzjarji kollha jridu jitwettqu f'jiem tax-xogħol u matul is-sigħat tax-xogħol. Il-jiem tax-xogħol huma l-jiem kollha tas-sena ħlief il-Ħdud, il-btajjel nazzjonali u lokali u Awwissu kollu. Is-sigħat tax-xogħol huma bejn it-8 a.m. u t-8 p.m., ħlief jekk ikun provdut mod ieħor fil-liġi. Is-sigħat bejn it-8 p.m. u l-10 p.m. jitqiesu wkoll bħala sigħat tax-xogħol għal finijiet ta' notifika u ta' infurzar.

Il-proċeduri tal-qorti jridu jitwettqu sa ċerti termini u f'ċerti perjodi ta' żmien, u wara li jagħlqu l-parti konċernata ma jkollhiex aktar id-dritt li twettaq l-azzjoni in kwistjoni. L-Iskrivan tal-Qorti jirrikordja t-terminu tal-perjodu ta' żmien fil-fajl tal-każ u jew jieħu azzjoni skond dan, jekk ikun ikkwalifikat li jagħmel dan, jew jinforma lill-qorti sabiex tkun tista' tieħu d-deċiżjoni xierqa.

Il-qrati ċivili, jew minn jeddhom jew fuq it-talba tal-parti kkonċernata, jistgħu jħallu li jitwettqu proċeduri tal-qorti f'jiem mhux tax-xogħol jew matul sigħat mhux tax-xogħol jekk dewmien f'dawn il-proċeduri jista' jkun serjament ta' detriment għall-partijiet, jipprevjeni l-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja jew jagħmel deċiżjoni tal-qorti ineffettiva. Dan huwa l-każ fejn għandhom x'jaqsmu l-“miżuri urġenti(eż. ammissjoni mhux volontarja fi sptar psikjatriku, jew miżuri tal-qorti li ttieħdu fl-“aħjar interess” ta' minorenni f'kunflitti li jinqalgħu f'kawżi ċivili).

 Tali miżuri jistgħu jittieħdu f'Awwissu mingħajr ma jkun hemm għalfejn awtorizzazzjoni espliċita. Bl-istess mod, mhix meħtieġa awtorizzazzjoni jekk il-miżuri urġenti li nbdew matul is-sigħat tax-xogħol iridu bilfors jitkomplew f'sigħat mhux tax-xogħol. 

FuqFuq

Il-perjodu ta' żmien jibda għaddej mill-jum li jsegwi dak tan-notifika legali tal-bidu tal-perjodu, u jinkludi l-aħħar jum tal-perjodu, li jiskadi f'24 siegħa. Madankollu, jekk perjodu ta' żmien jibda għaddej hekk kif jiskadi ieħor, dan il-perjodu l-ġdid jiġi kkalkulat, mingħajr ma jkun hemm għalfejn notifika ġdida, mill-jum li jsegwi t-terminu tal-perjodu preċedenti. Il-jiem mhux tax-xogħol jiġu esklużi mill-kalkoli tal-perjodi espressi f'jiem. Il-perjodi espressi f'xhur jew fi snin jiġu kkalkulati minn data sa oħra. Jekk ma jkun hemm l-ebda ekwivalenti għad-data tat-tluq fl-aħħar xahar tal-perjodu, id-data ta' skadenza titqies li tkun l-aħħar jum tax-xahar. 

Jekk dokument irid jitressaq f'ċertu terminu, jista' jiġi ppreżentat sa 15-il jum mill-jum tax-xogħol li jsegwi d-data ta' skadenza tal-perjodu fir-reġistru tal-qorti jew fl-uffiċċju jew fis-servizz tar-reġistru stipulat, jekk ikun hemm. Fil-kawżi ċivili, id-dokumenti ma jistgħux jitressqu quddiem qorti li tipprovdi servizz ta' emerġenza.

