Kummissjoni Ewropea > NGE > Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura > Rumanija

L-aħħar aġġornament: 07-05-2009
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Rumanija

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Diversi tipi ta’ skadenza applikabbli skont id-diversi regoli proċedurali f’materji ċivili 1.
2. Lista tad-diversi jiem meqjusin bħala jiem mhux tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971. 2.
3. Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għal termini ta’ żmien għad-diversi proċeduri ċivili? 3.
4. Meta jkollha titwettaq ċerta azzjoni jew formalità f’perjodu partikolari, minn meta jibda jiddekorri ż-żmien, jiġifieri l-mument inizjali li minnu l-perjodu jibda jiddekorri (terminus a quo) – ta’ dan l-att jew ta’ din il-formalità? 4.
4.1. Jista’ l-mument tal-bidu li minnu l-perjodu jibda jiddekorri jkun affettwat jew immodifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew notifika ta’ dokumenti (notifika personali minn marixxall jew minn servizz postali)? 4.1.
5. Minn meta jibda jiddekorri dan il-perjodu? 5.
5.1. Meta perjodu bħal dan ikun espress f’jiem, id-data attwali tal-att, tal-ġrajja, tad-deċiżjoni jew tad-data tan-notifika u/jew intimazzjoni li tindika l-bidu tagħhom tingħadd? 5.1.
5.2. Meta terminu ta’ żmien ikun espress f’jiem, l-għadd indikat ta’ jiem jinkludi jiem kalendarji jew jiem tax-xogħol biss? 5.2.
5.3. Dan il-perjodu meta jkun espress f’xhur jew snin? 5.3.
5.4. Meta jagħlqu dawn it-termini ta’ skadenza? 5.4.
6. Jekk il-perjodu jiskadi nhar ta’ Sibt, il-Ħadd jew fi btala pubblika jew f’jum mhux tax-xogħol, ikun estiż sal-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara? Din l-estensjoni tapplika wkoll meta l-perjodu inkwistjoni jkollu mument ta’ bidu fi ġrajja futura? 6.
7. Meta talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li tkun tinsab fit-territorju kontinentali ta’ Strat Membru (għal dawk li jkunu magħmulin minn entitajiet barra mill-metropoli jew ikollhom territorji ġeografikament separati 1), it-termini ta’ skadenza għal persuni li jgħixu/jirrisjedu barra l-pajjiż jiġu estiżi? Jekk fl-affermattiv, għal kemm żmien? 7.
8. Min-naħa l-oħra, meta talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li tkun tinsab f’waħda minn dawn l-entitajiet distinti ġeografikament mit-territorju kontinentali, it-termini ta’ skadenza jiġu estiżi għal persuni li ma jgħixux/ma jirrisjedux f’dawn l-entitajiet? 8.
9. Hemm termini ta’ żmien għal appelli li jkunu speċifiċi għal ċerti materji ċivili? 9.
10. Jistgħu l-qrati, matul emerġenza jew għal kull kawża oħra, iqassru t-termini ta’ żmien għal dehra jew jiffissaw data speċjali għal dehra? Min-naħa l-oħra, jistgħu perjodi bħal dawn ikunu estiżi? 10.
11. Meta att li jkun maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni ta’ terminu ta’ żmien jintbagħat f’post fejn dawk li jirrisjedu hemmhekk ma jibbenefikawx minn estensjoni bħal dik, dik il-parti titlef il-benefiċċju ta’ terminu ta’ żmien bħal dak? 11.
12. X’miżuri jittieħdu jekk il-perjodi ma jitħarsux? 12.
13. Jekk it-terminu ta’ skadenza jagħlaq, il-partijiet kontumaċi x’rimedji jkollhom? 13.

 

1. Diversi tipi ta’ skadenza applikabbli skont id-diversi regoli proċedurali f’materji ċivili

Pereżempju, skadenzi proċedurali, perjodi ta’ preskrizzjoni jew perjodi ta’ dekadenza, perjodi ffissati minn qabel, eċċ.

Fil-liġi ċivili, it-terminu ta’ żmien jew perjodu jirrappreżenta wieħed mill-aspetti proċedurali tal-att legali f’tifsira wiesgħa.

Fit-teorija tal-liġi ċivili, it-terminu ta’ żmien huwa ddefinit bħala ġrajja futura li jkun żgur li ser isseħħ, li sakemm iseħħ, il-bidu jew it-tmiem ta’ drittijiet suġġettivi u l-eżekuzzjoni tal-obbligi tal-liġi ċivili jkunu posposti.

Id-dispożizzjonijiet rilevanti jinsabu fl-Artikoli 1022-1025 tal-Kodiċi Ċivili jew fl-Artikoli 101-104 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

Skont l-effetti tagħhom, hemm żewġ tipi ta’ terminu ta’ żmien. It-termini suspensivi jipposponu l-bidu tal-eżerċizzju ta’ drittijiet suġġettivi u t-twettiq ta’ obbligi relatati, waqt li t-termini estintivi jiddifferixxu l-mod kif jispiċċaw dritt suġġettiv u l-eżekuzzjoni tal-obbligu relatat.

Il-prinċipju ewlieni dwar l-effetti ta’ termini ta’ żmien huwa li terminu ta’ żmien jaffettwa l-eżekuzzjoni ta’ att, mhux l-eżistenza tiegħu.

Id-diversi tipi ta’ termini ta’ żmien li japplikaw fi proċedimenti ċivili huma kklassifikati bħala ġuridiċi, ġudizzjarji, jew termini ta’ żmien miftiehma, irrispettivament minn jekk ikunux termini ta’ żmien proċedurali, termini ta’ żmien, perjodi ta’ dekadenza jew termini ta’ skadenza biex ikunu eżegwiti ċerti atti. Termini ta’ żmien statutorji huma speċifikatament stabbiliti mil-liġi. Ġeneralment ikunu fissi u, għalhekk, ma jistgħux jitqassru jew ikunu estiżi mill-qorti jew mill-partijiet fil-kawża. Termini ta’ żmien ġudizzjarji jkunu stabbiliti mill-qorti matul il-proċedimenti ġudizzjarji biex il-partijiet jidhru quddiem il-qorti, għas-smigħ ta’ xhieda, is-sottomissjoni ta’ provi, e.ż. dokumenti bil-miktub, rapporti ta’ esperti, eċċ. Termini ta’ żmien miftiehma jistgħu jkunu stabbiliti mill-partijiet matul il-proċediment (e.g. it-terminu ta’ żmien stipulat fl-Artikolu 341(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili dwar materji ta’ arbitraġġ).

FuqFuq

Mil-lat purament proċedurali, it-terminu ta’ dekadenza proċedurali huwa definit b’mod wiesa’ bħala ż-żmien li matulu għandhom ikunu eżegwiti ċerti passi proċedurali jew, bil-maqlub, iż-żmien li matulu l-eżekuzzjoni ta’ ċerti atti proċedurali tkun ipprojbita.

Termini ta’ żmien proċedurali huma obbligatorji jew projbittivi. Termini obbligatorji huma skadenza li matulha għandha titwettaq ċerta azzjoni proċedurali (e.g. perjodi ta’ dekadenza li matulhom għandu jiġi ppreżentat ċertu rikors, bħal appell inizjali jew appell finali), waqt li termini ta’ żmien projbittivi ma jippermettux li jitwettqu azzjonijiet proċedurali.

Kriterju ieħor ta’ klassifikazzjoni huwa dwar il-miżuri għal nuqqas ta’ osservanza ta’ termini ta’ żmien, u f’każijiet bħal dawn it-termini ta’ żmien huma assoluti jew relattivi. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ termini ta’ żmien assoluti fl-aħħar mill-aħħar jolqot il-validità tal-atti proċedurali, waqt li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ termini ta’ żmien relattivi (termini ta’ skadenza għall-għoti ta’ sentenzi, termini ta’ żmien biex isiru abbozzi, eċċ.) jista’ ma jinvalidax l-atti proċedurali, iżda jista’ jwassal għal miżuri dixxiplinarji jew finanzjarji għal min ikun responsabbli.

Fl-aħħar nett, skont kemm ikunu twal, it-termini ta’ żmien jistgħu jkunu espressi f’sigħat, jiem, ġimgħat u snin, kif indikat fl-Artikolu 101 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Barra minn dan, jeżistu ċirkustanzi partikolari fejn il-liġi speċifikament ma tistabbilixxix terminu ta’ żmien speċifiku (minuti, sigħat, jiem, eċċ.), u minflok hija tirreferi għal mument fiż-żmien li qabel ma jgħaddi jkun jista’ jitwettaq att proċedurali (pereżempju, eżekuzzjoni tista’ tkun ikkontestata sakemm titttieħed deċiżjoni finali ta’ eżekuzzjoni) jew tindika li l-miżura proċedurali jkollha tittieħed “mingħajr dewmien”, jew “mill-ewwel” jew “minħabba emerġenza”, kif stipulat fl-Artikoli 383, 448 u 579 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

FuqFuq

2. Lista tad-diversi jiem meqjusin bħala jiem mhux tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971.

Skont il-liġi Rumena, jiem mhux ta’ xogħol jinkludu s-Sibtijiet u l-Ħdud kollha, btajjel nazzjonali (il-Jum Nazzjonali tar-Rumanija huwa l-1 ta’ Diċembru, Jum Il-Ħaddiem – l-1 ta’ Mejju), kif ukoll il-festi reliġjużi ewlenin (il-Milied – il-25 u s-26 ta’ Diċembru – l-Għid – jumejn skont il-kalendarju Ortodoss Grieg), u l-btajjel tas-Sena l-Ġdida fl-1 u t-2 ta’ Jannar.

3. Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għal termini ta’ żmien għad-diversi proċeduri ċivili?

Ara l-liġijiet li japplikaw

Ir-regoli applikabbli dwar perjodi ta' dekadenza huma dawk stabbiliti fl-Artikoli 101-104 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili:

Artikolu 101.

  1. It-termini ta' żmien għandhom ikunu espressi bħala jiem sħaħ, mingħajr ma jingħadd il-jum li fih jibda l-perjodu u l-jum li fih jiskadi.
  2. It-termini ta' żmien espressi f'sigħat jibdew f'nofs il-lejl fil-jum ta' wara.
  3. It-termini ta' żmien espressi fi snin, xhur jew ġimgħat għandhom jiskadu fil-jum tas-sena, xahar jew ġimgħa li jkunu jikkorrispondu mal-jum tal-bidu.
  4. Terminu ta' żmien li jibda fid-29, fit-30 jew fil-31 jum ta' xahar li jiskadi f'xahar aqsar għandu jitqies li jkun intemm fl-aħħar jum tax-xahar inkwistjoni.
  5. It-termini ta' żmien li jiskadu fi btajjel pubbliċi, jew f'jiem meta x-xogħol ikun sospiż, għandhom ikunu estiżi sa tmiem il-jum tax-xogħol ta' wara.

Artikolu 102.

FuqFuq

  1. It-termini ta' żmien għandhom jibdew fid-data li fiha l-atti proċedurali jkunu ġew innotifikati jekk il-liġi ma tistipulax mod ieħor.
  2. It-termini ta' żmien għandhom jibdew mid-data tat-talba tal-parti għan-notifika tal-att.

Artikolu 103.

  1. In-nuqqas ta' preżentata ta'  appell jew li tittieħed xi azzjoni proċedurali matul it-termini ta' żmien msemmija mil-liġi jwassal għal telf ta' dritt ħlief fejn il-liġi tistipula mod ieħor jew il-parti turi bil-provi li minħabba ċirkustanzi li ma kellhiex kontroll fuqhom hija ma setgħetx tagħmel hekk.
  2. F'dan l-aħħar każ, l-azzjoni proċedurali għandha tittieħed fi żmien 15-il jum mid-data tat-tneħħija tal-impediment; fi żmien l-istess perjodu għandha tingħata spjegazzjoni tal-kawża tal-impediment.

Artikolu 104. - Għal dokumenti proċedurali mibgħuta lill-qorti bil-posta, it-terminu ta' żmien jitqies li jkun tħares jekk dawn ikunu rreġistrati biex jitwasslu bil-posta qabel ma jkun skada t-terminu ta' żmien.

4. Meta jkollha titwettaq ċerta azzjoni jew formalità f’perjodu partikolari, minn meta jibda jiddekorri ż-żmien, jiġifieri l-mument inizjali li minnu l-perjodu jibda jiddekorri (terminus a quo) – ta’ dan l-att jew ta’ din il-formalità?

(Pereżempju: id-data tal-att, tal-ġrajja, tad-deċiżjoni jew tad-data tan-notifika u/jew intimazzjoni li minnha l-perjodu jkun qed jiddekorri).

Kull terminu jkollu l-bidu tiegħu, kif ukoll tmiem stabbilit li jkunu mifrudin b'perjodu ta' żmien.

Dwar il-mument tal-bidu, l-Artikolu 102(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jistipula li l-perjodi ta' dekadenza jibdew jiddekorru mid-data li fiha l-atti proċedurali jkunu nnotifikati, jekk il-liġi ma tistipulax mod ieħor.

FuqFuq

Hemm ukoll każijiet meta l-att stabbilit bħala l-mument tal-bidu tat-terminu ta' żmien jista' jinbidel b'atti oħra ekwivalenti. Għalhekk l-Artikolu 102(2) jistipula li t-termini ta' żmien ġeneralment jibdew jiddekorru għall-parti li tkun talbet li ssir in-notifika, mid-data li fiha tkun saret it-talba b'mod speċifiku u espliċitu. Barra minn dan, fit-tieni u t-tielet subartikoli tal-Artikolu 284 u l-Artikolu 301 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, it-terminu ta' żmien għal appell jew għal appell finali jiddekorri wkoll jekk id-deċiżjoni tkun innotifikata fl-istess żmien mal-avviż ta' eżekuzzjoni, u jekk parti tippreżenta appell inizjali jew finali qabel in-notifika tad-deċiżjoni, id-deċiżjoni titqies li tkun ġiet innotifikata fid-data tar-rikors għall-appell inizjali jew finali. Għaldaqstant, id-data tan-notifika li turi l-bidu tal-perjodu tinbidel f'każijiet bħal dawn ma' atti oħra li jistabbilixxu l-mument tal-bidu tal-perjodu (pereżempju, talba għal notifika tal-att mill-kontroparti, il-preżentata ta' appell jew appell finali jew in-notifika tal-avviż ta' eżekuzzjoni ta' sentenza).

B'eċċezzjoni għar-regola ġenerali msemmija fl-Artikolu 102(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, hemm ukoll każijiet meta l-perjodi jibdew jiddekorru fi żminijiet barra dawk tad-data ta' notifika, jiġifieri mal-għoti tas-sentenza (l-aħħar subartikolu tal-Artikolu 22, l-Artikolu 252 u l-Artikolu 281 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili), malli x-xhieda tkun ammessa (Artikolu 170 jew Artikolu 186 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili) u malli ċerti atti jkun ppubblikati (Artikolu 507 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).

Il-mument li fih jintemm il-perjodu huwa ddefinit bħala l-mument meta terminu ta' żmien ikollu effett, jiġifieri meta l-att li għalih it-terminu ta' żmien kien stabbilit ma jistax jiġi eżegwit aktar (bħal fil-każ ta' termini ta' żmien tassattivi) jew, għall-kuntrarju, bħala l-mument meta d-dritt li jittieħdu ċerti miżuri proċedurali jkun jista' jiġi eżerċitat (bħal fil-każ ta' termini ta' żmien projbittivi).

FuqFuq

4.1. Jista’ l-mument tal-bidu li minnu l-perjodu jibda jiddekorri jkun affettwat jew immodifikat mill-metodu ta’ trażmissjoni jew notifika ta’ dokumenti (notifika personali minn marixxall jew minn servizz postali)?

Bħala regola, il-perjodi jiddekorru mingħajr interruzzjoni bejn il-mument tal-bidu u l-mument stabbilit għat-tmiem, u ma jistgħux ikunu interrotti jew sospiżi. Bħal fil-każ tal-preskrizzjoni, il-liġi tal-proċedura ċivili ma tipprovdix għal sistema ġenerali għall-interruzzjoni ta’ perjodi għal proċeduri, iżda skont it-teorija legali u l-każistika, għall-iskadenzi kollha proċedurali li bihom ikollha tittieħed miżura proċedurali, ċirkustanzi li l-parti ma jkollhiex kontroll fuqhom – kif jingħad fl-Artikolu 103 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili – jkunu bażi għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ żmien. Jeżistu każijiet oħra speċjali għall-interruzzjoni, pereżempju t-terminu ta’ żmien għal appell kontra l-Artikoli  285-286 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) jew ta’ perjodi ta’ dekadenza (l-Artikolu 249 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili). Fl-istess waqt, il-liġi tistipula li l-perjodi ta’ dekadenza proċedurali/statutorji jistgħu jkunu sospiżi (fil-każ tal-perjodu ta’ dekadenza fl-Artikolu 250 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili). Fil-każijiet kollha ta’ interruzzjoni, terminu ta’ żmien ġdid jibda jiddekorri, irrispettivament miż-żmien li jkun iddekorra qabel l-interruzzjoni. Jekk il-perjodu jkun interrott skont l-Artikolu 103(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, jibda perjodu ġdid ta’ 15–il jum wara li jkun tneħħa l-impediment, irrispettivament minn kemm ikun dam il-perjodu ta’ interruzzjoni. F’każ ta’ sospensjoni, it-terminu ta’ żmien ikompli jiddekorri minn meta jkun ġie interrott, inkluż iż-żmien li jkun għadda qabel s-sospensjoni.

FuqFuq

Biex nikkonkludu, skont l-Artikolu 104 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, meta dokumenti jintbagħtu bil-posta jew bil-marixxall, lill-qorti jew mingħandha, it-terminu ta’ żmien jitqies li jkun ġie rrispettat jekk id-dokumenti jkunu rreġistrati biex jintbagħtu bil-posta qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ żmien. Għalhekk, bħala regola, il-mument tal-bidu ta’ terminu ta’ żmien ma jistax ikun affettwat jew immodifikat bil-mod li d-dokumenti jintbagħtu jew ikunu nnotifikati (imwassla minn marixxall jew innotifikati bil-posta); iżda, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, din il-proċedura tista’ tiġi affettwata minn ċirkustanzi esterni lil hinn mill-kontroll tal-parti, f’liema każ japplikaw ir-regoli msemmijin fil-paragrafu ta’ qabel dan.

5. Minn meta jibda jiddekorri dan il-perjodu?

5.1. Meta perjodu bħal dan ikun espress f’jiem, id-data attwali tal-att, tal-ġrajja, tad-deċiżjoni jew tad-data tan-notifika u/jew intimazzjoni li tindika l-bidu tagħhom tingħadd? 

Skont l-Artikolu 101(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, il-perjodi espressi f’jiem huma kkalkulati skont sistema speċjali, jiġifieri abbażi ta’ jiem sħaħ, esklużi kemm l-ewwel jum tal-perjodu – dies a quo – kif ukoll l-aħħar – dies ad quem; japplikaw ir-regoli stipulati għall-mument tal-bidu kif indikati fl-Artikolu 4.

[Iż-żmien tal-bidu għal kull terminu ta’ żmien jiddependi b’xi mod mill-irċevuta tal-azzjoni jew minn meta l-azzjoni ssir magħrufa minn min jirċevieha? Jekk fl-affermattiv, kif?

Il-perjodi espressi f’jiem ikunu dejjem ikkalkulati f’jiem sħaħ iżda d-dokument/l-att jista’ jkun ippreżentat biss meta l-qorti tkun miftuħa għall-pubbliku. Biex din l-problema tkun evitata, id-dokument proċedurali jista’ jintbagħat bil-posta, billi l-iskrivan tal-uffiċċju tal-posta jispeċifika d-data u l-metodu li bihom id-dokument ikun intbagħat lid-destinatarju.

FuqFuq

5.2. Meta terminu ta’ żmien ikun espress f’jiem, l-għadd indikat ta’ jiem jinkludi jiem kalendarji jew jiem tax-xogħol biss?

Pereżempju, jekk persuna jkollha taġixxi jew tkun innotifikata b'dokument nhar it-Tnejn, 4 ta' April 2005, u hija tintalab twieġeb fi żmien 14-il jum min-notifika, dan ifisser li hija għandha twieġeb qabel:

  1. it-Tnejn, 18 ta' April (jiem kalendarji) jew
  2. il-Ġimgħa, 22 ta' April (jiem tax-xogħol)?

It-tweġiba t-tajba hija li l-persuna inkwistjoni għandha twieġeb sat-18 ta' April.

5.3. Dan il-perjodu meta jkun espress f’xhur jew snin?

Skont s-subartikoli 3-5 tal-Artikolu 101 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, perjodi espressi fi snin, xhur jew ġimgħat jintemmu fil-jum tas-sena, xahar jew ġimgħa li jkunu jikkorrispondu mal-jum tal-bidu tal-perjodu.

Perjodu li jibda fid-29, fit-30 jew fil-31 jum ta’ xahar partikolari u li jintemm f’xahar aqsar jitqies li jkun intemm fl-aħħar jum tax-xahar inkwistjoni.

Perjodu ta’ dekadenza li jintemm fi btala pubblika jew meta jkun sospiż ix-xogħol, ikun estiż sa tmiem il-jum tax-xogħol ta’ wara.

5.4. Meta jagħlqu dawn it-termini ta’ skadenza?

Perjodi espressi f’ġimgħat, xhur u snin jintemmu fil-jum tal-ġimgħa, xahar jew sena li jikkorrispondi mal-jum tal-bidu. Skont l-Artikolu 101(4) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, perjodu li jibda fid-29, it-30 u l-31 jum ta’ xahar u jintemm f’xahar iqsar jitqies li jkun intemm fl-aħħar jum tax-xahar inkwistjoni. Irrispettivament mil-mod li bih ikunu stabbiliti l-perjodi, perjodu li jintemm fi btala pubblika jew meta x-xogħol ikun sospiż, ikun estiż sa tmiem il-jum tax-xogħol ta’ wara. Għaldaqstant, f’każ bħal dan, btajjel pubbliċi f’dak il-perjodu jingħaddu.

FuqFuq

Jeżistu mumenti tal-bidu għal termni ta’ żmien li japplikaw eċċezzjonalment jew partikolarment f’ċerti proċeduri ċivili?

Iva, hemm mumenti speċjali ta’ bidu li mhumex affettwati mid-data tan-notifika tad-dokument iżda minn mumenti identifikabbli preċedenti, kemm fil-proċedura ċivili, kif ukoll fil-liġi ċivili b’mod ġenerali.

6. Jekk il-perjodu jiskadi nhar ta’ Sibt, il-Ħadd jew fi btala pubblika jew f’jum mhux tax-xogħol, ikun estiż sal-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara? Din l-estensjoni tapplika wkoll meta l-perjodu inkwistjoni jkollu mument ta’ bidu fi ġrajja futura? 

Irrispettivament mill-mod kif ikunu stabbiliti l-perjodi, perjodu li jintemm fi btala pubblika, jew meta x-xogħol ikun sospiż, ikun estiż sa tmiem il-jum tax-xogħol ta’ wara. Għaldaqstant, f’każ bħal dan, il-btajjel pubbliċi f’dak il-perjodu jingħaddu.

7. Meta talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li tkun tinsab fit-territorju kontinentali ta’ Strat Membru (għal dawk li jkunu magħmulin minn entitajiet barra mill-metropoli jew ikollhom territorji ġeografikament separati 1), it-termini ta’ skadenza għal persuni li jgħixu/jirrisjedu barra l-pajjiż jiġu estiżi? Jekk fl-affermattiv, għal kemm żmien? 

8. Min-naħa l-oħra, meta talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li tkun tinsab f’waħda minn dawn l-entitajiet distinti ġeografikament mit-territorju kontinentali, it-termini ta’ skadenza jiġu estiżi għal persuni li ma jgħixux/ma jirrisjedux f’dawn l-entitajiet? 

9. Hemm termini ta’ żmien għal appelli li jkunu speċifiċi għal ċerti materji ċivili? 

Iva, hemm termini ta’ żmien speċifiċi għal ċerti oqsma tal-liġi, pereżempju, fi kwistjonijiet industrijali, fejn it-termini ta’ żmien għall-kawża u l-preżentata ta’ appelli jitqassru; dan huwa minnu wkoll għal proċeduri ġudizzjarji skont l-Att Nru 248/2005 dwar il-moviment liberu ta’ persuni.

FuqFuq

Hemm ukoll perjodi aqsar mis-soltu f’ċerti materji relatati mal-ordni ta’ imħallef skont l-Artikoli 581-582 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

10. Jistgħu l-qrati, matul emerġenza jew għal kull kawża oħra, iqassru t-termini ta’ żmien għal dehra jew jiffissaw data speċjali għal dehra? Min-naħa l-oħra, jistgħu perjodi bħal dawn ikunu estiżi? 

It-tweġiba hija fl-affermattiv. F’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali, imħallef jista’ skont il-liġi, jestendi l-perjodu (pereżempju, l-Artikolu 303(5) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili – fil-każ tat-tieni appell/appell finali), jew iqassarhom (pereżempju, l-Artikolu 89(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili – dwar it-terminu ta’ żmien għan-notifika ta’ mandat ta’ taħrika ta’ xhud). Dawn il-perjodi jissejħu termini ta’ żmien statutorji imperfetti.

11. Meta att li jkun maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn hija tibbenefika minn estensjoni ta’ terminu ta’ żmien jintbagħat f’post fejn dawk li jirrisjedu hemmhekk ma jibbenefikawx minn estensjoni bħal dik, dik il-parti titlef il-benefiċċju ta’ terminu ta’ żmien bħal dak?

Dan huwa kopert mir-regoli proċedurali li japplikaw fil-lex fori, jiġifieri r-regoli ta’ proċedura applikati mill-qorti li taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha jkun jaqa’ l-każ. 

12. X’miżuri jittieħdu jekk il-perjodi ma jitħarsux? 

Kif intqal qabel, jekk termini assoluti ta' żmien ma jitħarsux, fl-aħħar mill-aħħar tkun affettwata l-validità tal-atti proċedurali; jekk termini relattivi ta' żmien ma jitħarsux - ukoll jekk ma jwasslux neċessarjament biex l-atti proċedurali isiru nulli u bla effett - jistgħu jwasslu għal miżuri dixxiplinari u finanzjarji għal dawk responsabbli (termini ta' żmien għall-għoti ta' sentenzi, termini ta' żmien biex ikunu abbozzati deċiżjonijiet, eċċ.).

Is-sistema ta' miżuri applikabbli f'każ fejn ma jiġux imħarsa l-perjodi ta' dekadenza proċedurali hija magħmula minn:

  • L-annullament tal-att proċedurali;
  • It-telf tal-jedd għat-terminu ta' żmien stipulat għall-eżekuzzjoni tal-att;
  • L-iskadenza taż-żmien biex it-talba tkun indirizzata lill-qorti;
  • Il-preskrizzjoni tad-dritt għal servizz ta' eżekuzzjoni;
  • Multi;
  • Miżuri dixxiplinari;
  • L-obbligu biex l-att magħmul mingħajr il-ħarsien tar-rekwiżi legali jsir mill-ġdid jew jitlesta;
  • L-obbligu li jitħallsu danni lill-parti li tkun soffriet dannu minħabba l-ksur ta' rekwiżiti proċedurali.

13. Jekk it-terminu ta’ skadenza jagħlaq, il-partijiet kontumaċi x’rimedji jkollhom?

F’każ bħal dan, il-miżura applikabbli tkun it-telf tal-jedd li jista’ jingħata rimedju mill-imħallef skont l-Artikolu 103 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili; il-parti kkonċernata għandha tapplika biex it-terminu ta’ żmien ikun stabbilit mill-ġdid, billi jiġu ppreżentati ċ-ċirkustanzi u l-provi li ma ppermettex li jiġi mħares il-perjodu ta’ dekadenza. Ċirkustanzi bħal dawn għandhom ikunu insuperabbli u lil hinn mill-kontroll tal-parti.

Aktar tagħrif

[1] Pereżempju, il-Gżejjer Ażores jew il-Madeira tal-Portugall, id-Dipartimenti u t-Territorji Barranin ta’ Franza, Il-Gżejjer Kanarji ta’ Spanja, eċċ.

« Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Informazzjoni Ġenerali | Rumanija - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 07-05-2009

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit