Kummissjoni Ewropea > NGE > Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura > Portugall

L-aħħar aġġornament: 08-04-2009
Verżjoni għall-istampar Immarka din il-paġna

Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Portugall

 

LISTA TAL- KONTENUT

1. Diversi tipi ta’ skadenzi applikabbli skont id-diversi regoli proċedurali f’materji ċivili 1.
2. Lista tad-diversi jiem meqjusa bħala jiem mhux tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971 2.
3. Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għal skadenzi għad-diversi proċeduri ċivili? 3.
4. Meta att jew formalità jkollhom jitwettqu fi żmien perjodu definit, minn meta jibda dak il-perjodu - i.e. il-mument inizjali li minnu l-perjodu jibda jiddekorri ("terminus a quo") – ta’ dan l-att jew ta’ din il-formalità? 4.
4.a) Jista’ l-punt tal-bidu li minnu jibda jiddekorri l-perjodu jiġi affettwat jew mibdul bil-metodu ta’ trażmissjoni jew notifika ta’ dokumenti (notifika personali minn purtier jew notifika bil-posta?) 4.a)
5. Minn meta jibda jiddekorri dan il-perjodu: 5.
5.a) Meta perjodu bħal dan ikun espress f’jiem, id-data attwali tal-att, tal-avveniment, tad-deċiżjoni jew tad-data ta’ notifika u/jew intimazzjoni li jibdewh tgħodd? 5.a)
5.a)1. Iż-żmien tal-bidu għal kull skadenza jiddependi b’xi mod minn irċevuta mid-destinatarju jew minn għarfien tal-azzjoni minnu. Jekk huwa hekk, kif? 5.a)1.
5.b) Meta skadenza tkun esprerssa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat jinkludi jiem kalendarji jew jiem tax-xogħol biss? 5.b)
5.c) Meta perjodu bħal dan ikun espress f’xhur jew snin? 5.c)
5.d) Meta jiskadu dawn it-termini? Jeżistu punti tal-bidu ta’ skadenzi li japplikaw bħala eċċezzjoni jew b’mod partikolari f’ċerti proċeduri ċivili? 5.d)
6. Jekk il-perjodu jiskadi nhar ta’ Sibt, il-Ħadd jew fi btala pubblika jew f’jum mhux tax-xogħol, ikun estiż sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss? Din l-estensjoni tapplika wkoll meta l-perjodu inkwistjoni jkollu avveniment fil-ġejjieni bħala punt tal-bidu? 6.
7. Meta t-talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li jkollha s-sede tagħha fit-territorju kontinentali tal-Istat Membru (għal dawk li jinkludu entitajiet barra l-metropoli jew li jkollhom entitajiet separati ġeografikament), l-iskadenzi jitwalu għal persuni li joqogħdu/jirresjedu f’waħda minn dawk l-entitajiet jew għal dawk li joqogħdu/jirresjedu barra l-pajjiż? Jekk fl-affermattiv, għal kemm tul? 7.
8. Bil-maqlub, meta t-talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li jkollha s-sede tagħha f’waħda minn dawk l-entitajiet li jkunu ġeografikament distinti mit-territorju kontinentali, l-iskadenzi jitwalu għal persuni li ma jgħixux/jirresjedux f’dawn l-entitajiet jew għal persuni li jgħixu/jirresjedu barra l-pajjiż? 8.
9. Hemm skadenzi għal appelli b’mod speċifiku għal ċerti materji ċivili? 9.
10. Jistgħu il-qrati, f’emerġenza jew għal kull kawża oħra, iqassru t-terminu għal dehra jew jiffissaw data speċjali għal dehra? Bil-maqlub, jistgħu perjodi bħal dawn ikunu estiżi? 10.
11. Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn huwa/hija jistgħu jgawdu minn estensjoni ta’ terminu, ikun innotifikat f’post fejn dawk li jkunu residenti hemm ma jgawdux minn estensjoni bħal dik, din il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ terminu bħal dan? 11.
12. X’inhuma s-sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-perjodi? 12.
13. Jekk it-terminu jiskadi, x’rimedji hemm għall-partijiet li jkunu naqsu? 13.

 

1. Diversi tipi ta’ skadenzi applikabbli skont id-diversi regoli proċedurali f’materji ċivili

Ma jistax ikun miċħud li ż-żmien għandu impatt fuq kwistjonijiet legali. F’materji ċivili, sitwazzjonijiet legali jintlaqtu u huma kkontrollati minn żewġ tipi differenti ta’ skadenza: ċivili u proċedurali. L-iskadenzi huma soġġetti għar-regoli u l-metodi tagħhom stess ta’ kalkolu skont jekk ikunux sostantivi jew proċedurali.

Jekk ma jingħadx espressament mod ieħor, l-iskadenzi stabbiliti bil-liġi huma ċivili.

Fir-rigward ta’ skadenzi f’materji ċivili, id-dritt Portugiż jagħmel referenza speċifika għal perijodi ta’ preskrizzjoni, dekadenza u nuqqas ta’ użu (Artikolu 298 tal-Kodiċi Ċivili).

Id-dritt li tkun invokata l-preskrizzjoni jseħħ meta d-detentur ta’ dritt partikolari ma jkunx eżerċita dak id-dritt matul perjodu statutorju, bil-kondizzjoni li dan id-dritt ikun jista’ jinkiseb liberament mid-detentur tiegħu u ma jkunx eżentat mil-liġi. L-importanza taċ-ċertezza u s-sikurezza ta’ relazzjonijiet legali hija, għalhekk, riaffermata billi l-eżerċizzju ta’ drittijiet ma jitħalliex pendenti indefinittivament. Il-preskrizzjoni għandha tkun invokata mill-persuna li tibbenefika minnha; ma tistax titqajjem mill-qorti fuq inizjattiva tagħha stess.

Strettament, dak li l-preskrizzjoni tfisser huwa li dritt jew sitwazzjoni legali awtomatikament ma jibqgħux japplikaw; id-dekadenza ta’ perjodu tfisser il-waqfien, mingħajr effett retroattiv, meta l-perjodu speċifikat jiskadi.

Jekk tkun stabbilita f’materji li ma jkunux fid-diskrezzjoni tal-partijiet, l-iskadenza ta’ perjodu titqajjem mill-qorti fuq inizjattiva tagħha stess u tista’ tintalab f’kull stadju tal-proċediment. Jekk tkun stabbilita f’materji fid-diskrezzjoni tal-partijiet, għandha tkun invokata fil-qorti jew barra mill-qorti biex tkun effikaċi.

FuqFuq

In-nuqqas ta’ użu tfisser in-nuqqas ta’ eżerċizzju ta’ dritt għall-użu totali jew parzjali ta’ xi ħaġa, i.e. it-tgawdija tal-benefiċċji jew tal-vantaġġi ekonomiċi tagħha, matul perjodu statutorju. Dan iġib miegħu l-estinzjoni tad-dritt korrispondenti.

In-nuqqas ta’ użu ma jistax jitqajjem mill-qorti fuq inizjattiva tagħha stess.

Skadenzi proċedurali huma stabbiliti mil-liġi biex iħallu effett speċifiku fuq proċediment (pereżempju, l-iskadenzi biex jinbdew proċedimenti jew għal oppożizzjoni).

Jekk id-dritt biex jitwettaq att jispiċċa, l-iskadenza proċedurali hija mandatorja. Jekk il-possibbiltà li att jitwettaq jew li ż-żmien biex jibda perjodu ieħor ikun jista’ jiġi differit għal waqt speċifiku fiż-żmien, l-iskadenza tkun estendibbli.

Skadenza proċedurali tista’ tkun stabbilita mil-liġi jew b’ordni tal-qorti.

2. Lista tad-diversi jiem meqjusa bħala jiem mhux tax-xogħol skont ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971

Jiem mhux tax-xogħol fil-Portugall skont ir-Regolament imsemmi hawn fuq jinkludu:

L-1 ta' Jannar, Il-Ġimgħa l-Kbira (id-data tvarja minn sena għall-oħra; fl-2005 kienet il-25 Marzu), Il-25 ta' April, L-1 ta' Mejju, Corpus Christi (id-data tvarja minn sena għal oħra; fl-2005 kienet is-26 ta' Mejju), L-10 ta' Ġunju, Il-15 ta' Awwissu, Il-5 ta' Ottubru, L-1 ta' Novembru, L-1 ta' Diċembru, It-8 ta' Diċembru, Il-25 ta' Diċembru

3. Liema huma r-regoli ġenerali li japplikaw għal skadenzi għad-diversi proċeduri ċivili?

Ir-regola ġenerali fil-liġi Portugiża tal-proċedura ċivili hija li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika, l-iskadenza hija ta’ 10 jiem għall-partijiet biex japplikaw għal kull att jew proċediment ġudizzjarju, talba ta’ nullità, preżentata ta’ talba inċidentali jew biex jeżerċitaw kull dritt ieħor proċedurali; l-iskadenza hija wkoll ta’ 10 jiem għall-parti biex twieġeb għal talba tal-parti l-oħra (Artikolu 153(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

FuqFuq

4. Meta att jew formalità jkollhom jitwettqu fi żmien perjodu definit, minn meta jibda dak il-perjodu - i.e. il-mument inizjali li minnu l-perjodu jibda jiddekorri ("terminus a quo") – ta’ dan l-att jew ta’ din il-formalità?

Bħala regola, iż-żmien tal-bidu għal kull risposta huwa dejjem in-notifika tal-att inkwistjoni (Artikolu 153(2)).

In-notifiki lill-partijiet matul il-proċedimenti jsiru lir-rappreżentanti legali tagħhom. Meta l-għan tan-notifika jkun stedina lil parti biex tidher personalment, barra min-notifika lir-rappreżentant, jintbagħat ukoll avviż bil-posta b’konsenja rreġistrata lill-parti nfisha, li jindika d-data, il-post u l-għan tad-dehra. Ir-rappreżentanti jiġu nnotifikati b’ittra b’konsenja rreġistrata mibgħuta lill-uffiċċju tagħhom jew fl-indirizz magħżul għal notifika. Jistgħu jkunu notifikati wkoll personalment mill-marixxall meta jkunu jinsabu fil-bini tal-qorti. Notifika bil-posta tkun preżunta li saret fit-tielet jum wara d-data tar-reġistrazzjoni tal-ittra jew fl-ewwel jum tax-xogħol wara dan jekk dak il-jum ma jkunx jum tax-xogħol. Notifika bil-posta elettronika tkun preżunta li twettqet fid-data meta tintbagħat, ċertifikata kif imiss.

Fil-każijiet imsemmijin hawn fuq, l-iskadenza tibda tiddekorri, għalhekk, minn meta n-notifika tkun preżunta li twettqet. Iżda l-persuna li tkun qed tiġi nnotifikata tista’ dejjem turi li n-notifika ma kinitx twettqet fiż-żmien preżunt għal raġunijiet lilhinn mill-kontroll tagħha (Artikoli 253 u 254).

Notifika b’ittra b’konsenja reġistrata, b’avviż ta’ rċevuta, titqies li tkun saret fil-jum li fih l-avviż ta’ rċevuta jkun iffirmat u magħmul mill-persuna li kellha tkun notifikata ukoll jekk l-avviż ta’ rċevuta jkun iffirmat minn terza persuna (Artikolu 238(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

FuqFuq

Jekk il-persuna li tkun qed tiġi nnotifikata tirrifjuta li tiffirma l-avviż ta’ rċevuta jew li tirċievi l-ittra, il-pustier jirreġistra l-inċident qabel ma jieħu lura l-ittra. F’din is-sitwazzjoni, l-avveniment rilevanti li minnu l-perjodu jibda jiddekorri jkun id-data meta l-inċident ikun irreġistrat (Artikolu 237(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Jekk l-ittra tittieħed lura minħabba li d-destinatarju ma jkunx ġabar l-ittra mill-uffiċċju tal-posta fiż-żmien tat-terminu statutorju jew minħabba li persuna li ma tkunx il-persuna li tkun qed tiġi nnotifikata tirrifjuta li tiffirma l-avviż ta’ rċevuta jew li tirċievi l-ittra, in-notifika terġa’ ssir mill-ġdid u tintbagħat ittra oħra rreġistrata b’avviż ta’ rċevuta lill-persuna li tkun qed tiġi nnotifikata, li twissiha bil-konsegwenzi legali. F’dan il-każ, titħalla l-istess ittra, b’formola approvata uffiċjalment, li jkollha kopja tal-informazzjoni obbligatorja kollha, u l-pustier għandu jirreġistra d-data u l-post eżatt fejn l-ittra kienet impustata u għandu minnufih jgħaddi din ir-reġistrazzjoni tan-notifika lill-qorti. Jekk ma jkunx possibbli li l-ittra tkun impustata fil-kaxxa tal-ittri tal-persuna li tkun qed tiġi nnotifikata, il-pustier iħalli avviż lid-destinatarju. F’din is-sitwazzjoni, in-notifika titqies li tkun saret fid-data rreġistrata mill-pustier jew, jekk ikun tħalla avviż, fit-tmien jum wara dik id-data, u jkun minn dak il-waqt li l-iskadenza proċedurali mibdija man-notifika tibda tiddekorri (Artikoli 237 u 238 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Meta notifika ssir permezz ta’ rappreżentant legali, marixxall tal-qorti jew skrivan tal-qorti, l-iskadenza tibda tiddekorri minn meta l-persuna li tkun qed tiġi nnotifikata tiffirma r-reġistrazzjoni tan-notifika (Artikoli 239 u 245 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

FuqFuq

Il-liġi proċedurali ċivili tipprovdi għal estensjoni (perjodu addizzjonali mogħti mil-leġiżlatur) biex tkun riflessa d-distanza ġeografika bejn il-post tan-notifika u l-qorti fejn il-kawża tkun qed tinstema’ jew il-fatt li l-persuna li tkun qed tiġi nnotifikata ma tkunx ġiet innotifikata personalment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, iż-żmien mandatorju jibda jiddekorri biss malli tintemm din l-estensjoni.

In-notifika ssir permezz ta’ avviżi pubbliċi u dikjarazzjonijiet meta ma jkunx ċert fejn il-persuna li tkun qed tiġi nnotifikata tkun tinsab. F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-notifika titqies li tkun saret fil-jum li fih tkun ġiet ippubblikata l-aħħar dikjarazzjoni jew, jekk ma jkunx hemm dikjarazzjonijiet, fil-jum tal-affissjoni tal-avviżi pubbliċi; l-iskadenza biex tintbagħat difiża tibda tiddekorri malli tintemm l-estensjoni legali tal-iskadenza (Artikoli 248 u 250 tal-Kodiċi).

4.a) Jista’ l-punt tal-bidu li minnu jibda jiddekorri l-perjodu jiġi affettwat jew mibdul bil-metodu ta’ trażmissjoni jew notifika ta’ dokumenti (notifika personali minn purtier jew notifika bil-posta?)

Iva. Ara t-tweġiba għall-mistoqsija ta’ qabel.

5. Minn meta jibda jiddekorri dan il-perjodu:

5.a) Meta perjodu bħal dan ikun espress f’jiem, id-data attwali tal-att, tal-avveniment, tad-deċiżjoni jew tad-data ta’ notifika u/jew intimazzjoni li jibdewh tgħodd?

Meta perjodu bħal dan ikun espress f’jiem, l-iskadenza tibda tiddekorri mill-jum wara d-data tan-notifika, notifika jew l-avveniment rilevanti li jkun ta bidu għall-iskadenza.

FuqFuq

Id-data attwali tal-att, avveniment, deċiżjoni jew data tan-notifika u/jew intimazzjoni li jibda l-iskadenza ma jgħoddx.

5.a)1. Iż-żmien tal-bidu għal kull skadenza jiddependi b’xi mod minn irċevuta mid-destinatarju jew minn għarfien tal-azzjoni minnu. Jekk huwa hekk, kif?

Iva. It-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija 4 tapplika hawn ukoll.

5.b) Meta skadenza tkun esprerssa f’jiem, l-għadd ta’ jiem indikat jinkludi jiem kalendarji jew jiem tax-xogħol biss?

L-iskadenza proċedurali stipulata mil-liġi jew stabbilita b’ordni tal-qorti tkun kontinwa. Iżda tkun sospiża matul btajjel ġudizzjarji, sakemm ma ddumx għal sitt xhur jew aktar jew fil-każ ta’ atti fi proċedimenti kklassifikati statutorjament bħala urġenti. Meta l-iskadenza biex jitwettaq att proċedurali jintemm f’jum meta l-qrati jkunu magħluqin, il-perjodu jkun estiż għall-jum tax-xogħol li jkun imiss (Artikolu 144 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Isegwi li, ħlief għall-perjodu ta’ btajjel ġudizzjarji, l-iskadenza proċedurali tinkludi l-jiem kollha kalendarji għalkemm l-att ikun jista’ jitwettaq fil-jum tax-xogħol ta’ wara l-jum tat-tmiem tal-perjodu jekk jiġi f’jum meta l-qorti tkun magħluqa.

Il-btajjel ġudizzjarji jibdew mit-22 ta’ Diċembru sat-3 ta’ Jannar, minn Ħadd il-Palm sat-Tnejn ta’ wara l-Għid u mill-1 sal-31 ta’ Awwissu.

Jekk, pereżempju, fi proċediment persuna jkollha tirreaġixxi fi żmien 14-il jum għal dokument innotifikat fl-4 ta’ April 2005, huwa jew hija għandhom iwieġbu qabel it-18 ta’ April.

FuqFuq

5.c) Meta perjodu bħal dan ikun espress f’xhur jew snin?

Meta perjodu bħal dan ikun espress f’xhur jew snin, il-punt tal-bidu jkun determinat bl-istess mod, jiġifieri l-perjodu jibda jiddekorri mill-jum wara d-data tas-servizz, in-notifika jew l-avveniment rilevanti jagħtih bidu.

5.d) Meta jiskadu dawn it-termini? Jeżistu punti tal-bidu ta’ skadenzi li japplikaw bħala eċċezzjoni jew b’mod partikolari f’ċerti proċeduri ċivili?

Skadenza espressa f'jiem timtemm wara li l-għadd ta' jiem tal-perjodu jingħadd mal-punt tal-bidu, kif deskritt fit-tweġiba għall-mistoqsija 5b).

Perjodu espress f'ġimgħat, xhur jew snin u li jibda minn ċertu data jintemm fl-24.00 (nofsillejl) tal-jum korrispondenti fl-aħħar ġimgħa, xahar jew sena, iżda jekk il-jum korrispondenti ma jkunx jeżisti fl-aħħar xahar, il-perjodu jintemm fl-aħħar jum ta' dak ix-xahar (Artikolu 279(c) tal-Kodiċi Ċivili).

M'hemmx, għalhekk, punti tal-bidu li japplikaw bħala eċċezzjoni jew b'mod speċifiku.

6. Jekk il-perjodu jiskadi nhar ta’ Sibt, il-Ħadd jew fi btala pubblika jew f’jum mhux tax-xogħol, ikun estiż sal-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss? Din l-estensjoni tapplika wkoll meta l-perjodu inkwistjoni jkollu avveniment fil-ġejjieni bħala punt tal-bidu?

Il-qrati jiftħu biss fi ġranet tax-xogħol.

Ir-regola li biha jkunu kkalkulati t-termini kollha hija li t-tmiem tal-perjodu biex isir l-att proċedurali jkun estiż għal jum tax-xogħol li jkun imiss jekk jiġi f’data meta l-qrati jkunu magħluqin.

FuqFuq

7. Meta t-talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li jkollha s-sede tagħha fit-territorju kontinentali tal-Istat Membru (għal dawk li jinkludu entitajiet barra l-metropoli jew li jkollhom entitajiet separati ġeografikament), l-iskadenzi jitwalu għal persuni li joqogħdu/jirresjedu f’waħda minn dawk l-entitajiet jew għal dawk li joqogħdu/jirresjedu barra l-pajjiż? Jekk fl-affermattiv, għal kemm tul?

L-avveniment rilevanti f’din is-sitwazzjoni huwa l-post tan-notifika u mhux il-post ta’ residenza.

Skont il-liġi proċedurali ċivili Portugiża, il-perjodu normali ta’ żmien ikun estiż bi 15-il jum meta d-dokument ikun innotifikat lill-konvenut fit-territorju tar-Reġjuni Awtonomi u l-proċediment isir fit-territorju kontinentali jew fi gżira oħra, jew bil-maqlub, jew bi tletin jum meta d-dokument ikun innotifikat lill-konvenut barra l-pajjiż (Artikolu 252A tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

F’ċerti sitwazzjonijiet imsemmijin mil-liġi, dawn ir-regoli japplikaw għal notifiki (Artikolu 252 tal-Kodiċi).

8. Bil-maqlub, meta t-talba tittieħed f’ġuriżdizzjoni li jkollha s-sede tagħha f’waħda minn dawk l-entitajiet li jkunu ġeografikament distinti mit-territorju kontinentali, l-iskadenzi jitwalu għal persuni li ma jgħixux/jirresjedux f’dawn l-entitajiet jew għal persuni li jgħixu/jirresjedu barra l-pajjiż?

Hawn ukoll, mhux il-post tar-residenza iżda dak tan-notifika huwa rilevanti. L-estensjonijiet imsemmijin fit-tweġiba għall-mistoqsija ta’ qabel japplikaw ukoll fiċ-ċirkustanzi deskritti hawn jekk il-persuna li tkun qed jiġi nnotifikata tirċievi n-notifika barra mit-territorju tal-gżira jew barra l-pajjiż.

FuqFuq

9. Hemm skadenzi għal appelli b’mod speċifiku għal ċerti materji ċivili?

Minħabba l-interpretazzjoni wiesgħa mogħtija lil materji ċivili fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja Ewropea f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jingħad li hemm termini speċifiċi bħal dawn fid-dritt Portugiż – pereżempju fil-qasam tax-xogħol.

10. Jistgħu il-qrati, f’emerġenza jew għal kull kawża oħra, iqassru t-terminu għal dehra jew jiffissaw data speċjali għal dehra? Bil-maqlub, jistgħu perjodi bħal dawn ikunu estiżi?

It-termini statutorji ma jistgħux jitqassru. It-terminu proċedurali stabbilit mil-liġi ma jistax ikun estiż fil-każijiet imsemmija. Jekk il-partijiet jaqblu, it-terminu jista’ jkun estiż darba u għall-istess tul ta’ żmien (Artikolu 147 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

11. Meta att maħsub għal parti li tkun residenti f’post fejn huwa/hija jistgħu jgawdu minn estensjoni ta’ terminu, ikun innotifikat f’post fejn dawk li jkunu residenti hemm ma jgawdux minn estensjoni bħal dik, din il-persuna titlef il-benefiċċju ta’ terminu bħal dan?

Il-konvenut li jkun innotifikat b’rikors biex iwieġeb għal azzjoni ċivili partikolari, ikollu terminu biex jippreżenta difiża. Dan jista’ jkun estiż skont id-distanza ġeografika bejn il-post tan-notifika u l-post fejn il-qorti tkun tinsab jew skont fatturi oħra stabbiliti mil-liġi, li ma jinkludux il-post tar-residenza tal-persuna li jkollha tkun innotifikata. It-tweġiba għal din il-mistoqsija hija, għalhekk, li dan il-benefiċċju ma jeżistix fis-sitwazzjoni deskritta.

12. X’inhuma s-sanzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-perjodi?

L-iskadenza tat-terminu mandatorju ittemm id-dritt li titressaq azzjoni (Artikolu 145 tal-Kodiċi ta’ Proċedura ċivili).

In-nuqqas ta’ osservanza ta’ xi perjodi jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ multa.

13. Jekk it-terminu jiskadi, x’rimedji hemm għall-partijiet li jkunu naqsu?

L-att jista’ jitwettaq wara t-terminu f’każijiet ta’ impediment ġustifikat; fi kliem ieħor, bħala riżultat ta’ avveniment li ma jkunx attribwibbli għal dawk soġġetti għat-terminu jew għar-rappreżentanti tagħhom, li ma jħallix att partikolari jitwettaq f’waqtu. F’dan il-każ, il-parti li tallega l-impediment għandha minnufih iġġib prova li ssostni dan (Artikolu 146 tal-Kodiċi).

F’każijiet apparti impediment ġustifikat, l-att jista’ jitwettaq fi żmien l-ewwel tlett ijiem tax-xogħol wara t-tmiem tat-terminu, soġġett għall-ħlas ta’ multa (Artikolu 145 tal-Kodiċi).

« Skadenzi taż-Żmien skond il-Proċedura - Informazzjoni Ġenerali | Portugall - Informazzjoni Ġenerali »

FuqFuq

L-aħħar aġġornament: 08-04-2009

 
  • Liġi Komunitarja
  • Liġi Internazzjonali

  • Belġju
  • Bulgarija
  • Repubblika Ċeka
  • Danimarka
  • Ġermanja
  • Estonja
  • Irlanda
  • Greċja
  • Spanja
  • Franza
  • Italja
  • Ċipru
  • Latvja
  • Litwanja
  • Lussemburgu
  • Ungerija
  • Malta
  • Olanda
  • Awstrija
  • Polonja
  • Portugall
  • Rumanija
  • Slovenja
  • Slovakkja
  • Finlandja
  • Isvezja
  • Renju Unit