Il-perjodi ta' żmiem ma jistgħux jiġu estiżi. Madankollu, jekk ma jistax ikun hemm konformità ma' perjodu jew ma' terminu minħabba raġunijiet ta' force majeure, il-perjodu jista' jiġi interrott jew it-terminu jiġi estiż, f'liema każ il-perjodu jkompli għaddej hekk kif il-kawża ta' l-interruzzjoni jew ta' l-estensjoni tkun waqfet. Il-qorti, jew minn jeddha jew fuq it-talba tal-parti li qed tbati s-sitwazzjoni, trid issib evidenza ta' tali sitwazzjoni ta' force majeure f'seduta li għaliha jattendu l-partijiet l-oħra.

LINKS GĦAS-SITI WEB

  • IL-KODIĊI TA' PROĊEDURA ĊIVILI (l-Att 1/2000 tas-7 ta' Jannar 2000) español

4. Meta att irid jitwettaq jew formalità trid titwettaq f’perjodu partikolari, x’inhuwa ż-żmien tat-tluq – jiġifieri, il-waqt inizjali minn meta jibda għaddej il-perjodu (“terminus a quo”) – ta’ dan l-att jew ta’ din il-formalità?

Il-perjodu ta' żmien jibda għaddej mill-jum li jsegwi d-data tan-notifika relatata, u jinkludi l-aħħar data tal-perjodu li jintemm f'nofs il-lejl (24.00). Madankollu, jekk ikun hemm perjodu ta' żmien legalment stipulat li jibda għaddej hekk kif jiskadi ieħor, dan il-perjodu l-ġdid jiġi kkalkulat, mingħajr ma jkun hemm għalfejn notifika ġdida, mill-jum li jsegwi t-terminu tal-perjodu preċedenti. Ir-regoli kollha li jiggvernaw “atti ġudizzjarji ta' notifika” jinsabu fl-Artikoli 149 sa 168 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili.

FuqFuq

LINK GĦAN-NOTA TA' INFORMAZZJONI: In-notifika tad-dokumenti - SPANJA

5. Minn meta jibda għaddej dan il-perjodu?

L-Artikolu 132 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jiddikjara li l-proċeduri tal-qorti jridu jitwettqu sat-termini jew fil-perjodi ta' żmien stipulati għal kull waħda u li fejn ma jkun speċifikat l-ebda perjodu jew fejn ma jkun speċifikat l-ebda terminu, il-proċedura trid titwettaq mill-aktar fis possibbli.

  1. Jekk jiġi espress f'jiem, l-ewwel jum jingħadd?

    L-Artikolu 133 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jiddikjara li l-perjodu ta' żmien jibda jgħodd mill-jum li jsegwi dak li fih jinħareġ avviż li beda l-perjodu, u jinkludi l-aħħar jum tal-perjodu, li jintemm f'nofs il-lejl (24.00).

    L-Artikolu 151(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jiddikjara li n-notifiki lis-servizz legali Statali u lill-prosekutur pubbliku, kif ukoll dawk mogħtija permezz tas-servizzi ta' notifika organizzati mill-Assoċjazzjonijiet ta' l-Avukati tal-Qrati, jitqiesu li saru fil-jum li jsegwi d-data tar-riċeviment indikata fid-dokument.

  2. Meta perjodu jiġi espress f'jiem, dan ikun qed jirreferi għal jiem kalendarji jew għal jiem tax-xogħol?

    Il-jiem mhux tax-xogħol jiġu esklużi mill-kalkloli tal-perjodi espressi f'jiem.

    Għall-finijiet tal-perjodi indikati għall-miżuri urġenti msemmija fl-Artikolu 131(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (l-azzjonijiet tal-qorti li, jekk jiddewmu, jistgħu jkunu serjament ta' deteriment għall-partijiet, jipprevjenu l-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja u jagħmlu deċiżjoni tal-qorti ineffettiva), il-jiem mhux tax-xogħol jinkludu biss il-Ħdud u l-btajjel pubbliċi u mhux ix-xahar ta' Awwissu.

    FuqFuq

  3. U meta l-perjodu jiġi espress f'xhur jew fi snin?

    Il-perjodi espressi f'xhur jew fi snin jiġu kkalkulati minn data sa oħra.

    Jekk ma jkun hemm l-ebda ekwivalenti għad-data tat-tluq fl-aħħar xahar tal-perjodu, id-data ta' skadenza titqies li tkun l-aħħar jum tax-xahar.

  4. Meta jiskadu tali perjodi ta' żmien?

    Rigward il-perjodi ta' żmien sabiex jitressqu d-dokumenti tal-qorti, l-Artikolu 135 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jiddikjara li:

    1. Jekk dokument irid jitressaq f'ċertu terminu, jista' jkun ippreżentat sa 15-il jum mill-jum tax-xogħol li jsegwi d-data ta' skadenza tal-perjodu fir-Reġistru tal-Qorti jew fl-uffiċċju jew fis-servizz ċentrali tar-reġistru, jekk ikun indikat.
    2. F'kawżi ċivili, id-dokumenti ma jistgħux jitressqu quddiem qorti li tipprovdi servizz ta' emerġenza.
    3. L-iskrivani tal-qorti jew l-uffiċjali maħtura minnhom biss jistgħu jirreġistraw il-jum u l-ħin ta' meta jitressqu t-talbiet, id-dokumenti li jagħtu bidu għall-proċeduri u kwalunkwe dokument ieħor li jrid jitressaq f'perjodu ffissat ta' żmien.
    4. Fil-każi kollha, il-persuna li tressaq id-dokument tingħata rċevuta li tiddikjara d-data u l-ħin meta tressaq id-dokument. Jingħataw irċevuti wkoll għal kopji waħdanija tad-dokumenti mressqa.
    5. Jekk il-qrati u l-partijiet ikollhom il-mezzi tekniċi meħtieġa sabiex jibagħtu u jirċievu dokmenti b'tali mod li l-awtentiċità tagħhom tkun garantita u jista' jinżamm rekord affidabbli tad-data ta' meta ntbagħtu, tad-data tar-riċeviment u tal-kontenut tagħhom, jistgħu jintbagħtu b'dawn il-mezzi. Tinħareġ irċevuta bil-mod tas-soltu u d-dokumenti jitqiesu bħala li tressqu fil-perjodu ta' żmien legalment stipulat sabiex ikunu eżerċitati d-drittijiet jew ikun hemm konformità mad-dmirijiet.

      Madankollu, biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti legali li jikkonċernaw evidenza u s-sottomissjoni ta' dokumenti oriġinali u ta' kopji awtentikati, dawn l-oriġinali u l-kopji awtentikati jridu jintbagħtu lill-qorti fi żmien tlett ijiem wara li d-dokumenti jkunu ntbagħtu billi jintużaw il-mezzi li ġew indikati fil-paragrafu preċedenti.

      FuqFuq

6. Jekk il-perjodu jiskadi s-Sibt, il-Ħadd jew nhar btala pubblika jew f’jum mhux tax-xogħol, jiġi estiż sa l-ewwel jum tax-xogħol segwenti? Din l-estensjoni tkun applikabbli anki meta l-perjodu in kwistjoni jkollu bħala punt ta’ tluq avveniment futur?

Il-perjodi ta' żmien li jintemmu l-Ħadd jew f'jum mhux tax-xogħol ieħor jitqiesu bħala li jiġu estiżi sal-jum tax-xogħol li jmiss.

Madankollu, jekk perjodu ta' żmien jibda għaddej hekk kif jiskadi ieħor, dan il-perjodu l-ġdid jiġi kkalkulat, mingħajr ma jkun hemm għalfejn notifika ġdida, mill-jum li jsegwi t-terminu tal-perjodu preċedenti u tapplika d-dispożizzjoni relatata mal-perjodi li jintemmu f'jiem mhux tax-xogħol.

7. Meta t-talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li għandha s-sede tagħha fit-territorju kontinentali ta’ l-Istat Membru (għal dawk li jinkludu entitajiet indipendenti mill-metropoli jew għandhom entitajiet ġeografikament separati), it-termini jiġu miżjuda għal dawk il-persuni li jgħixu/joqogħdu f’waħda minn dawn l-entitajiet jew għal dawk li jgħixu/joqogħdu barra mill-pajjiż? Jekk it-tweġiba hija iva, għal kemm żmien?

Għalkemm Spanja tinkludi l-Gżejjer Baleariċi, il-Gżejjer Kanari, Ceuta u Melilla minbarra t-territorju kontinentali, mhemm l-ebda regolament speċjali li jikkonċerna termini proċedurali għal żoni mhux kontinentali.

8. Bil-kontra, meta t-talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li għandha s-sede tagħha f’waħda minn dawn l-entitajiet ġeografikament distinti mill-kontinent, it-termini jiġu miżjuda għal persuni li ma jgħixux/joqogħdux f’dawn l-entitajiet jew għal persuni li jgħixu/joqogħdu barra mill-pajjiż?

Ara r-riposta għad-domanda preċedenti.

9. Hemm termini għal appelli speċifiċi għal ċerti kwistjonijiet ċivili?

Hemm terminu ġenerali għall-preparazzjoni (avviż) u għad-depożitu (sostanzjar) ta' l-appelli għall-kwistjonijiet ċivili kollha. It-terminu biex isir appell huwa ta' ħamest ijiem min-notifka tas-sentenza (l-Artikioli 457 u 479 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili). It-terminu biex ikun iddepożitat appell huwa ta' 20 jum mid-data meta l-qorti tammetti r-rikors.

FuqFuq

10. F’emerġenza jew għal kwalunkwe kawża oħra, il-qrati jistgħu jqassru l-limiti taż-żmien biex persuna tidher quddiem il-qorti jew jiffissaw data speċjali għal dan? Bil-kontra, tali limiti jistgħu jiġu estiżi?

Fi proċeduri orali (li l-ambitu tagħhom ġie stabbilit fl-Artikolu 250 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili) mhemm l-ebda proċedura bil-miktub sabiex wieħed jidher quddiem il-qorti u biex wieħed jagħti risposta. Minflok, l-ordni tal-qorti li tammetti l-ilment irid jindika li s-seduta se ssir fid-data bejn 10 ijiem u 20 jum minn dik meta ssejħu l-partijiet (l-Artikolu 440 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

Waqt kawża ordinarja (li l-ambitu tagħha ġie stabbilit fl-Artikolu 249 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili), il-konvenut irid iressaq risposta fi żmien 20 jum mid-data meta ssejjaħ (l-Artikolu 404 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

It-termini sabiex wieħed jidher quddiem il-qorti jew sabiex jagħti risposta ma jistgħux jitqassru jew jiġu estiżi. Il-memorandum ta' spjegazzjoni għall-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jipproponi li l-perjodu ta' aġġudikazzjoni jinqata' b'mod drastiku u jiġu stabbiliti termini aktar realistiċi għal kwistjonijeti oħra, ibbażati fuq l-esperjenza estensiva miksuba taħt l-Att preċedenti ta' l-1881. Jirrakkomanda termini qosra u raġonevoli li jippermettu li sentenza tingħata mingħajr dewmien b'reazzjoni għat-talbiet għal protezzjoni effettiva tal-qorti. L-Artikolu 134(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jiddikjara li t-termini stabbiliti fil-Kodiċi ma jistgħux jiġu estiżi.

B'mod eċċezzjonali, il-perjodi ta' żmien jistgħu jiġu interrotti u t-termini jistgħu jiġu estiżi għal raġunijiet ta' force majeure:

FuqFuq

  1. Skond id-dispożizzjonijiet ġenerali ta' l-Artikolu 134(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili. Il-qorti, jew minn jeddha jew fuq it-talba tal-parti affetwata mis-sitwazzjoni, trid issib evidenza ta' force majeure f'seduta li għaliha jattendu l-partijiet l-oħra.

  2. Ladarba tkun iffissata data għas-seduta, jekk kwalunkwe persuna minn dak li ġew imsejħa sabiex jidhru quddiem il-qorti ma tkunx tista' tagħmel dan minħabba raġunijiet ta' force majeure jew kawżi simili, hija għandha tinforma immedjatament lill-qorti, fejn jipprovdi evidenza tar-raġuni u titlob seduta jew deċiżjoni ġdida (l-Artikoli 183(1), 189 u 430 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili). Titħabbar seduta ġdida jekk l-evidenza tas-sitwazzjoni tiġi aċċettata u jekk din is-sitwazzjoni ma tipprevjenix lil dawn li ġejjin milli jattendu: l-avukat (l-Artikoli 183(2) u 188(1)(5) u (6) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili) jew parti li l-preżenza tagħha hija meħtieġa għaliex mhix megħjuna minn avukat jew iridu jsirulha xi domandi (l-Artikoli 183(3) u 188(4) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili) jew xhud jew espert. Bħala alternattiva, xhud jew espert jista' jissejjaħ għal eżami ta' l-evidenza barra mill-kawża, ladarba l-partijiet ikunu nstemgħu (l-Artikolu 183(4) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

  3.  It-terminu ta' żmien għal persuna f'disprezz tal-qorti biex titlob annullament ta' sentenza finali jista' jiġi estiż fil-każ ta' force majeure (l-Artikolu 502(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

  4. Jekk l-evidenza tiġi eżaminata matul il-fażijiet preliminari tal-kawża (dan jista' jiġi awtorizzat mill-imħallef jekk ikun hemm biża' valida li l-evidenza in kwistjoni ma tkunx tista' tiġi eżaminata fl-istadju tas-soltu tal-proċedura - ara l-Artikolu 293 et seq. tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili), l-ilment irid jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn mill-eżami ta' l-evidenza sakemm ma jiġix ippruvat li ma kienx possibbli li jingħata bidu għall-kawża fit-terminu għal raġunijiet ta' force majeure jew kawżi simili (l-Artikolu 295(3) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

11. Meta att maħsub għal parti residenti f’post fejn għandha tibbenefika minn estensjoni ta’ limitu taż-żmien jiġi notifikat f’post fejn dawk li joqogħdu hemmhekk ma jibbenefikawx minn tali estensjoni, din il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ tali terminu?

Mhux applikabbli.

12. X’ inhuma s-sanzjonijiet f’każ li l-perjodi ma jiġux osservati?

Persuna li tonqos milli tikkonforma ma' terminu proċedurali titlef id-dritt li twettaq l-azzjoni in kwistjoni (l-Artikolu 136 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

Rigward meta l-konvenut jidher quddiem il-qorti waqt il-kawża, jiġi ddikjarat li jkun f'disprezz tal-qorti (l-Artikoli 442(2) u 496(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili) u l-kawża tkompli mingħajr ma jerġa' jissejjaħ. Jiġi notifikat biss b'din id-deċiżjoni u bid-deċiżjoni finali li ttemm il-kawża (l-Artikolu 497 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

Jekk il-qrati u l-istaff ġudizzjarju jonqsu milli jikkonformaw mat-termini ġudizzjarji mingħajr kawża xierqa jkunu suġġetti għal azzjoni dixxiplinari skond l-Att dwar il-Ġudikatura, mingħajr detriment għad-dritt tal-parti leża li tiftaħ kawżi oħra ta' responsabbiltà (l-Artikolu 132(3) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

« Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Informazzjoni Ġenerali | Spanja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 08-10-2007

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit