Kummissjoni Ewropea > NGE > Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura > Slovenja

L-aħħar aġġornament: 08-05-2009
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Slovenja

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Diversi tipi ta’ skadenzi applikabbli skont id-diversi regoli proċedurali f’materji ċivili; eż. termini ta’ żmien proċedurali, il-preskrizzjoni jew perjodi ta’ dekadenza, skadenzi stabbiliti minn qabel, eċċ. 1.
2. Lista ta’ diversi jiem stabbiliti bħala jiem mhux tax-xogħol skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971. 2.
3. Liema huma r-regoli ġenerali applikabbli dwar limiti ta’ żmien għad-diversi proċeduri ċivili? Agħti sorsi leġiżlattivi. 3.
4. Meta att jew formalità jkollhom jitwettqu f’perjodu stabbilit, x’inhu l-punt tal-bidu, jiġifieri l-mument inizjali minn meta jibda jiddekorri l-perjodu (terminus a quo), ta’ dan l-att jew ta’ din il-formalità (eż. id-data tal-att, avveniment, deċiżjoni jew data ta’ notifika u/jew avviż li minnha jibda jiddekorri)? 4.
4.a) Jista’ l-waqt li fih jibda l-perjodu jkun affettwat jew modifikat mill-mod ta’ trażmissjoni jew notifika ta’ dokumenti (notifika personali minn marixxall jew minn servizz postali)? 4.a)
5. Minn meta jibda jiddekorri dan il-perjodu? 5.
5.a) Meta perjodu bħal dan ikun imfisser f’jiem, id-data attwali tal-att, tal-episodju, tad-deċiżjoni jew tan-notifika u/jew intimazzjoni li tagħti bidu għalihom tgħodd? Iż-żmien tal-bidu għal kull limitu ta’ żmien jiddependi b’xi mod fuq il-konferma jew in-notifika tal-azzjoni lir-riċevitur? Jekk iva, kif? 5.a)
5.b) Meta perjodu ta’ żmien ikun imfisser f’jiem, l-għadd ta’ jiem jinkludi jiem kalendarji jew jiem ta’ xogħol biss? Pereżempju, jekk persuna tkun innotifikata b’dokument fl-4 ta’ April 2005 u tintalab twieġeb fi żmien 14-il jum min-notifika, dan ifisser li hija jkun jeħtiġilha twieġeb qabel:

i)  it-Tnejn, 18 ta’ April 2005 (jiem kalendarji) jew

ii)  il-Ġimgħa, it-22 ta’ April 2005 (jiem tax-xogħol)? 5.b)

5.c) Perjodu bħal dan, meta jiġi mfisser f’xhur jew fi snin? 5.c)
5.d) Perjodi ta’ żmien bħal dawn meta jiskadu? 5.d)
6. Jekk il-perjodu jiskadi nhar ta’ Sibt, il-Ħadd jew fi btala pubblika jew f’jum mhux tax-xogħol, huwa jiġi estiż għall-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara? Din l-estensjoni tapplika wkoll meta l-perjodu inkwistjoni jkollu episodju futur bħala bidu? 6.
7. Meta t-talba tinġieb quddiem qorti li tkun tinsab fit-territorju kontinentali tal-Istat Membru (fil-każ ta’ Stati Membri dan jinkludi entitajiet barra mit-territorju kontinentali jew li jkollhom entitajiet ġeografikament separati), l-iskadenzi jiġu estiżi għal persuni li jgħixu/jirresjedu f’waħda minn dawn l-entitajiet jew għal dawk li jgħixu/jirresjedu barra minnhom? 7.
8. Bil-kuntrarju, meta t-talba tinġieb quddiem qorti li tkun tinsab f’waħda mill-entitajiet li jkunu ġeografikament distinti mit-territorju kontinentali, l-iskadenzi jiġu estiżi għal persuni li jgħixu/jirresjedu f’waħda minn dawn l-entitajiet jew għal dawk li jgħixu/jirresjedu barra minnhom? 8.
9. Hemm limiti ta’ żmien għal appelli speċifiċi għal ċerti materji ċivili? 9.
10. Jistgħu l-qrati, f’emerġenza jew għal xi raġuni oħra, iqassru skadenzi jew jiffissaw data partikolari għal dehra? Bil-kuntrarju, jistgħu perjodi bħal dawn jiġu estiżi? 10.
11. Meta att li jkun maħsub għal parti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni ta’ limitu ta’ żmien, ikun innotifikat f’post fejn dawk li jkunu jirresjedu hemm ma jibbenefikawx minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ limitu ta’ żmien bħal dak? 11.
12. X’inhuma l-pieni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-iskadenzi? 12.
13. Jekk l-iskadenza tinqabeż, x’rimedji jkollhom il-partijiet li jkunu naqsu? 13.

 

1. Diversi tipi ta’ skadenzi applikabbli skont id-diversi regoli proċedurali f’materji ċivili; eż. termini ta’ żmien proċedurali, il-preskrizzjoni jew perjodi ta’ dekadenza, skadenzi stabbiliti minn qabel, eċċ.

Skont il-liġi proċedurali Slovena, skadenza hija perjodu ta' żmien li jkun limitat b'żewġ waqtiet fiż-żmien - il-bidu u t-tmiem tal-perjodu taż-żmien - u li fih tkun tista' titwettaq azzjoni proċedurali partikolari, jew, f'każijiet eċċezzjonali, perjodu ta' żmien li fih azzjoni proċedurali partikolari tista' ma titwettaqx.

Hemm diversi tipi ta' skadenza (limitu ta' żmien/perjodu ta' żmien) fil-liġi Slovena:

  • limiti ta' żmien fil-liġi sustantiva u fil-liġi proċedurali: limiti ta' żmien fil-liġi sustantiva huma stabbiliti mil-liġi sustantiva biex ikunu ddikjarati drittijiet, u li wara jkunu suddiviżi f'perjodi ta' dekadenza fil-liġi sustantiva, meta dritt ma jibqax jeżisti skont l-istess liġi, u perjodi ta' preskrizzjoni, meta dritt jista' ma jibqax ikun eżerċitat abbażi biss ta' oġġezzjoni minn parti, waqt li limiti ta' żmien huma stabbiliti biex jitwettqu azzjonijiet proċedurali;
  • perjodi ta' żmien statutorji u ġudizzjarji: perjodi ta' żmien statutorji u d-durata tagħhom huma stabbiliti direttament mil-liġi stess, filwaqt li limiti ta' żmien ġudizzjarji huma stabbiliti minn qorti, filwaqt li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha tal-każ;
  • skadenzi estensibbli u mhux estensibbli: skadenzi ġudizzjarji jistgħu jiġu estiżi, iżda mhux skadenzi statutorji;
  • limiti ta' żmien suġġettivi u oġġettivi: limiti ta' żmien suġġettivi jibdew jiddekorru meta persuna eliġibbli tkun mgħarrfa b'avveniment partikolari jew tingħata l-possibbiltà li twettaq azzjoni proċedurali, u limiti ta' żmien oġġettivi jibdew jiddekorru meta ċirkostanza oġġettiva speċifika tibda tapplika;
  • perjodi ta' dekadenza proċedurali u perjodi ta' stħarriġ: fit-tmiem tal-perjodu ta' dekadenza proċedurali, ma jkunx aktar possibbli li titwettaq azzjoni proċedurali speċifika b'mod effikaċi iżda dewmien fil-perjodu ta' stħarriġ ma għandu ebda konsegwenza statutorja diretta.

2. Lista ta’ diversi jiem stabbiliti bħala jiem mhux tax-xogħol skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Skont ir-Regolament Nru 1182/71, “jiem tax-xogħol” tfisser il-jiem kollha barra btajjel pubbliċi, Sibtijiet u Ħdud. Il-jiem li ġejjin huma stabbiliti bħala btajjel pubbliċi fis-Slovenja bl-Att dwar Btajjel u Jiem Franki fir-Repubblika tas-Slovenja [1]:

FuqFuq

  • l-1 u t-2 ta' Jannar - sena ġdida;
  • it-8 ta' Frar - Jum Prešeren, btala kulturali Slovena;
  • is-27 ta' April - jum ir-reżistenza kontra l-okkupazzjoni;
  • l-1 u t-2 ta' Mejju - btala pubblika tal-ħaddiem;
  • il-25 ta' Ġunju - jum nazzjonali;
  • l-1 ta' Novembru - Jum il-Qaddisin Kollha;
  • is-26 ta' Diċembru - jum l-indipendenza.

Fir-Repubblika tas-Slovenja hemm ukoll il-btajjel pubbliċi li ġejjin:

  • Ħadd il-Għid u t-Tnejn - l-Għid;
  • Għid il-Ħamsin - tmiem il-ġimgħa ta' Għid il-Ħamsin;
  • il-15 ta' Awwissu - Tlugħ is-Sema tal-Verġni Marija;
  • il-31 ta' Ottubru - Jum ir-Riforma;
  • il-25 ta' Diċembru - il-Milied.

[1] Ippubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja No 26/1991.

3. Liema huma r-regoli ġenerali applikabbli dwar limiti ta’ żmien għad-diversi proċeduri ċivili? Agħti sorsi leġiżlattivi.

Liema huma r-regoli ġenerali dwar limiti ta' żmien proċedurali fil-liġi Slovena stabbiliti mill-Att ta' Proċedura Ċivili - iż-ZPP ([2]).Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 110-112 u l-Artikoli 116-121 taż-ZPP b'hekk japplikaw direttament għall-proċedura ċivili, u mutatis mutandis għall-proċedura ċivili volontarja (Artikolu 37 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili Volontarja [3]), għall-proċedura ta' infurzar u assigurazzjoni (Artikolu 15 tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni ta' Sentenzi f'Materji Ċivili u Assigurazzjoni ta' Talbiet [4]) u għall-proċedura ta' arranġament obbligatorju jew falliment minħabba insolvenza ta' entità ekonomika jew il-likwidazzjoni tagħha (Artikolu 15 tal-Att dwar Arranġamenti Obbligatorji, Falliment u Likwidazzjonijiet [5]).

FuqFuq


[2] Verżjoni kkonsolidata u ppubblikata uffiċjalment fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja Nru 36/2004.

[3] Ippubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Soċjalista tas-Slovenja Nru 30/1986.

[4] Verżjoni uffiċjalment ikkonsolidata u ppubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja Nru 40/2004.

[5] Ippubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja Nri 67/93, 39/97 u 52/99.

4. Meta att jew formalità jkollhom jitwettqu f’perjodu stabbilit, x’inhu l-punt tal-bidu, jiġifieri l-mument inizjali minn meta jibda jiddekorri l-perjodu (terminus a quo), ta’ dan l-att jew ta’ din il-formalità (eż. id-data tal-att, avveniment, deċiżjoni jew data ta’ notifika u/jew avviż li minnha jibda jiddekorri)?

L-episodju li minnu jibda jiddekorri l-perjodu huwa, f’ħafna każijiet, in-notifika ġudizzjarja ta’ sentenza, l-azzjoni ta’ avversarju jew episodju mhux proċedurali. Jekk il-perjodu ta’ żmien ikun stipulat f’termini ta’ jiem, il-jum tan-notifika jew komunika jew il-jum tal-episodju li minnu jibda jiddekorri l-perjodu ta’ żmien mhuwiex inkluż; minflok, il-perjodu ta’ żmien jibda jiddekorri mill-ewwel jum ta’ wara.

4.a) Jista’ l-waqt li fih jibda l-perjodu jkun affettwat jew modifikat mill-mod ta’ trażmissjoni jew notifika ta’ dokumenti (notifika personali minn marixxall jew minn servizz postali)?

Skont il-liġi Slovena, dokumenti jiġu nnotifikati bil-posta, minn uffiċjal tal-qorti, fil-qorti jew b’mod ieħor stabbilit mil-liġi. Kull meta perjodu ta’ żmien speċifiku jibda jiddekorri mill-waqt tan-notifika, il-mod ta’ notifika tad-dokumenti rilevanti ma jaffettwax il-bidu tal-perjodu ta’ żmien. Il-perjodu ta’ żmien jibda jgħaddi minn meta, skont il-liġi, tkun saret in-notifika jew minn meta din tkun tqieset li saret.

FuqFuq

5. Minn meta jibda jiddekorri dan il-perjodu?

5.a) Meta perjodu bħal dan ikun imfisser f’jiem, id-data attwali tal-att, tal-episodju, tad-deċiżjoni jew tan-notifika u/jew intimazzjoni li tagħti bidu għalihom tgħodd? Iż-żmien tal-bidu għal kull limitu ta’ żmien jiddependi b’xi mod fuq il-konferma jew in-notifika tal-azzjoni lir-riċevitur? Jekk iva, kif?

Jekk iż-żmien ikun imfisser f’jiem, il-jum tan-notifika jew notifikazzjoni jew il-jum tal-episodju li minnu l-perjodu ta’ żmien għandu jiddekorri ma jkunx inkluż; minflok, il-perjodu ta’ żmien jibda jiddekorri mill-ewwel jum ta’ wara (Artikolu 111/2 taż-ZPP). Il-konferma ta’ rċevuta jew notifikazzjoni ta’ episodju lil riċevitur qatt ma tkun kundizzjoni għall-bidu tal-perjodu ta’ żmien.

5.b) Meta perjodu ta’ żmien ikun imfisser f’jiem, l-għadd ta’ jiem jinkludi jiem kalendarji jew jiem ta’ xogħol biss? Pereżempju, jekk persuna tkun innotifikata b’dokument fl-4 ta’ April 2005 u tintalab twieġeb fi żmien 14-il jum min-notifika, dan ifisser li hija jkun jeħtiġilha twieġeb qabel:

i)  it-Tnejn, 18 ta’ April 2005 (jiem kalendarji) jew

ii)  il-Ġimgħa, it-22 ta’ April 2005 (jiem tax-xogħol)?

Perjodu ta' żmien imfisser f'jiem jibda jiddekorri mingħajr interruzzjoni u jikkonsisti f'jiem kalendarji. Il-jiem mhux tax-xogħol inklużi f'dak il-perjodu (Sibtijiet, Ħdud, btajjel pubbliċi jew jiem oħra mhux tax-xogħol) ma jestendux dan il-perjodu ta' żmien, sakemm l-aħħar jum tal-perjodu ta' żmien ma jkunx jum mhux tax-xogħol.

FuqFuq

F'dan il-kuntest, għandha titqies id-dispożizzjoni tal-Artikolu 83 tal-Att dwar il-Qrati ([6]), skont liema, matul il-btajjel tal-qrati mill-15 ta' Lulju sal-15 ta' Awwissu, perjodi ta' żmien fil-liġi proċedurali ma jiddekorrux ħlief f'każijiet urġenti (eż. kawżi dwar kontijiet tat-Teżor, falliment, eċċ.).

Jekk perjodu ta' żmien ta' 14-il jum għal risposta beda jiddekorri mill-waqt tan-notifika ta' dokument fl-4 ta' April 2005, l-aħħar jum tal-perjodu ta' żmien kien ikun it-Tnejn, 18 ta' April 2005.


[6] Verżjoni uffiċjalment ikkonsolidata u ppubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja Nru 23/2005.

5.c) Perjodu bħal dan, meta jiġi mfisser f’xhur jew fi snin?

Il-bidu u d-durata ta’ perjodu ta’ żmien imfisser f’xhur jew fi snin ikun ikkalkulat bl-istess mod, mutatis mutandis.

5.d) Perjodi ta’ żmien bħal dawn meta jiskadu?

Perjodi mfissra f’jiem jiskadu fi tmiem l-aħħar jum tal-perjodu ta’ żmien. Perjodi ta’ żmien li jiġu mfissra f’xhur jew snin jiskadu fi tmiem il-jum tal-aħħar xahar jew sena li jikkorrispondi fl-għadd mal-jum li fih il-perjodu ta’ żmien ikun beda jiddekorri. Jekk dak l-għadd ta’ jiem ma jkunx jeżisti fl-aħħar xahar, il-perjodu ta’ żmien jintemm fl-aħħar jum ta’ dak ix-xahar (Artikolu 111/3 taż-ZPP).

Hemm xi eċċezzjonijiet jew partikolaritajiet li japplikaw għall-bidu ta’ perjodi ta’ żmien f’ċerti proċeduri ċivili?

FuqFuq

Le.

6. Jekk il-perjodu jiskadi nhar ta’ Sibt, il-Ħadd jew fi btala pubblika jew f’jum mhux tax-xogħol, huwa jiġi estiż għall-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara? Din l-estensjoni tapplika wkoll meta l-perjodu inkwistjoni jkollu episodju futur bħala bidu?

Jekk perjodu jiskadi nhar ta’ Sibt, il-Ħadd jew fi btala pubblika jew f’jum mhux tax-xogħol, kif stipulat mil-liġi dwar il-btajjel, il-perjodu jiskadi fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara (Artikolu 111/4 taż-ZPP). Dan japplika irrispettivament mill-waqt tal-bidu tal-perjodu taż-żmien jew mir-raġuni għalih.

7. Meta t-talba tinġieb quddiem qorti li tkun tinsab fit-territorju kontinentali tal-Istat Membru (fil-każ ta’ Stati Membri dan jinkludi entitajiet barra mit-territorju kontinentali jew li jkollhom entitajiet ġeografikament separati), l-iskadenzi jiġu estiżi għal persuni li jgħixu/jirresjedu f’waħda minn dawn l-entitajiet jew għal dawk li jgħixu/jirresjedu barra minnhom?

Is-Slovenja hija stat b’territorju wieħed li ma jinkludix entitajiet ġeografikament separati. L-awtorità ġudizzjarja (il-ġurisdizzjoni) tapplika b’mod uniformi mat-territorju kollu tal-pajjiż. Għaldaqstant, ma jeżistux partikolaritajiet dwar perjodi ta’ żmien f’dan ir-rigward.

8. Bil-kuntrarju, meta t-talba tinġieb quddiem qorti li tkun tinsab f’waħda mill-entitajiet li jkunu ġeografikament distinti mit-territorju kontinentali, l-iskadenzi jiġu estiżi għal persuni li jgħixu/jirresjedu f’waħda minn dawn l-entitajiet jew għal dawk li jgħixu/jirresjedu barra minnhom?

Is-Slovenja hija stat b’territorju wieħed li ma jinkludix entitajiet separati ġeografikament. L-awtorità ġudizzjarja (il-ġurisdizzjoni) tapplika b’mod uniformi mat-territorju kollu tal-pajjiż. Għaldaqstant, ma jeżistux partikularitajiet dwar perjodi ta’ żmien f’dan ir-rigward.

FuqFuq

9. Hemm limiti ta’ żmien għal appelli speċifiċi għal ċerti materji ċivili?

Fi proċeduri ċivili u kummerċjali, il-limitu ta’ żmien ġenerali biex ikun ippreżentat appell kontra deċiżjoni ta’ qorti (ordni jew sentenza), maħruġa fi grad tal-ewwel istanza, huwa ta’ 15-il jum mid-data tan-notifika tal-kopja tagħha, sakemm ma jkunx stipulat perjodu ta’ żmien ieħor fiż-ZPP. B’mod partikolari, huwa stipulat perjodu ta’ żmien ta’ tmint ijiem għal appell fil-każ ta’ kawżi dwar kontijiet tat-teżor jew ċekkijiet, kawżi dwar ksur tad-dritt ta’ proprjetà u kawżi ta’ valur baxx; il-limitu ta’ żmien ta’ tmint ijiem japplika wkoll għal oġġezzjonijiet kontra ordnijiet ta’ ħlas u għal avviż ta’ appell kontra sentenza f’kawżi tal-kummerċ ta’ valur baxx jew għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas. Japplikaw ukoll perjodi ta’ żmien speċjali u iqsar fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni u assiguirazzjoni (Artikolu 9 tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Assigurazzjoni ta’ Talbiet) u fil-proċedura dwar l-insolvenza u l-likwidazzjoni ta’ entitajiet ekonomiċi (Artikolu 13 tal-Att dwar Arranġamenti Obbligatorji, Falliment u Likwidazzjoni).

10. Jistgħu l-qrati, f’emerġenza jew għal xi raġuni oħra, iqassru skadenzi jew jiffissaw data partikolari għal dehra? Bil-kuntrarju, jistgħu perjodi bħal dawn jiġu estiżi?

Il-liġi Slovena m’għandhiex regoli speċjali biex limiti ta’ żmien jitqassru. Hemm regola li perjodi ta’ żmien statutorji jistgħu ma jitqassrux jew ma jkunux estiżi mill-qrati. Id-durata ta’ limitu ta’ żmien u skadenzi ġudizzjarji hija stabbilita mill-qorti abbażi taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, fejn dan ikun stipulat mil-liġi jew meħtieġ għall-proċedura. Fejn ikun hemm raġunijiet iġġustifikati, il-limitu ta’ żmien iffissat minn qorti jista’ jiġi estiż abbażi ta’ proposta li l-parti jkollha tissottometti qabel mal-limitu ta’ żmien jiskadi (Artikolu 110 taż-ZPP), jew l-iskadenza tista’ tiġi posposta (Artikolu 115 taż-ZPP).

FuqFuq

11. Meta att li jkun maħsub għal parti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni ta’ limitu ta’ żmien, ikun innotifikat f’post fejn dawk li jkunu jirresjedu hemm ma jibbenefikawx minn estensjoni bħal din, il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ limitu ta’ żmien bħal dak?

Il-liġi Slovena m’għandhiex regoli dwar id-dritt ta’ estensjoni ta’ limitu ta’ żmien abbażi tar-residenza ta’ parti f’post partikolari jew żona partikolari.

12. X’inhuma l-pieni f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-iskadenzi?

L-aktar piena iebsa għal meta tinqabeż skadenza hija l-preskrizzjoni (perjodu ta’ dekadenza), li jfisser li l-parti titlef id-dritt li tagħmel azzjoni proċedurali partikolari b’mod effikaċi (eż. li tippreżenta appell). Dan l-effett iseħħ awtomatikament skont it-termini tal-liġi stess. Jekk skadenza tinqabeż, dan jista’ jwassal ukoll għall-preżunzjoni li l-parti tkun għamlet l-azzjoni proċedurali partikolari (eż. irtirat l-azzjoni legali). Fl-aħħar nett, anki meta n-nuqqas ta’ konformità ma’ skadenza ma jkollux konsegwenzi diretti skont il-liġi stess, dan jista’, madankollu, jinfluwenza b’mod deċiżiv ir-riżultat tal-proċedura (eż. parti ma tagħtix is-somma ta’ flus meħtieġa biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż għas-smigħ tax-xhieda li tista’ tkun ta’ benefiċċju għaliha, u minħabba dan il-qorti ma tismax ix-xhieda).

13. Jekk l-iskadenza tinqabeż, x’rimedji jkollhom il-partijiet li jkunu naqsu?

Jekk parti tonqos fir-rigward ta' skadenza għal azzjoni proċedurali partikolari u dan iwassal għall-preskrizzjoni (il-parti titlef id-dritt li tagħmel l-azzjoni proċedurali), il-qorti tista' tħalli lill-parti, fuq talba tagħha, li tagħmel din l-azzjoni aktar tard (bil-kontra tal-qagħda ta' qabel tal-affarijiet; Artikoli 116-121 taż-ZPP). Il-kundizzjonijiet biex l-affarijiet imorru lura għall-istat li kienu fih qabel huma:

  • li l-parti tkun naqset li tħares l-iskadenza għal raġuni ġustifikata, li tkun eżaminata mill-qorti abbażi taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ;
  • li nuqqas għat-tħaris tal-iskadenza kellu effett preklussiv;
  • li l-parti tissottometti talba biex l-affarijiet jerġgħu lura għall-istat li kienu fih qabel, lill-qorti li quddiemha kien messha saret l-azzjoni li tkun naqset li ssir fi żmien il-perjodu ta' żmien stipulat, li huwa ta' ħmistax-il jum mill-jum minn meta r-raġuni li minħabba fiha l-iskadenza ma tħarsitx ma baqgħetx tapplika; jekk il-parti tkun saret taf bin-nuqqas wara, f'dak il-każ mill-jum li l-parti tkun saret taf b'dan; u f'kull każ mhux aktar tard minn tliet xhur mill-jum tan-nuqqas, u fi żmien tletin jum f'kawżi kummerċjali;
  • li l-parti twettaq ukoll l-azzjoni proċedurali li ma kinitx saret fl-istess waqt li fih hija tissottometti t-talba.

Bħala regola, talba biex l-affarijiet jerġgħu lura għall-istat li kienu fih qabel m'għandhiex effett fuq il-kors tal-proċedimenti, iżda l-qorti tista' tiddeċiedi li l-proċedura tkun sospiża sakemm ikollha effett id-deċiżjoni dwar it-talba. Wara li tirċievi t-talba biex l-affarijiet jerġgħu lura għall-istat li kienu fih qabel skont il-limitu ta' żmien, normalment, il-qorti tiffissa data meta hija tiddeċiedi dwar it-talba. Jekk tingħata l-awtorizzazzjoni biex l-affarijiet jerġgħu lura għall-istat li kienu fih qabel, il-proċedura tmur lura għall-qagħda li kienet fiha qabel in-nuqqas, u d-deċiżjonijiet kollha li jkunu ttieħdu mill-qorti minħabba n-nuqqas jiġu invalidati.

« Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Informazzjoni Ġenerali | Slovenja - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 08-05-2009

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit